LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 5/15 pp. 16-20
  • Il-Kwalità tal-Fidi Tiegħek—Imġarrba Issa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kwalità tal-Fidi Tiegħek—Imġarrba Issa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Int Kif Tistaʼ Ġġarrab Prova?
  • Ibbenefika minn Fidi Mġarrba
  • Il-Fidi Kristjana Trid Tiġi Mġarrba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • ‘O Ġeħova, Għaddini minn Prova’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Kif Għandna Nqisuhom il-Provi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Għinni Fejn Għandi Bżonn Fidi!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 5/15 pp. 16-20

Il-​Kwalità tal-​Fidi Tiegħek—Imġarrba Issa

“Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-​tiġrib tal-​fidi tagħkom inissel is-​sabar.”—ĠAKBU 1:2, 3.

1. Il-​Kristjani għala għandhom jistennew provi tal-​fidi tagħhom?

KRISTJANI veri ma jiħdux gost ibatu, u ma jogħġbuhomx l-​uġigħ jew l-​umiljazzjoni. Madankollu, huma jżommu f’moħħhom il-​kliem t’hawn fuq miktub minn Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm. Kristu għamilha ċara lid-​dixxipli tiegħu li setgħu jistennew persekuzzjoni u diffikultajiet oħrajn minħabba li jżommu mal-​livelli t’Alla. (Mattew 10:34; 24:9-13; Ġwann 16:33) Xorta waħda, jistaʼ jirriżulta l-​ferħ minn provi bħal dawn. Dan kif?

2. (a) Provi tal-​fidi tagħna kif jistgħu jirriżultaw f’ferħ? (b) Is-​sabar kif jistaʼ jkollu l-​milja taʼ xogħlu fil-​każ tagħna?

2 Raġuni fundamentali għala nsibu ferħ meta nġarrbu provi jew testijiet tal-​fidi hija li dawn jistgħu jipproduċu frott tajjeb. Bħalma jgħid Ġakbu, li nissaportu meta nkunu ffaċċjati minn provi jew diffikultajiet “inissel is-​sabar.” Jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina jekk niżviluppaw dik il-​kwalità Kristjana taʼ valur. Ġakbu kiteb: “Ħallu li s-​sabar ikollu l-​milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.” (Ġakbu 1:4) Is-​sabar għandu biċċa xogħol x’jagħmel, ‘il-​milja taʼ xogħlu.’ L-​inkarigu tiegħu hu li jagħmilna kompleti fl-​aspetti kollha, billi jgħinna nkunu Kristjani bbilanċjati u maturi. Għalhekk, billi nħallu l-​provi jgħaddu l-​korsa tagħhom mingħajr ebda attentati li nużaw mezzi mhux skritturali biex infittxu ntemmuhom, il-​fidi tagħna tiġi mġarrba u rfinuta. Jekk forsi konna neqsin mill-​paċenzja, il-​mogħdrija, il-​qalb tajba, jew l-​imħabba f’li nittrattaw maʼ sitwazzjonijiet jew maʼ sħabna l-​bnedmin, is-​sabar jistaʼ jagħmilna iktar kompleti. Iva, is-​sekwenza hija: Il-​provi jipproduċu s-​sabar; is-​sabar iżid il-​kwalitajiet Kristjani; dawn huma raġuni għall-​ferħ.—1 Pietru 4:14; 2 Pietru 1:5-8.

3. Għala m’għandniex induru lura bil-​biżaʼ minħabba provi jew testijiet tal-​fidi?

3 L-​appostlu Pietru wkoll enfasizza għala m’għandniex għalfejn nibżgħu jew induru lura minn provi tal-​fidi tagħna. Hu kiteb: “Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi. Bħalma d-​deheb, li jintemm, jgħaddi mill-​prova tan-​nar, hekk tgħaddi mill-​prova l-​fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-​deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-​tifħir, għall-​glorja, u għall-​ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu.” (1 Pietru 1:6, 7) Dan il-​kliem huwa inkuraġġanti speċjalment issa għaliex “it-​tribulazzjoni l-​kbira”​—iż-​żmien taʼ tifħir, glorja, ġieħ, u sopravivenza—​hija wisq eqreb milli għandhom mnejn jaħsbu xi wħud u wisq eqreb minn meta sirna kredenti.—Mattew 24:21, NW; Rumani 13:11, 12.

4. Kif ħassu wieħed ħu dwar provi li hu u Kristjani midlukin oħrajn kienu esperjenzaw?

4 Fl-​artiklu preċedenti, ikkunsidrajna provi li l-​fdal midluk iffaċċja mill-​1914 ’il quddiem. Kienu dawn bażi għall-​ferħ? A. H. Macmillan tana din il-​ħarsa minn dak li ftakar: “Rajt ħafna provi ħorox jiġu fuq l-​organizzazzjoni u l-​fidi taʼ dawk li kienu fiha tiġi mġarrba. Bil-​għajnuna taʼ l-​ispirtu t’Alla din baqgħet sħiħa u kompliet tiffjorixxi. Rajt l-​għerf f’li wieħed jistenna bil-​paċenzja lil Jehovah biex jiċċara l-​fehma tagħna t’affarijiet Skritturali minflok ma jiskurmenta ruħu minħabba xi ħsieb ġdid. . . . Ikunu x’ikunu l-​aġġustamenti li jkollna nagħmlu minn żmien għal żmien fl-​opinjonijiet tagħna, dan m’huwiex se jbiddel il-​provvediment ħanin tar-​rahan u l-​wegħda t’Alla taʼ ħajja eterna. Mela ma kellniex għalfejn inħallu l-​fidi tagħna tiddgħajjef minħabba stennijiet mhux imwettqin jew bidliet fl-​opinjonijiet.”​—The Watchtower, tal-​15 t’Awissu, 1966, paġna 504.

5. (a) Liema benefiċċji rriżultaw mill-​fatt li l-​fdal ġarrab provi? (b) It-​tiġrib taʼ provi għala għandu jinteressana issa?

5 Kristjani midlukin li baqgħu sħaħ wara l-​perijodu taʼ prova taʼ l-​1914-19 ġew meħlusin mill-​influwenza dominanti tad-​dinja u minn ħafna prattiċi reliġjużi Babilonjani. Il-​fdal ħareġ bħala poplu mnaddaf u rfinut, li kien lest joffri sagrifiċċji taʼ tifħir lil Alla u li kellu l-​assiguranza li bħala poplu hu kien aċċettabbli għalih. (Isaija 52:11; 2 Korintin 6:14-18) Il-​ġudizzju kien beda mid-​dar t’Alla, imma ma kellux jitlesta f’perijodu fiss wieħed. It-​tiġrib taʼ provi u t-​tnaqqigħ tan-​nies t’Alla għadu sejjer. Dawk li jittamaw li jibqgħu ħajjin fit-​“tribulazzjoni l-​kbira” li riesqa bħala parti mill-​“kotra kbira” wkoll qed ikollhom il-​fidi tagħhom imġarrba. (Apokalissi 7:9, 14) Dan qiegħed isir b’modi simili għal dawk li ffaċċja l-​fdal midluk, kif ukoll b’modi oħrajn.

Int Kif Tistaʼ Ġġarrab Prova?

6. Ħafna esperjenzaw liema xorta taʼ prova ħarxa?

6 Ħafna Kristjani ħasbu dwar l-​isfida li jissuperaw provi fl-​għamla taʼ attakki frontali diretti. Huma jiftakru dan ir-​rapport: “[Il-mexxejja Lhud] sejjħu lill-​appostli quddiemhom, u, wara li tawhom is-​swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-​isem taʼ Ġesù; mbagħad telquhom. Iżda huma ħarġu minn quddiem is-​Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-​isem taʼ Ġesù.” (Atti 5:40, 41) U l-​istorja moderna tan-​nies t’Alla, speċjalment matul il-​gwerer dinjin, tagħmilha ċara li ħafna mix-​Xhieda taʼ Jehovah esperjenzaw attwalment swat, u ħafna agħar minn idejn il-​persekuturi.

7. Xi Kristjani fi żmienna sa liema punt waslu f’li juru l-​fidi?

7 Inkwantu għall-​fatt li l-​Kristjani huma mira tal-​persekuzzjoni, id-​dinja ma tagħmel ebda distinzjoni bejn il-​fdal midluk u l-​folla l-​kbira taʼ “nagħaġ oħra.” (Ġwann 10:16) Matul is-​snin, membri miż-​żewġ gruppi ġarrbu provi ħorox permezz taʼ tfigħ fil-​ħabs u saħansitra martirju minħabba l-​imħabba tagħhom lejn Alla u l-​fidi tagħhom fih. Iż-​żewġ gruppi kellhom bżonn l-​ispirtu t’Alla, hi x’inhi t-​tama tagħhom. (Qabbel The Watchtower, tal-​15 taʼ Ġunju, 1996, paġna 31.) Matul is-​snin tletin u erbgħin fil-​Ġermanja Nazista, ħafna mill-​qaddejja taʼ Jehovah, inklużi tfal, urew fidi straordinarja, u mhux ftit ġarrbu provi sal-​limitu tagħhom. Fi żminijiet iktar reċenti, in-​nies taʼ Jehovah ffaċċjaw il-​prova tal-​persekuzzjoni f’pajjiżi bħall-​Burundi, l-​Eritrea, l-​Etjopja, l-​Irwanda, il-​Malawi, il-​Możambik, is-​Singapor, u z-​Zaire. U provi taʼ din ix-​xorta għadhom sejrin.

8. Il-​kummenti taʼ wieħed ħu Afrikan kif juru li hemm iżjed involut fit-​tiġrib taʼ provi tal-​fidi milli li nissaportu persekuzzjoni fl-​għamla taʼ swat?

8 Madankollu, bħalma diġà nnotajna, il-​fidi tagħna qed iġġarrab ukoll provi b’modi iżjed sottili. Xi wħud mill-​provi m’humiex daqstant diretti u li tidentifikahom faċilment. Ikkunsidra kieku int kif kont tirreaġixxi għal xi ftit minn dan li ġej. Wieħed ħu fl-​Angola li kellu għaxart itfal kien f’kongregazzjoni li għal xi żmien kienet maqtugħa minn komunikazzjoni maʼ aħwa responsabbli. Iktar tard sar possibbli għal oħrajn li jżuru l-​kongregazzjoni. Ġie mistoqsi kif kien qiegħed jirnexxilu jitmaʼ lill-​familja tiegħu. Ma kienx faċli għalih li jwieġeb, u kulma qal kien li s-​sitwazzjoni kienet diffiċli. Kien jistaʼ jitmaʼ lit-​tfal tiegħu minn taʼ l-​inqas ikla waħda kuljum. Ir-​risposta tiegħu: “Biex ngħidilkom, bilkemm. Aħna tgħallimna ngħaddu b’dak li għandna.” Imbagħad b’leħen mimli konvinzjoni, qal: “Imma mhux dan li nistennew f’dawn l-​aħħar jiem?” Fidi bħal din hija rimarkevoli fid-​dinja, imma m’hijiex rari fost Kristjani leali, li għandhom fiduċja sħiħa li l-​wegħdi tas-​Saltna se jitwettqu.

9. Kif qed inġarrbu prova f’konnessjoni maʼ l-1 Korintin 11:3?

9 Il-​folla l-​kbira qed iġarrbu prova wkoll f’konnessjoni maʼ proċeduri teokratiċi. Il-​kongregazzjoni Kristjana madwar id-​dinja hija diretta skond prinċipji divini u livelli teokratiċi. Dan ifisser l-​ewwelnett li Ġesù jiġi rrikonoxxut bħala l-​Mexxej, il-​wieħed maħtur bħala Kap tal-​kongregazzjoni. (1 Korintin 11:3) Sottomissjoni minn rajna lejh u lejn Missieru tintwera permezz tal-​fidi tagħna f’ħatriet u deċiżjonijiet teokratiċi relatati mal-​ħidma tagħna biex magħqudin nagħmlu r-​rieda taʼ Jehovah. Barra minn hekk, f’kull kongregazzjoni lokali, jinħatru rġiel biex jieħdu t-​tmexxija. Huma rġiel imperfetti li forsi d-​difetti tagħhom malajr narawhom; iżda niġu mħeġġin biex nirrispettaw lil dawn l-​indokraturi u li nkunu sottomessi. (Lhud 13:7, 17) Issibu xi drabi taʼ sfida dan għalik? Huwa dan verament taʼ prova għalik? Jekk iva, qiegħed int tibbenefika minn din il-​prova tal-​fidi tiegħek?

10. Liema prova niffaċċjaw rigward il-​ministeru taʼ l-​għalqa?

10 Qegħdin inġarrbu prova wkoll f’konnessjoni mal-​privileġġ u l-​ħtieġa li nieħdu sehem regolarment fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Biex ngħaddu b’suċċess minn din il-​prova, irridu nirrealizzaw illi li jkollna sehem sħiħ fil-​ministeru jinvolvi iżjed minn ammont minimu, jew turija, taʼ ppridkar. Ftakar fil-​kumment t’approvazzjoni li Ġesù għamel dwar l-​armla fqira li tat kulma kellha. (Mark 12:41-44) Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Qiegħed jien bl-​istess mod nagħti minni nnifsi f’konnessjoni mal-​ministeru tiegħi taʼ l-​għalqa?’ Ilkoll kemm aħna għandna nkunu Xhieda taʼ Jehovah 24 siegħa kuljum, lesti f’kull opportunità li nħallu d-​dawl tagħna jiddi.—Mattew 5:16.

11. Bidliet fil-​fehma jew pariri dwar kondotta kif jistgħu jkunu taʼ prova?

11 Prova oħra li għandna mnejn niffaċċjaw tirrigwarda l-​ammont t’apprezzament li għandna għad-​dawl li dejjem jiżdied u li qed jinfirex fuq il-​verità tal-​Bibbja u għall-​pariri pprovduti permezz tal-​klassi taʼ l-​irsir leali. (Mattew 24:45) Xi drabi dan jirrikjedi xi aġġustamenti fil-​kondotta persunali, bħal meta deher ċar li dawk li jużaw it-​tabakk kien se jkollhom jieqfu jekk riedu jibqgħu fil-​kongregazzjoni.a (2 Korintin 7:1) Jew il-​prova tistaʼ tkun f’li naċċettaw il-​ħtieġa li nimmodifikaw il-​gosti tagħna f’dik li hija mużika jew xi għamliet oħrajn taʼ divertiment.b Se niddubitaw aħna dwar kemm hu għaqli l-​parir li ningħataw? Jew se nħallu l-​ispirtu t’Alla jsawwar il-​ħsieb tagħna u jgħinna nilbsu l-​personalità Kristjana?—Efesin 4:20-24; 5:3-5.

12. X’inhu meħtieġ biex tissaħħaħ il-​fidi wara li wieħed ikun tgħammed?

12 Għal għexur taʼ snin, l-​għadd taʼ dawk mill-​folla kbira kien u għadu qed jiżdied, u wara l-​magħmudija tagħhom dawn qed ikomplu jsaħħu r-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah. Dan jinvolvi iktar milli wieħed jattendi għal xi assemblea Kristjana, imur għal xi ftit laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna, jew li kultant jieħu sehem fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Biex nagħtu eżempju: Individwu jistaʼ fiżikament ikun barra minn Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, imma ħallieha warajh bis-​serjetà? Għadu ggranfat maʼ dawk l-​affarijiet li jirriflettu l-​ispirtu taʼ Babilonja l-​Kbira​—spirtu li jżeblaħ il-​livelli taʼ tjieba t’Alla? Qiegħed jittratta l-​moralità u l-​fedeltà fiż-​żwieġ b’indifferenza? Jenfasizza l-​interessi persunali u materjali iktar mill-​interessi spiritwali? Iva, baqaʼ hu bla tebgħa mid-​dinja?—Ġakbu 1:27.

Ibbenefika minn Fidi Mġarrba

13, 14. X’għamlu xi wħud wara li kienu bdew fil-​mogħdija tal-​qima vera?

13 Jekk verament ħrabna minn Babilonja l-​Kbira u ħriġna wkoll mid-​dinja, ejjew ma nħarsux lejn l-​affarijiet li ħallejna warajna. Fi qbil mal-​prinċipju li nsibu f’Luqa 9:62, li xi ħadd minna jħares lura jistaʼ jkun ifisser li jitlef l-​opportunità li jkun sudditu tas-​Saltna t’Alla. Ġesù qal: “Min iqiegħed idu fuq il-​moħriet u jħares lura m’huwiex tajjeb għas-​Saltna taʼ Alla.”

14 Imma xi wħud li saru Kristjani fil-​passat, minn dak iż-​żmien ’l hawn ħallew lilhom infushom jiġu mfasslin fuq din is-​sistema t’affarijiet. Huma ma rreżistewhx l-​ispirtu tad-​dinja. (2 Pietru 2:20-22) Distrazzjonijiet dinjin assorbew l-​interess u l-​ħin tagħhom, u b’hekk impedew il-​progress tagħhom. Minflok ma żammew moħħhom u qalbhom iċċentrati b’mod sod fuq is-​Saltna t’Alla u t-​tjieba tiegħu, billi poġġew dawn l-​ewwel fil-​ħajja, huma żvijaw biex isegwu miri materjalistiċi. Jekk ma jiġux imqanqlin biex jirrikonoxxu l-​fidi dgħajfa u l-​bruda tagħhom, u jbiddlu l-​korsa tagħhom billi jfittxu pariri divini, huma jinsabu fil-​periklu li jitilfu r-​relazzjoni prezzjuża tagħhom maʼ Jehovah u maʼ l-​organizzazzjoni tiegħu.—Apokalissi 3:15-19.

15. X’inhu meħtieġ biex nibqgħu aċċettabbli għal Alla?

15 Li niġu misjubin approvati u bil-​prospett li nibqgħu ħajjin fit-​tribulazzjoni l-​kbira li riesqa bil-​ħeffa jiddependi fuq li nżommu nodfa, u li jkollna l-​ilbiesi tagħna ‘maħsulin fid-​demm tal-​Ħaruf.’ (Apokalissi 7:9-14; 1 Korintin 6:11) Jekk ma nżommux waqfa nadifa u taʼ tjieba quddiem Alla, is-​servizz sagru tagħna mhux se jkun aċċettabbli. Żgur li kull wieħed minna għandu jirrealizza li l-​kwalità mġarrba tal-​fidi se tgħinna nissaportu u nevitaw li nġibu fuqna d-​diżapprovazzjoni t’Alla.

16. Il-​gideb b’liema modi jistaʼ jkun taʼ prova għall-​fidi tagħna?

16 Xi drabi, il-​mezzi taʼ komunikazzjoni u l-​awtoritajiet sekulari jagħtu isem ħażin lin-​nies t’Alla, billi jirrappreżentaw ħażin it-​twemmin Kristjan u l-​mod taʼ ħajja tagħna. M’għandniex għax niskantaw b’dan, għax Ġesù juri ċar u tond li ‘d-​dinja kellha tobgħodna għax m’aħniex parti minnha.’ (Ġwann 17:14) Se nħallu lil dawk mogħmijin minn Satana jintimidawna u jaqtgħulna qalbna u jġagħluna nħossuna nistħu minħabba l-​aħbar tajba? Se nippermettu li l-​gideb kontra l-​verità jeffettwa l-​attendenza regulari tagħna għal-​laqgħat u l-​attività tagħna taʼ l-​ippridkar? Jew se nieqfu sodi u nkunu kuraġġużi u iktar iddeterminati minn qatt qabel li nkomplu niddikjaraw il-​verità dwar Jehovah u s-​Saltna tiegħu?

17. Liema assiguranza tistaʼ tistimulana biex nibqgħu nuru fidi?

17 Skond il-​profezija mwettqa tal-​Bibbja, aħna issa qegħdin ngħixu fl-​aħħarnett taż-​żmien tat-​tmiem. L-​istennijiet tagħna bbażati fuq il-​Bibbja għal dinja ġdida taʼ tjieba ċertament li se jsiru realtà li tgħaxxqek. Sakemm jasal dak il-​jum, jalla lkoll kemm aħna neżerċitaw fidi li ma titħarrikx fil-​Kelma t’Alla u nagħtu prova tal-​fidi tagħna billi ma mmajnawx fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna mad-​dinja kollha. Aħseb dwar l-​eluf taʼ dixxipli ġodda li qed jitgħammdu kull ġimgħa. M’hijiex din raġuni biżżejjed għalina biex napprezzaw li l-​paċenzja taʼ Jehovah rigward l-​esekuzzjoni tal-​ġudizzju tiegħu tistaʼ tirriżulta fis-​salvazzjoni taʼ ħafna iżjed nies? M’aħniex ferħanin li Jehovah ħallieha titkompla l-​attività taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna li ssalva l-​ħajja? U ma nitgħaxxqux aħna li miljuni aċċettaw il-​verità u qegħdin juru l-​fidi tagħhom?

18. X’inhi d-​determinazzjoni tiegħek inkwantu għal li taqdi lil Jehovah?

18 Ma nistgħux ngħidu kemm se jdum it-​tiġrib preżenti tal-​fidi tagħna. Imma ħaġa hija ċerta: Jehovah għandu jum iffissat taʼ rendikont għas-​sema u l-​art mill-​agħar preżenti. Sadattant, ejjew inkunu ddeterminati li nimitaw il-​kwalità prima taʼ fidi mġarrba murija minn Ġesù, il-​Perfezzjonatur tal-​fidi tagħna. U ejjew insegwu l-​eżempju tal-​fdal midluk li iżjed ma jmur dejjem jixjieħ u dak t’oħrajn li bil-​kuraġġ kollu qegħdin jaqdu fostna.

19. Liema ħaġa tistaʼ tkun ċert li se tirbaħ lil din id-​dinja?

19 Għandna nkunu ddeterminati li niddikjaraw bla ma nieqfu l-​aħbar tajba taʼ dejjem lil kull ġens, tribù, ilsien, u poplu b’kooperazzjoni maʼ l-​anġlu li qiegħed jittajjar f’nofs is-​sema. Ħa jisimgħu d-​dikjarazzjoni anġelika: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax ġiet is-​siegħa tal-​ħaqq tiegħu.” (Apokalissi 14:6, 7) Meta jsir dak il-​ġudizzju divin, x’se jkun ir-​riżultat inkwantu għall-​kwalità mġarrba tal-​fidi tagħna? Ma jkunx dan trijonf glorjuż​—ħelsien mis-​sistema preżenti t’affarijiet għal ġod-​dinja ġdida u taʼ tjieba t’Alla? Billi nissaportu l-​provi tal-​fidi tagħna, aħna se nkunu nistgħu ngħidu bħall-​appostlu Ġwanni: “Din hi r-​rebħa fuq id-​dinja: il-​fidi tagħna.”—1 Ġwann 5:4.

[Noti taʼ taħt]

a Ara The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Ġunju, 1973, paġni 336-43, u taʼ l-​1 taʼ Lulju, 1973, paġni 409-11.

b Ara The Watchtower tal-​15 taʼ Lulju, 1983, paġni 27-31.

Tiftakar Int?

◻ Kif inhu li provi tal-​fidi tagħna jistgħu jkunu raġuni għal ferħ?

◻ Liema huma xi provi tal-​fidi tagħna li nistgħu ma nidentifikawhomx faċilment?

◻ Kif nistgħu nibbenefikaw għal dejjem billi negħlbu provi tal-​fidi tagħna?

[Stampi f’paġna 17]

A. H. Macmillan (quddiem fuq ix-​xellug) dik il-​ħabta meta hu u uffiċjali tal-​Watch Tower Society ġew mitfugħin il-​ħabs inġustament

Hu kien delegat għall-​konvenzjoni f’Detroit, Michigan, 1928

Fl-​aħħar snin taʼ ħajtu, xorta waħda baqaʼ juri l-​fidi

[Stampa f’paġna 18]

Bħal din il-​familja, ħafna Kristjani fl-​Afrika wrew kwalità taʼ fidi mġarrba

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja