LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 6/15 pp. 22-26
  • Żomm “l-Imħabba li Kellek fil-Bidu”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żomm “l-Imħabba li Kellek fil-Bidu”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xi Kkonvinċiek li Kont Sibt il-​Verità?
  • Ibni fuq il-​Pedament Tiegħek
  • Eżamina Lilek Innifsek
  • Għandek Ħafna Għalxiex Tkun Grat
  • “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Tħallix imħabbtek tibred
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Int Prezzjuż Ħafna għal Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Ħobb lill-Alla li Jħobbok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 6/15 pp. 22-26

Żomm “l-​Imħabba li Kellek fil-​Bidu”

“Ibqaʼ żomm sod dak li għandek.”—RIV. 3:11.

1, 2. Kif ħassejtek meta kkonvinċejt ruħek li dak li kont qed titgħallem dwar Ġeħova kien il-​verità?

TIFTAKAR meta l-​ewwel sirt taf dwar il-​prospett meraviljuż li Ġeħova joffri lill-​umanità ubbidjenti? Jekk qabel kont tħaddan reliġjon oħra, kif ħassejtek meta l-​iskopijiet t’Alla ġew spjegati lilek fi qbil maʼ l-​Iskrittura jew meta ġie spjegat lilek tagħlim li xi darba kien diffiċli biex tifhmu? Għandek mnejn irrealizzajt li ma kontx ġejt mgħallem il-​verità dwar Alla. Imma kemm kont ferħan x’ħin sirt taf il-​verità! Jekk int trabbejt minn ġenituri Kristjani, tiftakar kif ħassejtek meta kkonvinċejt ruħek li dak li kont qed titgħallem dwar Ġeħova kien il-​verità u ddeċidejt li tgħix ħajtek fi qbil miegħu?—Rum. 12:2.

2 Ħafna minn ħutek fil-​kongregazzjoni jgħidulek li huma ħassewhom se jtiru bil-​ferħ, qrib taʼ Ġeħova, u grati li hu kien ġibidhom lejh. (Ġw. 6:44) Il-​ferħ tagħhom qanqalhom biex jieħdu sehem f’attivitajiet Kristjani. Tant kienu mimlijin ferħ li riedu jaqsmu dak li ħassew maʼ kulħadd. Kellek int esperjenza simili?

3. Liema sitwazzjoni kien hemm fil-​kongregazzjoni t’Efesu meta Ġesù bagħtilhom messaġġ?

3 Meta indirizza lill-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu f’Efesu, Ġesù tkellem dwar ‘l-​imħabba li kellhom fil-​bidu.’ L-​Efesin kellhom ħafna kwalitajiet tajbin, però l-​imħabba li darba wrew għal Ġeħova kienet naqset. Għalhekk, Ġesù qalilhom: “Naf l-​għemejjel tiegħek, u t-​taħbit u s-​sabar tiegħek, u li ma ġġerragħhomx lill-​ħżiena, u li tgħarbel lil dawk li jgħidu li huma appostli, imma m’humiex, u sibt li huma giddibin. Ukoll, qed turi s-​sabar, u ssaportejt minħabba ismi u m’għejejtx. Madankollu, għandi dan kontrik, li int tlaqt l-​imħabba li kellek fil-​bidu.”—Riv. 2:2-4.

4. Il-​messaġġ taʼ Ġesù lill-​Efesin għala hu importanti llum?

4 Il-​parir taʼ Ġesù lill-​Efesin u lill-​kongregazzjonijiet oħrajn li hu indirizza fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni huwa xieraq meta nqisu l-​kundizzjonijiet li kien hemm għal xi żmien fost il-​Kristjani midlukin mill-​1914 ’il quddiem. (Riv. 1:10) Madankollu, huwa possibbli li anki issa xi Kristjani jistgħu jitilfu ‘l-​imħabba li kellhom fil-​bidu’ għal Ġeħova u għall-​verità Kristjana. B’dan f’moħħna, ejja neżaminaw kif billi tiftakar u timmedita fuq l-​esperjenzi tiegħek stess, tistaʼ żżomm, iġġedded, u żżid l-​imħabba u ż-​żelu li kellek fil-​bidu għal Alla u għall-​verità.

Xi Kkonvinċiek li Kont Sibt il-​Verità?

5, 6. (a) Kull Kristjan dwar xiex irid jikkonvinċi ruħu? (b) Xi kkonvinċiek li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jgħallmu l-​verità? (ċ) X’jistaʼ jgħin lil dak li jkun iġedded l-​imħabba li kellu fil-​bidu?

5 Kulmin jagħmel dedikazzjoni lil Ġeħova l-​ewwel irid ‘jagħti prova’ lilu nnifsu taʼ x’inhi “r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rum. 12:1, 2) Waħda mill-​affarijiet li dan jinvolvi hi li jitgħallem il-​verità tal-​Bibbja. Dak li jikkonvinċi lil xi ħadd li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jgħallmu l-​verità jistaʼ jkun differenti minn dak li jikkonvinċi lil xi ħadd ieħor. Xi wħud jiftakru li kien hemm bidla fl-​attitudni tagħhom meta qraw l-​isem divin fil-​Bibbja jew meta fehmu x’inhi l-​kundizzjoni vera tal-​mejtin. (Salm 83:19 [83:18, NW]; Koħ. 9:5, 10) Dak li impressjona lil oħrajn kien l-​imħabba fost il-​poplu taʼ Ġeħova. (Ġw. 13:34, 35) Jerġaʼ oħrajn impressjonahom xi jfisser li ma tkun ebda parti mid-​dinja. Huma kkonkludew li l-​Kristjani veri ma jistgħux jieħdu sehem f’kontroversji politiċi jew fi gwerer taʼ kwalunkwe nazzjon.—Is. 2:4; Ġw. 6:15; 17:14-16.

6 Għal ħafna, dawn ir-​raġunamenti u oħrajn kienu dak li qanqal l-​ewwel imħabba tagħhom għal Alla. Ħu l-​ħin biex tiftakar dwar dak li kkonvinċa lilek mill-​verità. Int individwu b’ċirkustanzi u karatteristiki uniċi, u għalhekk ir-​raġunijiet bażiċi għala tħobb lil Ġeħova u temmen fil-​wegħdi tiegħu x’aktarx huma differenti minn dawk t’oħrajn. X’aktarx li l-​istess raġunijiet huma validi għalik illum daqskemm kienu meta l-​ewwel sirt taf dwarhom. Il-​verità ma nbidlitx. Għalhekk, jekk tirrivedi dawn il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tistaʼ b’xi mod iġġedded l-​imħabba li kellek fil-​bidu għall-​verità.—Aqra Salm 119:151, 152; 143:5.

Ibni fuq il-​Pedament Tiegħek

7. Għala għandna bżonn inkabbru l-​ewwel imħabba tagħna għall-​verità, u kif nistgħu nagħmlu dan?

7 Għandu mnejn li nbidlu ħafna affarijiet f’ħajtek minn mindu għamilt id-​dedikazzjoni tiegħek lil Ġeħova. L-​ewwel imħabba tiegħek għall-​verità kienet importanti, imma hekk kif għadda ż-​żmien, kellek bżonn imħabba akbar biex tiffaċċja sfidi ġodda li ġarrbu l-​fidi tiegħek. Madankollu, Ġeħova tak l-​għajnuna li kellek bżonn. (1 Kor. 10:13) B’hekk, l-​esperjenzi tiegħek matul is-​snin huma wkoll prezzjużi għalik. Huma għenuk tkabbar l-​imħabba li kellek fil-​bidu, u dawn l-​esperjenzi huma mod ieħor kif tistaʼ tagħti prova lilek innifsek tar-​rieda tajba u aċċettabbli t’Alla.—Ġoż. 23:14; Salm 34:9 (34:8, NW).

8. Ġeħova kif identifika lilu nnifsu lil Mosè, u l-​Iżraelin kif saru jafu lil Alla b’mod iktar intimu?

8 Biex nagħtu tixbiha, ikkunsidra s-​sitwazzjoni li sabu ruħhom fiha l-​Iżraelin meta Ġeħova stqarr l-​iskop tiegħu li jeħlishom mill-​jasar fl-​Eġittu. Alla identifika lilu nnifsu lil Mosè, billi qal: “Jien se nsir dak li rrid insir.” (Eżo. 3:7, 8, 13, 14, NW) Bażikament, Ġeħova kien qed jgħid li hu kien se jsir dak kollu li kien hemm bżonn biex jeħles lill-​poplu tiegħu. Fil-​ġrajjiet li ġew wara u minħabba ċ-​ċirkustanzi, l-​Iżraelin raw lil Ġeħova juri l-​ħafna aspetti differenti tal-​personalità tiegħu—bħala Dak li Jistaʼ Kollox, bħala Mħallef, Mexxej, Ħellies, Gwerrier, u Wieħed li jipprovdi.—Eżo. 12:12; 13:21; 14:24-31; 16:4; Neħ. 9:9-15.

9, 10. Liema sitwazzjoni tistaʼ tgħin lil dak li jkun isir jaf lil Alla, u għala huwa tajjeb li niftakru f’dawn l-​esperjenzi?

9 Is-​sitwazzjoni tiegħek hija differenti minn dik taʼ l-​Iżraelin tal-​qedem. Minkejja dan, x’aktarx li int kellek esperjenzi li kkonvinċewk mill-​interess persunali t’Alla fik, u dawn saħħew il-​fidi tiegħek. Forsi Ġeħova wera li hu kien b’xi mod jew ieħor Wieħed li jipprovdi, Farrâġ, jew Għalliem. (Aqra Isaija 30:20b, 21.) Jew forsi esperjenzajt tweġiba ċara għal xi talba li kont għamilt. Forsi kont qed tiffaċċja xi sfida, u mbagħad xi ħadd minn fost ħutek Kristjani għenek. Jew permezz taʼ l-​istudju persunali għandek mnejn sibt skritturi adattati.

10 Kieku kellek tirrakkonta esperjenzi bħal dawn lil oħrajn, xi wħud għandhom mnejn ma jimpressjonawx ruħhom daqsek. Wara kollox, dawn il-​ġrajjiet ma kinux mirakolużi. Imma int tqishom bħala li huma sinifikanti ħafna. Iva, Ġeħova ta prova li kien dak li kellu bżonn ikun għalik. Aħseb lura fis-​snin li ilek fil-​verità. Tistaʼ tiftakar f’iktar minn okkażjoni waħda meta ħassejt l-​interess persunali taʼ Ġeħova f’ħajtek? Jekk iva, li tiftakar f’dawn il-​ġrajjiet u kif ġegħluk tħossok jistaʼ jqanqal f’qalbek l-​istess sentimenti taʼ mħabba għal Ġeħova li ħassejt lura dak iż-​żmien. Għożż dawn l-​esperjenzi. Immedita fuqhom. Huma prova li Ġeħova hu interessat fik personalment, u ħadd ma jistaʼ jneħħilek din il-​konvinzjoni.

Eżamina Lilek Innifsek

11, 12. Jekk naqset l-​imħabba taʼ xi Kristjan għall-​verità, x’tistaʼ tkun ir-​raġuni, u Ġesù liema parir ta?

11 Jekk ma tħossx l-​istess imħabba għal Alla u għall-​verità li ħassejt fil-​bidu, dan m’huwiex għax inbidel xi ħaġa min-​naħa tiegħu. Ġeħova qatt ma jinbidel. (Mal. 3:6; Ġak. 1:17) Hu kien interessat fik lura dak iż-​żmien, u llum għadu interessat fik daqskemm kien dakinhar. Allura jekk inbidel xi ħaġa fir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova, din x’tistaʼ tkun? Jistaʼ jkun li tħossok taħt iktar pressjoni, iktar inkwetat dwar l-​ansjetajiet tal-​ħajja? Forsi fil-​passat kont titlob iktar bil-​ħerqa, tistudja b’mod iktar diliġenti, timmedita iktar spiss. Kont int iktar żeluż fil-​ministeru u regulari fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni milli int issa?—2 Kor. 13:5.

12 Għandek mnejn ma tarax tendenzi bħal dawn fik innifsek, imma jekk tarahom, x’wassal għalihom? Forsi bir-​raġun int qed tinkwieta dwar affarijiet bħal li tipprovdi biżżejjed għal familtek, li tieħu ħsieb saħħtek, jew affarijiet simili. Però, jistaʼ jkun li minħabba f’hekk is-​sens t’urġenza tiegħek dwar kemm hu qrib jum Ġeħova majna? Ġesù qal lill-​appostli tiegħu: “Imma oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-​ħajja, u f’daqqa waħda dak il-​jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa. Għax jiġi fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-​art kollha. Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-​ħerqa l-​ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ.”—Lq. 21:34-36.

13. Ġakbu maʼ xiex qabbilha l-​Kelma t’Alla?

13 Ġakbu, wieħed mill-​kittieba ispirati tal-​Bibbja, ħeġġeġ lil sħabu fit-​twemmin biex jeżaminaw lilhom infushom bl-​onestà fi qbil mal-​Kelma t’Alla. Ġakbu kiteb: “Qisu li tagħmlu l-​kelma, u mhux tisimgħuha biss, u b’hekk tqarrqu bikom infuskom bi rraġunar falz. Għax jekk xi ħadd jismaʼ l-​kelma u ma jagħmilhiex, dan qisu wieħed li jħares lejn wiċċu naturali f’mera. Iħares lejn wiċċu u jitlaq ’l hemm, u minnufih jinsa liema xorta taʼ bniedem hu. Imma min iħares fiss lejn il-​liġi perfetta tal-​libertà u jibqaʼ jagħmel hekk, peress li dan ma jkunx wieħed li jismaʼ u jinsa imma wieħed li jobdi l-​kelma, ikun hieni li qed jagħmilha.”—Ġak. 1:22-25.

14, 15. (a) Il-​Bibbja kif tistaʼ tgħinek ittejjeb ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova? (b) Dwar liema mistoqsijiet tistaʼ timmedita?

14 Persuna tistaʼ tuża mera biex tkun ċerta li tidher preżentabbli. Per eżempju, jekk raġel jara li l-​ingravata tiegħu mhix f’postha, jistaʼ jiddrittaha. Jekk mara tara li xagħarha mhux pulit, tistaʼ tirranġah. B’mod simili, l-​Iskrittura tgħinna neżaminaw dak li aħna. Meta nqabblu lilna nfusna maʼ dak li l-​Bibbja tgħid li għandna nkunu, imbagħad inkunu qed nużawha bħala mera. Imma xi jkun l-​iskop li nħarsu f’mera jekk ma nirranġawx id-​difett li naraw? Aħna nkunu għaqlin jekk naġixxu fi qbil maʼ dak li naraw fil-​“liġi perfetta” t’Alla, billi nsiru wħud li ‘jagħmluha.’ Għalhekk, kulmin jinduna li l-​imħabba li kellu fil-​bidu għal Ġeħova u għall-​verità naqset, jagħmel tajjeb li jimmedita dwar dawn il-​mistoqsijiet: ‘Liema pressjonijiet qed niffaċċja fil-​ħajja, u kif qed nirreaġixxi għalihom? Kif irreaġixxejt fil-​passat? Inbidel xi ħaġa?’ Jekk permezz t’eżami bħal dan tiegħek innifsek tara xi nuqqasijiet, tinjorahomx. Jekk hemm bżonn taʼ xi aġġustamenti, m’għandniex xi ngħidu, agħmilhom bla dewmien.—Ebr. 12:12, 13.

15 Meditazzjoni bħal din tistaʼ tgħinek tagħmel miri raġunevoli sabiex tagħmel progress bħala Kristjan. L-​appostlu Pawlu ta parir ispirat lill-​ħaddiem sieħbu Timotju biex itejjeb il-​ministeru tiegħu. Pawlu ħeġġeġ liż-​żagħżugħ: “Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.” Aħna wkoll nagħmlu tajjeb jekk nimmeditaw, fi qbil maʼ dak li tgħid il-​Kelma t’Alla, dwar x’avanz nistgħu nagħmlu.—1 Tim. 4:15.

16. Għal liema periklu għandek tkun attent meta teżamina lilek innifsek fi qbil maʼ dak li tgħid l-​Iskrittura?

16 Jekk teżamina lilek innifsek onestament, x’aktarx li se ssib li għandek xi nuqqasijiet. Dan jistaʼ jġiegħel lil dak li jkun iħossu skuraġġit, imma tħallix li dan jiġri lilek. Wara kollox, l-​iskop għala teżamina lilek innifsek hu li tidentifika fejn tistaʼ titjieb. M’għadniex xi ngħidu, Satana jixtieq li Kristjan iħossu ma jiswa għalxejn minħabba l-​imperfezzjonijiet tiegħu. Fil-​fatt, saret l-​istqarrija li Alla ma japprezzax l-​isforzi kollha taʼ dawk li jaqduh. (Ġob 15:15, 16; 22:3) Din hija gidba li Ġesù sfida b’mod vigoruż; Alla jikkunsidra lil kull wieħed u waħda minna bħala prezzjużi. (Aqra Mattew 10:29-31.) Minflok, il-​fatt li tkun konxju taʼ l-​imperfezzjonijiet tiegħek għandu jġiegħlek tkun determinat bl-​umiltà li titjieb, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova. (2 Kor. 12:7-10) Jekk il-​mard jew ix-​xjuħija huma fatturi li jillimitaw dak li tistaʼ tagħmel, imbagħad agħmel miri li huma raġunevoli, imma taqtax qalbek jew tħalli l-​imħabba tiegħek tonqos.

Għandek Ħafna Għalxiex Tkun Grat

17, 18. Liema benefiċċji jiġu milli tkabbar l-​imħabba li kellek fil-​bidu?

17 Int tistaʼ tesperjenza benefiċċji kbar jekk tkompli tibni fuq il-​pedament taʼ l-​imħabba li kellek fil-​bidu. Tistaʼ tkabbar l-​għarfien tiegħek dwar Alla u l-​apprezzament tiegħek għall-​gwida kollha mħabba tiegħu. (Aqra Proverbji 2:1-9; 3:5, 6.) Is-​salmista qal: “Ħlas tajjeb għandu min iħarishom” id-​deċiżjonijiet ġudizzjarji taʼ Ġeħova. “Ix-​xhieda tal-​Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx.” Iżjed minn hekk, “Henjin dawk li triqthom bla ħtija, li jimxu fil-​liġi tal-​Mulej.”—Salm 19:8, 12 (19:7, 11, NW); 119:1.

18 Żgur li taqbel li għandek ħafna affarijiet tajbin għalxiex tkun grat. Int tifhem ir-​raġunijiet għal dak li qed jiġri fid-​dinja. Tibbenefika mill-​ħarsien u l-​attenzjoni spiritwali li Alla qed jagħti lill-​poplu tiegħu llum. Bla dubju, int tħossok grat ukoll li Ġeħova ġibdek fil-​kongregazzjoni tiegħu taʼ madwar id-​dinja u tak il-​privileġġ li tkun wieħed mix-​Xhieda tiegħu. Għodd il-​barkiet tiegħek! Kieku kellek tagħmel lista tagħhom, x’aktarx li tkun waħda twila. Jekk tagħmel dan darba kultant, bla dubju se tiġi megħjun tapplika dan il-​parir: “Ibqaʼ żomm sod dak li għandek.”—Riv. 3:11.

19. Flimkien maʼ meditazzjoni dwar ir-​relazzjoni tiegħek m’Alla, x’inhu essenzjali biex nibqgħu f’saħħitna spiritwalment?

19 Meditazzjoni dwar kif il-​fidi tiegħek żviluppat matul is-​snin hija biss mod wieħed kif tistaʼ tiġi megħjun iżżomm sod dak li għandek. Din ir-​rivista darba wara l-​oħra ġibdet l-​attenzjoni lejn affarijiet oħrajn li huma essenzjali biex nibqgħu f’saħħitna spiritwalment. Fosthom hemm it-​talb, l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani u l-​parteċipazzjoni fihom, u s-​sehem żeluż fil-​ministeru pubbliku. Dawn l-​affarijiet jistgħu jgħinuk tkompli ġġedded u tkabbar l-​imħabba li kellek fil-​bidu.—Efes. 5:10; 1 Pt. 3:15; Ġuda 20, 21.

Int Kif Twieġeb?

• Ir-​raġunijiet tiegħek għala sirt tħobb lil Ġeħova kif jistgħu jkunu sors taʼ inkuraġġiment għalik issa?

• Jekk tirrifletti dwar l-​esperjenzi tiegħek tul is-​snin dwar xiex jistgħu jikkonvinċuk?

• Għala għandek teżamina l-​imħabba tiegħek għal Alla?

[Stampa f’paġna 23]

X’kien hemm dwar il-​verità li ħajrek u kkonvinċiek?

[Stampa f’paġna 25]

Tara affarijiet fik li għandek bżonn tirranġa?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja