LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • fy kap. 16 pp. 183-191
  • Assigura Futur Dejjiemi għall-​Familja Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Assigura Futur Dejjiemi għall-​Familja Tiegħek
  • Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​VALUR TAL-​KONTROLL FUQNA NFUSNA
  • ĦARSA XIERQA LEJN L-​ISTAT TAʼ KAP
  • ‘KUN ĦAFIF BIEX TISMAʼ’
  • L-​IRWOL VITALI TAʼ L-​IMĦABBA
  • IL-​FAMILJA LI TAGĦMEL IR-​RIEDA T’ALLA
  • IL-​FAMILJA U L-​FUTUR TIEGĦEK
  • Sus Wara L-Paċi t’Alla fil-Ħajja tal-Familja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Żewġ Ċwievet Għal Żwieġ Dejjiemi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Nagħmlu Suċċess Mill-Ħajja Tal-Familja
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Ipprattika d-Devozzjoni Lejn Alla fid-Dar
    Qim lill-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
fy kap. 16 pp. 183-191

Kapitlu Sittax

Assigura Futur Dejjiemi għall-​Familja Tiegħek

1. X’kien l-​iskop taʼ Jehovah għall-​arranġament tal-​familja?

META Jehovah għaqqad fiż-​żwieġ lil Adam u Eva, Adam esprima l-​ferħ tiegħu billi lissen l-​ewwel poeżija Ebrajka ddokumentata. (Ġenesi 2:​22, 23) Madankollu, il-​Ħallieq kellu iktar f’moħħu milli sempliċement iġib kuntentizza għall-​ulied umani tiegħu. Ried li koppji miżżewġin u familji jagħmlu r-​rieda tiegħu. Hu qal lill-​ewwel par: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-​ħut tal-​baħar u t-​tajr taʼ l-​ajru u l-​ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-​art.” (Ġenesi 1:28) X’inkarigu grandjuż u premjanti! Kemm kienu jkunu henjin huma u t-​tfal futuri tagħhom kieku Adam u Eva għamlu r-​rieda taʼ Jehovah b’ubbidjenza sħiħa!

2, 3. Il-​familji kif jistgħu jsibu l-​akbar hena llum?

2 Illum, ukoll, il-​familji jkunu l-​iktar henjin meta jaħdmu flimkien biex jagħmlu r-​rieda t’Alla. L-​appostlu Pawlu kiteb: “[I]t-tjieba tiswa għal kollox billi fiha għandha l-​wegħda tal-​ħajja taʼ issa u taʼ dik li għad trid tiġi.” (1 Timotju 4:8) Familja li tgħix b’devozzjoni lejn Alla u li ssegwi l-​gwida taʼ Jehovah li tinsab fil-​Bibbja se ssib l-​hena fil-​“ħajja taʼ issa.” (Salm 1:​1-3; 119:105; 2 Timotju 3:16) Saħansitra jekk membru wieħed biss taʼ familja japplika l-​prinċipji tal-​Bibbja, l-​affarijiet ikunu aħjar milli kieku ħadd ma jagħmel hekk.

3 Dan il-​ktieb iddiskuta ħafna prinċipji tal-​Bibbja li jikkontribwixxu għall-​hena fil-​familja. X’aktarx li int innotajt li xi wħud minnhom jidhru ripetutament fil-​ktieb kollu. Għala? Għaliex jirrappreżentaw veritajiet qawwijin li jaħdmu għall-​ġid taʼ kulħadd f’diversi aspetti tal-​ħajja tal-​familja. Familja li tistinka biex tapplika dawn il-​prinċipji tal-​Bibbja ssib li d-​devozzjoni lejn Alla tassew “għandha l-​wegħda tal-​ħajja taʼ issa.” Ejjew inħarsu mill-​ġdid lejn erbgħa minn dawk il-​prinċipji importanti.

IL-​VALUR TAL-​KONTROLL FUQNA NFUSNA

4. Li wieħed jikkontrolla lilu nnifsu għala huwa vitali fi żwieġ?

4 Is-​Sultan Salamun qal: “Bħal belt miftuħa u bla ħitan, hu l-​bniedem li ma jitrażżanx.” (Proverbji 25:28; 29:11) Għal dawk li jridu żwieġ hieni huwa vitali li ‘jrażżnu’ l-​ispirtu tagħhom, jeżerċitaw il-​kontroll fuqhom infushom. Li wieħed iċedi għal emozzjonijiet distruttivi, bħalma huma d-​dagħdigħa jew ix-​xewqat immorali, se jikkaġuna ħsara li tieħu s-​snin biex tissewwa​—jekk wara kollox tistaʼ tissewwa.

5. Bniedem imperfett kif jistaʼ jikkultiva l-​kontroll fuqu nnifsu, u b’liema benefiċċji?

5 M’għandniex xi ngħidu, ebda dixxendent taʼ Adam ma jistaʼ jikkontrolla bis-​sħiħ il-​laħam imperfett tiegħu. (Rumani 7:​21, 22) Xorta waħda, il-​kontroll fuqna nfusna huwa frotta taʼ l-​ispirtu. (Galatin 5:​22, 23) Għalhekk, l-​ispirtu t’Alla se jipproduċi fina l-​kontroll fuqna nfusna jekk nitolbu għal din il-​kwalità, jekk napplikaw il-​parir xieraq li jinsab fl-​Iskrittura, u jekk nassoċjaw m’oħrajn li juruha u nevitaw lil dawk li ma juruhiex. (Salm 119:​100, 101, 130; Proverbji 13:20; 1 Pietru 4:7) Korsa bħal din se tgħinna biex ‘naħarbu ż-​żina,’ saħansitra meta nkunu ttantati. (1 Korintin 6:18) Se niċħdu l-​vjolenza u se nevitaw jew negħlbu l-​alkoħoliżmu. U se nittrattaw iktar bil-​kalma l-​provokazzjonijiet u sitwazzjonijiet diffiċli. Jalla kulħadd​—inklużi t-​tfal—​jitgħallem jikkultiva din il-​frotta vitali taʼ l-​ispirtu.​—Salm 119:​1, 2.

ĦARSA XIERQA LEJN L-​ISTAT TAʼ KAP

6. (a) X’inhu l-​arranġament taʼ l-​istat taʼ kap stabbilit b’mod divin? (b) Raġel x’irid jiftakar jekk l-​istat taʼ kap tiegħu jrid li jġib hena għall-​familja tiegħu?

6 It-​tieni prinċipju importanti huwa li wieħed jirrikonoxxi l-​istat taʼ kap. Pawlu ddeskriva l-​ordni xieraq taʼ l-​affarijiet meta qal: “Irridkom tkunu tafu li r-​ras taʼ kull raġel huwa Kristu, u ras il-​mara huwa r-​raġel, u ras Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Dan ifisser li raġel jieħu t-​tmexxija fil-​familja, martu tappoġġjah lealment, u t-​tfal ikunu ubbidjenti lejn il-​ġenituri tagħhom. (Efesin 5:​22-25, 28-33; 6:​1-4) Innota, iżda, li l-​istat taʼ kap iwassal għall-​hena biss meta jiġi mmaniġġat b’mod xieraq. Irġiel miżżewġin li jgħixu b’devozzjoni lejn Alla jafu li l-​istat taʼ kap m’huwiex l-​istat taʼ dittatur. Huma jimitaw lil Ġesù, il-​Kap tagħhom. Għalkemm Ġesù kellu jkun “kap fuq l-​affarijiet kollha,” hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi.” (Efesin 1:​22, NW; Mattew 20:28) B’mod simili, raġel Kristjan jeżerċita l-​istat taʼ kap, mhux biex jibbenefika lilu nnifsu, imma biex jieħu ħsieb l-​interessi taʼ martu u wliedu.​—1 Korintin 13:​4, 5.

7. Liema prinċipji Skritturali se jgħinu lil mara miżżewġa twettaq l-​irwol tagħha fil-​familja kif stabbilit minn Alla?

7 Min-​naħa tagħha, il-​mara li tgħix b’devozzjoni lejn Alla ma tikkompetix maʼ żewġha jew tfittex li tiddominah. Hi hienja li tappoġġjah u li taħdem miegħu. Il-​Bibbja kultant titkellem dwar il-​mara bħala li żewġha hu ‘sidha,’ u dan ma jħalli ebda dubju li hu l-​kap tagħha. (Ġenesi 20:3, NW) Permezz taż-​żwieġ hi tiġi taħt ‘il-​liġi taʼ żewġha.’ (Rumani 7:2) Fl-​istess waqt, il-​Bibbja ssejħilha “ajjutant” u “komplement.” (Ġenesi 2:​20, NW) Hi tipprovdi kwalitajiet u abbiltajiet li żewġha m’għandux, u tagħtih l-​appoġġ meħtieġ. (Proverbji 31:​10-31) Il-​Bibbja tgħid ukoll li mara hi “sieħba,” waħda li taħdem spalla maʼ spalla mas-​sieħeb tagħha. (Malakija 2:14) Dawn il-​prinċipji Skritturali jgħinu lil raġel u mara biex japprezzaw il-​pożizzjoni taʼ xulxin u biex jittrattaw lil xulxin b’rispett xieraq u dinjità xierqa.

‘KUN ĦAFIF BIEX TISMAʼ’

8, 9. Spjega xi prinċipji li se jgħinu lil kulħadd fil-​familja biex itejjeb l-​abbiltajiet tiegħu f’dik li hija komunikazzjoni.

8 F’dan il-​ktieb il-​ħtieġa għall-​komunikazzjoni hija enfasizzata taʼ spiss. Għala? Għaliex l-​affarijiet imorru aħjar meta n-​nies jitkellmu flimkien u tassew jagħtu widen lil xulxin. Ġie enfasizzat ripetutament li l-​komunikazzjoni hija reċiproka. Id-​dixxiplu Ġakbu esprimieha b’dan il-​mod: “Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jismaʼ; tqil biex jitkellem.”​—Ġakbu 1:19.

9 Huwa importanti wkoll li noqogħdu attenti dwar kif nitkellmu. Kliem kif ġie ġie, ġelliedi, jew kritiku żżejjed ma jifformax komunikazzjoni taʼ suċċess. (Proverbji 15:1; 21:9; 29:​11, 20) Saħansitra meta dak li ngħidu jkun korrett, jekk nesprimuh b’mod krudil, kburi, jew insensittiv, x’aktarx li se jagħmel iktar ħsara milli ġid. Id-​diskors tagħna għandu jkun li jħalli togħma tajba, ‘imħawwar bil-​melħ.’ (Kolossin 4:6) Kliemna għandu jkun bħal “tuffieħ tad-​deheb fuq platt tal-​fidda.” (Proverbji 25:11) Familji li jitgħallmu jikkomunikaw sewwa jkunu għamlu pass kbir lejn li jiksbu l-​hena.

L-​IRWOL VITALI TAʼ L-​IMĦABBA

10. Liema xorta taʼ mħabba hija vitali fiż-​żwieġ?

10 Il-​kelma “mħabba” tidher ripetutament f’dan il-​ktieb. Tiftakarha t-​tip taʼ mħabba li rreferejna għaliha primarjament? Huwa veru li l-​imħabba romantika (Grieg, eʹros) għandha parti importanti fiż-​żwieġ, u fi żwiġijiet li jirnexxu, l-​affezzjoni profonda u l-​ħbiberija (Grieg, phi·liʹa) jikbru bejn raġel u martu. Imma saħansitra iktar importanti hija l-​imħabba rrappreżentata mill-​kelma Griega a·gaʹpe. Din hija l-​imħabba li nikkultivaw għal Jehovah, għal Ġesù, u għall-​proxxmu tagħna. (Mattew 22:​37-39) Hija l-​imħabba li Jehovah jesprimi lejn l-​umanità. (Ġwann 3:16) Kemm hi ħaġa taʼ l-​għaġeb li aħna nistgħu nuru l-​istess tip taʼ mħabba lejn is-​sieħba jew is-​sieħeb tagħna fiż-​żwieġ u lejn it-​tfal!​—1 Ġwann 4:19.

11. L-​imħabba kif taħdem għall-​ġid taʼ żwieġ?

11 Fiż-​żwieġ din l-​imħabba elevata hija verament “rabta perfetta t’unjoni.” (Kolossin 3:​14, NW) Torbot lil koppja flimkien u tagħmilhom ikunu jridu jagħmlu dak li huwa l-​aħjar għal xulxin u għat-​tfal tagħhom. Meta familji jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli, l-​imħabba tgħinhom biex jittrattaw maʼ l-​affarijiet flimkien. Hekk kif koppja jikbru fiż-​żmien, l-​imħabba tgħinhom biex jappoġġjaw u jkomplu japprezzaw lil xulxin. “L-​imħabba . . . ma tfittexx dak li hu tagħha. . . . Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-​imħabba ma tintemm qatt.”​—1 Korintin 13:​4-8.

12. L-​imħabba lejn Alla min-​naħa taʼ koppja miżżewġa għala ssaħħaħ iż-​żwieġ tagħhom?

12 L-​għaqda fiż-​żwieġ tkun b’saħħitha speċjalment meta tkun issiġillata mhux biss permezz taʼ l-​imħabba bejn l-​imseħbin fiż-​żwieġ imma primarjament permezz taʼ l-​imħabba lejn Jehovah. (Koħelet 4:​9-12) Għala? Sewwa, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Din hi l-​imħabba taʼ Alla, li nżommu l-​kmandamenti tiegħu.” (1 Ġwann 5:3) B’hekk, koppja għandhom iħarrġu lit-​tfal tagħhom fid-​devozzjoni lejn Alla mhux sempliċement għaliex iħobbu profondament lit-​tfal tagħhom imma għaliex dan huwa l-​kmand taʼ Jehovah. (Dewteronomju 6:​6, 7) Għandhom jaħarbu l-​immoralità mhux biss għaliex iħobbu lil xulxin imma prinċipalment għaliex iħobbu lil Jehovah, li “għad jagħmel ħaqq miż-​żienja u mill-​adulteri.” (Lhud 13:4) Saħansitra jekk waħda jew wieħed mill-​imseħbin jikkaġuna problemi serji fi żwieġ, l-​imħabba lejn Jehovah se tqanqal lill-​parti l-​oħra biex tkompli ssegwi l-​prinċipji tal-​Bibbja. Henjin, tabilħaqq, huma dawk il-​familji li fihom l-​imħabba lejn xulxin issir iktar magħquda permezz taʼ l-​imħabba lejn Jehovah!

IL-​FAMILJA LI TAGĦMEL IR-​RIEDA T’ALLA

13. Determinazzjoni biex jagħmlu r-​rieda t’Alla kif se tgħin lil individwi biex iżommu għajnejhom fuq l-​affarijiet verament importanti?

13 Il-​ħajja taʼ Kristjan hija kollha kemm hi ċċentrata fuq li jagħmel ir-​rieda t’Alla. (Salm 143:10) Dan huwa dak li d-​devozzjoni lejn Alla tfisser tassew. Li jagħmlu r-​rieda t’Alla jgħin lill-​familji biex iżommu għajnejhom fuq l-​affarijiet li huma verament importanti. (Filippin 1:​9, 10) Per eżempju, Ġesù wissa: “Ġejt nifred lill-​bniedem minn missieru, lill-​bint minn ommha, u lill-​mara minn omm żewġha; u l-​bniedem ikollu n-​nies taʼ daru stess egħdewwa tiegħu.” (Mattew 10:​35, 36) Fi qbil mat-​twissija taʼ Ġesù, ħafna mis-​segwaċi tiegħu ġew ippersegwitati minn membri tal-​familja. X’sitwazzjoni tal-​biki u taʼ wġigħ! Xorta waħda, rabtiet tal-​familja m’għandhomx jegħlbu l-​imħabba tagħna lejn Alla Jehovah u lejn Ġesù Kristu. (Mattew 10:​37-39) Jekk wieħed jissaporti minkejja oppożizzjoni mill-​familja, dawk li jopponu għandhom mnejn jinbidlu meta jaraw l-​effetti tajbin tad-​devozzjoni lejn Alla. (1 Korintin 7:​12-16; 1 Pietru 3:​1, 2) Saħansitra jekk dan ma jseħħx, ma jinkiseb ebda ġid dejjiemi billi wieħed ma jibqax jaqdi lil Alla minħabba oppożizzjoni.

14. Xewqa biex jagħmlu r-​rieda t’Alla kif se tgħin lill-​ġenituri jaġixxu fl-​aħjar interessi tat-​tfal tagħhom?

14 Li jagħmlu r-​rieda t’Alla jgħin lill-​ġenituri biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Per eżempju, f’xi komunitajiet il-​ġenituri għandhom it-​tendenza li jqisu lit-​tfal bħala investiment, u jistrieħu fuq uliedhom biex jieħdu ħsiebhom fi xjuħithom. Waqt li huwa sewwa u xieraq li tfal kbar jieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħhom li jkunu mdaħħlin fiż-​żmien, konsiderazzjoni bħal din m’għandhiex iġġiegħel lill-​ġenituri jinfluwenzaw lil uliedhom biex jiġru wara mod taʼ ħajja materjalistiku. Il-​ġenituri ma jagħmlu ebda favur lit-​tfal tagħhom jekk irabbuhom b’tali mod li jistmaw il-​ġid materjali iktar mill-​affarijiet spiritwali.​—1 Timotju 6:9.

15. Ewnike, omm Timotju, kif kienet eżempju eċċellenti taʼ ġenitur li għamel ir-​rieda t’Alla?

15 Ewnike, omm Timotju l-​ħabib żagħżugħ taʼ Pawlu, hi eżempju mill-​aħjar f’dan ir-​rigward. (2 Timotju 1:5, KŻ) Għalkemm kienet miżżewġa lil wieħed mhux kredent, Ewnike, flimkien maʼ Lojs in-​nanna taʼ Timotju, rabbiet b’suċċess lil Timotju biex ifittex id-​devozzjoni lejn Alla. (2 Timotju 3:​14, 15) Meta Timotju kien kiber biżżejjed, Ewnike ħallietu jitlaq mid-​dar u jaqbad ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna bħala l-​kumpann missjunarju taʼ Pawlu. (Atti 16:​1-5) Min jaf kemm ħadet pjaċir meta binha sar missjunarju li jispikka! Id-​devozzjoni lejn Alla tiegħu bħala adult irriflettiet sewwa fuq it-​taħriġ bikri tiegħu. Żgur li Ewnike sabet sodisfazzjon u ferħ f’li tismaʼ rapporti dwar il-​ministeru leali taʼ Timotju, avolja probabbilment immissjatu.​—Filippin 2:​19, 20.

IL-​FAMILJA U L-​FUTUR TIEGĦEK

16. Bħala iben, Ġesù wera liema tħassib xieraq, imma liema kien l-​oġġettiv primarju tiegħu?

16 Ġesù kien imrobbi ġo familja devota u, bħala adult, wera t-​tħassib xieraq taʼ iben għal ommu. (Luqa 2:​51, 52; Ġwann 19:26) Madankollu, l-​oġġettiv prinċipali taʼ Ġesù kien li jwettaq ir-​rieda t’Alla, u għalih dan kien jinkludi li jiftaħ it-​triq għall-​bnedmin biex igawdu ħajja taʼ dejjem. Dan għamlu meta offra l-​ħajja umana u perfetta tiegħu bħala rahan għall-​umanità midinba.​—Mark 10:45; Ġwann 5:​28, 29.

17. Il-​korsa leali taʼ Ġesù liema prospetti glorjużi fetħet għal dawk li jagħmlu r-​rieda t’Alla?

17 Wara l-​mewt taʼ Ġesù, Jehovah qajmu għal ħajja fis-​sema u tah awtorità kbira, billi eventwalment installah bħala Sultan fis-​Saltna tas-​sema. (Mattew 28:18; Rumani 14:9; Apokalissi 11:15) Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù għamilha possibbli għal xi bnedmin li jiġu magħżulin biex jaħkmu miegħu f’dik is-​Saltna. Dan ukoll fetaħ it-​triq għall-​bqija taʼ l-​umanità li qalbhom hija inklinata għat-​tajjeb biex igawdu ħajja perfetta fuq art restawrata għal kundizzjonijiet taʼ ġenna. (Apokalissi 5:​9, 10; 14:​1, 4; 21:​3-5; 22:​1-4) Wieħed mill-​akbar privileġġi li għandna llum huwa li ngħidu din l-​aħbar tajba u glorjuża lill-​ġirien tagħna.​—Mattew 24:14.

18. Liema tfakkira u liema inkuraġġiment huma mogħtijin kemm lill-​familji u kemm lill-​individwi?

18 Bħalma wera l-​appostlu Pawlu, li jgħixu ħajja taʼ devozzjoni lejn Alla joffri l-​wegħda li n-​nies jistgħu jirtu dawk il-​barkiet fil-​ħajja “li għad trid tiġi.” Żgur li dan huwa l-​aqwa mod biex wieħed isib l-​hena! Ftakar, “[i]d-dinja bil-​ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-​rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:17) Għalhekk, kemm jekk int tifel jew ġenitur, raġel miżżewweġ jew mara miżżewġa, jew adult waħdek bit-​tfal jew mingħajrhom, stinka biex tagħmel ir-​rieda t’Alla. Saħansitra meta tkun taħt pressjoni jew tkun iffaċċjat b’diffikultajiet estremi, qatt tinsa li int qaddej taʼ dak Alla ħaj. B’hekk, jalla dak li tagħmel iġib ferħ lil Jehovah. (Proverbji 27:11) U jalla l-​kondotta tiegħek tirriżulta f’hena għalik issa u ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida li ġejja!

DAWN IL-​PRINĊIPJI TAL-​BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LILL-​FAMILJA TIEGĦEK BIEX TKUN HIENJA?

Il-​kontroll fuqna nfusna jistaʼ jiġi kkultivat.​—Galatin 5:​22, 23.

B’ħarsa xierqa lejn l-​istat taʼ kap, kemm ir-​raġel u kemm il-​mara jfittxu l-​aħjar interessi tal-​familja.​—Efesin 5:​22-25, 28-33; 6:4.

Il-​komunikazzjoni tinkludi li wieħed jagħti widen.​—Ġakbu 1:19.

L-​imħabba lejn Jehovah se tgħaqqad żwieġ.​—1 Ġwann 5:3.

Li tagħmel ir-​rieda t’Alla huwa l-​iktar għan importanti għal familja.​—Salm 143:10; 1 Timotju 4:8.

[Kaxxa f’paġna 188]

ID-​DON TAĊ-​ĊELIBAT

Mhux kulħadd jiżżewweġ. U mhux il-​koppji miżżewġin kollha jagħżlu li jkollhom it-​tfal. Ġesù ma żżewwiġx, u tkellem dwar iċ-​ċelibat bħala don meta jkun “minħabba s-​Saltna tas-​Smewwiet.” (Mattew 19:​11, 12) L-​appostlu Pawlu wkoll għażel li ma jiżżewwiġx. Hu tkellem kemm dwar l-​istat taċ-​ċelibat u kemm dwar dak taż-​żwieġ bħala ‘doni.’ (1 Korintin 7:​7, 8, 25-28) Għalhekk, waqt li dan il-​ktieb iddiskuta fil-​parti l-​kbira kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu maż-​żwieġ u t-​trobbija tat-​tfal, m’għandniex ninsew il-​barkiet u l-​premji potenzjali taʼ li wieħed jibqaʼ ma jiżżewwiġx jew taʼ li jiżżewweġ imma jibqaʼ mingħajr tfal.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja