LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 6/15 pp. 12-17
  • Agħti Ġieħ lil Dawk li Ngħataw Awtorità Fuqek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħti Ġieħ lil Dawk li Ngħataw Awtorità Fuqek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nuqqas taʼ Rispett Iwassal għal Diżapprovazzjoni
  • Rispett Minkejja l-​Imperfezzjoni
  • Turi Int Rispett?
  • Agħti Ġieħ lil Dawk li Għandhom it-​Tmexxija
  • Għala Għandna Nirrispettaw l-Awtorità?
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Tkun Int Minn taʼ Quddiem Biex Tonora lil Oħrajn?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Għala nuru rispett lejn l-awtorità?
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Il-Ħarsa Kristjana Lejn l-Awtorità
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 6/15 pp. 12-17

Agħti Ġieħ lil Dawk li Ngħataw Awtorità Fuqek

“Agħtu ġieħ lil kulħadd. Ħobbu lill-​aħwa, qimu lil Alla, weġġħu lis-​sultan.”—1 PIETRU 2:17.

1, 2. Illum, in-​nies kif iħarsu lejn l-​awtorità? Għala?

“It-​tfal jingħataw kull dritt. Ma baqax rispett lejn il-​ġenituri,” ilmentat waħda omm. “Iċċedilhiex l-​Awtorità” tgħid stiker taʼ fuq il-​karozzi. Dawn huma biss żewġ opinjonijiet li jirriflettu s-​sitwazzjoni li, bħalma taf int, teżisti llum. In-​nuqqas taʼ rispett lejn il-​ġenituri, l-​għalliema, l-​imgħallmin, u l-​uffiċjali tal-​gvern huwa komuni ħafna mad-​dinja kollha.

2 Xi wħud forsi sempliċement ikemmxu xofftejhom u jgħidu, ‘Ma tantx jixirqilhom li nurihom rispett dawk li qegħdin f’pożizzjoni t’awtorità.’ Xi drabi forsi għandhom raġun. Kontinwament nisimgħu fl-​aħbarijiet dwar uffiċjali tal-​gvern li huma korrotti, dwar mgħallmin rgħiba, għalliema mhux kwalifikati, u ġenituri li jwettqu abbużi fuq uliedhom. B’ferħ ngħidu li ftit huma l-​Kristjani li juru din l-​attitudni lejn dawk b’awtorità fil-​kongregazzjoni.—Mattew 24:45-47.

3, 4. Il-​Kristjani għala għandhom juru rispett lejn dawk f’pożizzjoni t’awtorità?

3 Bħala Kristjani, għandna raġuni tajba li ġġagħalna nirrispettaw lil dawk li għandhom awtorità sekulari. L-​appostlu Pawlu jwiddeb lill-​Kristjani li “kull bniedem għandu jobdi lill-​awtorità taʼ fuqu. Ma hemmx awtorità jekk m’hix ġejja minn Alla; u l-​awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm bl-​ordni taʼ Alla.” (Rumani 13:1, 2, 5; 1 Pietru 2:13-15) Pawlu ta wkoll raġuni valida biex tiġi obduta l-​awtorità fil-​familja: “Intom, nisa miżżewwġa, obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-​Mulej. Intom, tfal, isimgħu mill-​ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-​Mulej.” (Kolossin 3:18, 20) L-​anzjani tal-​kongregazzjoni jixirqilhom li nagħtuhom ġieħ għaliex ‘l-​Ispirtu s-​Santu għamilhom għassiesa biex jirgħu l-​Knisja t’Alla.’ (Atti 20:28) Huwa b’rispett lejn Jehovah li aħna nagħtu ġieħ lill-​awtorità tal-​bniedem. M’għandniex xi ngħidu, il-​ġieħ li nagħtu lill-​awtorità taʼ Jehovah għandu dejjem jieħu l-​ewwel post f’ħajjitna.—Atti 5:29.

4 Waqt li nżommu f’moħħna l-​awtorità suprema taʼ Jehovah, ejja nikkunsidraw xi eżempji taʼ nies li ma wrewx rispett lejn dawk f’pożizzjoni t’awtorità u taʼ wħud li wrewh.

Nuqqas taʼ Rispett Iwassal għal Diżapprovazzjoni

5. Mikal liema attitudni nieqsa mir-​rispett uriet lejn David, u dan wassal għal liema ħaġa?

5 Mir-rakkont dwar il-​ħajja tas-​Sultan David nistgħu naraw kif Jehovah jħares lejn dawk li jistmerru l-​awtorità li tingħata minn Alla. Meta David ordna li l-​arka tal-​patt tinġieb Ġerusalemm, martu Mikal “lemħet lis-​sultan David jaqbeż u jiżfen quddiem il-​Mulej, u stmerritu f’qalbha.” Mikal kien imissha rrikonoxxiet li David ma kienx biss il-​kap tal-​familja imma wkoll is-​sultan tal-​pajjiż. Madankollu, uriet x’kienet qegħda tħoss b’mod sarkastiku: “Kemm kien sabiħ illum is-​sultan taʼ Iżrael, mikxuf quddiem għajnejn in-​nisa tal-​qaddejja tiegħu, bħalma jinkixef raġel bla ġieħ!” B’riżultat taʼ dan Mikal qatt ma kellha tfal.—2 Samwel 6:​14-​23.

6. Jehovah kif ħares lejn Koraħ meta dan wera nuqqas taʼ rispett lejn il-​midlukin Tiegħu?

6 Eżempju gwapp taʼ wieħed li ma tax ġieħ lit-​tmexxija teokratika maħtura minn Alla kien dak taʼ Koraħ. Xi privileġġ sabiħ kellu li jaqdi lil Jehovah fit-​tabernaklu bħala Keħati! Xorta waħda, hu beda jmaqdar lil Mosè u Aron, il-​mexxejja midlukin minn Alla għall-​Iżraelin. Koraħ ngħaqad maʼ kapijiet oħrajn taʼ Iżrael u dawn b’wiċċ sfieq qalu lil Mosè u Aron: “Il-​ġemgħa kollha huma kkonsagrati u f’nofshom hemm il-​Mulej. Għaliex togħlew fuq il-​ġemgħa tal-​Mulej?” Jehovah kif ħares lejn l-​attitudni taʼ Koraħ u dawk li appoġġawh? Alla ħares lejn l-​azzjoni tagħhom bħala waħda nieqsa mill-​ġieħ lejh stess. Wara li raw lil dawk kollha li żammew magħhom jinbelgħu mill-​art, Koraħ u l-​250 kap ġew meqrudin b’nar mingħand Jehovah.—Numri 16:​1-3, 28-​35.

7. “L-​appostli kbar” kellhom għalxiex jikkritikaw l-​awtorità taʼ Pawlu?

7 Fil-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu, kien hemm dawk li ma kinux jirrispettaw l-​awtorità teokratika. “L-​appostli kbar” fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu kellhom attitudni nieqsa mir-​rispett lejn Pawlu. Dawn ikkritikaw il-​kapaċità tiegħu bħala kelliemi billi qalu: “Meta hu jkun hawn ikun qisu bla ħila u kliemu taʼ min jistmerru.” (2 Korintin 10:10; 11:5) Kemm jekk Pawlu kien kelliemi mill-​aqwa u kemm jekk le, hu kien jixraqlu rispett bħala appostlu. Imma veru li kliem Pawlu kien taʼ min jistmerru? Meta fil-​Bibbja nsibu d-​diskorsi li għamel fil-​pubbliku, dawn jagħtu evidenza taʼ kemm kien kelliemi konvinċenti. Per eżempju, bħala riżultat taʼ diskussjoni qasira maʼ Erodi Agrippa II, li kien jaf “id-​drawwiet u l-​kwistjonijiet kollha tal-​Lhud,” Pawlu wassal lis-​sultan sal-​punt li jgħidlu: “Ftit jonqsok biex tipperswadini u tagħmilni nisrani!” (Atti 13:15-​43; 17:22-​34; 26:​1-​28) Madankollu, “l-​appostli kbar” f’Korintu akkużawh li kliemu kien taʼ stmerrija! Jehovah kif ħares lejn l-​attitudni tagħhom? F’messaġġ lill-​indokraturi tal-​kongregazzjoni ġewwa Efesu, Ġesù Kristu tkellem favur dawk li rrifjutaw li jiġu influwenzati minn uħud ‘li kienu jriduha taʼ appostli bla ma kienu.’—Apokalissi 2:2.

Rispett Minkejja l-​Imperfezzjoni

8. David kif wera li kien jagħti ġieħ lill-​awtorità li Jehovah kien ta lil Sawl?

8 Hemm ħafna eżempji fil-​Bibbja taʼ nies li taw ġieħ lil uħud f’awtorità, anki meta dawn użaw ħażin jew abbużaw mill-​awtorità tagħhom. David kien wieħed li ħallielna eżempju mill-​aħjar f’dan ir-​rigward. Is-​Sultan Sawl, li lilu David kien jaqdi, kien sar għajjur għall-​bravuri taʼ David, u fittex li joqtlu. (1 Samwel 18:​8-​12; 19:​9-​11; 23:26) Xorta waħda, għalkemm kellu opportunitajiet biex joqtol lil Sawl, David qal: “Iħarisni l-​Mulej milli mmidd idi fuq il-​midluk tal-​Mulej!” (1 Samwel 24:​3-6; 26:​7-​13) David kien jaf li Sawl kien fil-​ħażin, imma ħalla f’idejn Jehovah biex jiġġudikah. (1 Samwel 24:13, 16 [24:12, 15, NW]; 26:22-24) Hu ma tkellimx b’abbuż maʼ Sawl u lanqas dwaru.

9. (a) Kif ħassu David meta kien qed jiġi trattat ħażin minn Sawl? (b) Kif nistgħu ngħidu li r-​rispett taʼ David lejn Sawl kien ġenwin?

9 Kien David imnikket meta kien qed jiġi trattat ħażin? “Nies kefrin jonsbuli ħajti,” għajjat David lil Jehovah. (Salm 54:5 [54:3, NW]) Hu fetaħ qalbu maʼ Jehovah: “Eħlisni mill-​għedewwa, o Alla tiegħi . . . nies qalila jinġemgħu kontrija; u dan, Mulej, bla tort u bla ħtija tiegħi. Għalkemm jien bla ħtija, huma jiġru u jlestu għalija. Qum, ejja u ara b’għajnejk.” (Salm 59:2-5 [59:1-4, NW]) Qatt ħassejtek hekk għal xi ħadd t’awtorità, li għalkemm ma nqastux xorta waħda baqaʼ joħloqlok diffikultajiet? David ma naqasx li jurih rispett lil Sawl. Meta miet Sawl, minflok ma feraħ, David ikkompona għanja taʼ niket: “Sawl u Ġonatan, dħulin u maħbubin. . . . Eħfef mill-​ajkli, aqwa mill-​iljuni! Ja xbejbiet taʼ Iżrael, ibku lil Sawl.” (2 Samwel 1:​23, 24) X’eżempju mill-​aħjar hu dan taʼ rispett ġenwin lejn il-​midluk taʼ Jehovah, avolja David kien ġie stmat ħażin minn Sawl!

10. Pawlu liema eżempju tana f’li jagħti ġieħ lill-​ġemgħa li tiggverna b’awtorità mogħtija minn Alla, u dan għal xiex wassal?

10 Fl-era Kristjana wkoll insibu eżempji meraviljużi taʼ nies li taw ġieħ lill-​awtorità mogħtija minn Alla. Ħa nieħdu l-​każ taʼ Pawlu. Hu aċċetta b’rispett id-​deċiżjonijiet tal-​ġemgħa li tiggverna tal-​kongregazzjoni Kristjana fl-​ewwel seklu. Matul l-​aħħar żjara taʼ Pawlu f’Ġerusalemm, il-​ġemgħa li tiggverna tagħtu l-​parir li jitnaddaf skond ir-​riti tal-​Lhud biex juri li ma kellu xejn kontra l-​Liġi taʼ Mosè. Pawlu setaʼ rraġuna: ‘Dawn l-​aħwa qabel kienu wissewni biex nitlaq minn Ġerusalemm meta ħajti kienet mhedda. Issa jriduni nuri fil-​pubbliku li jien nirrispetta l-​Liġi taʼ Mosè. Diġà ktibt ittra lill-​Galatin biex inwissihom ħalli ma josservawx il-​Liġi. Jekk immur fit-​tempju, in-​nies jistgħu jinterpretaw ħażin l-​azzjoni tiegħi u forsi jaħsbu li qed inċedi għal dawk taċ-​ċirkonċiżjoni.’ Madankollu, Pawlu milli jidher ma rraġunax b’dan il-​mod. Peress li dan ma kienx jinvolvi l-​ksur taʼ xi prinċipji Kristjani, hu wera rispett u aċċetta l-​parir tal-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu. Ir-​riżultat immedjat kien li Pawlu kellu jiġi meħlus minn folla Lhudija rrabjata, u wara spiċċa biex qattaʼ sentejn il-​ħabs. Fl-​aħħar mill-​aħħar, ġiet magħmula r-​rieda t’Alla. Pawlu ta xiehda quddiem uffiċjali għoljin f’Ċesarija u mbagħad, bl-​ispejjeż kollha mħallsin mill-​gvern, ittieħed Ruma biex jagħti xiehda quddiem l-​istess Ċesari.—Atti 9:​26-​30; 21:20-​26; 23:11; 24:27; Galatin 2:​12; 4:​9, 10.

Turi Int Rispett?

11. Kif nistgħu nuru rispett lejn l-​awtorità sekulari?

11 Turi int rispett mistħoqq lil dawk t’awtorità? Il-​Kristjani huma kmandati ‘jagħtu lil kulħadd dak li ħaqqu, il-​ġieħ lil min imissu l-​ġieħ.’ Tabilħaqq, li nkunu sottomessi għall-​‘awtorità taʼ fuqna’ ma jinkludix biss li nħallsu t-​taxxi imma wkoll li nagħtu ġieħ lill-​awtoritajiet bil-​kondotta tagħna u bi kliemna. (Rumani 13:1-7) Kif nirreaġixxu jekk niġu ffaċċjati minn uffiċjali tal-​gvern li forsi jkunu ħorox magħna? Fl-​Istat taʼ Chiapas, fil-​Messiku, l-​awtoritajiet f’waħda mill-​komunitajiet ħatfu r-​rabaʼ taʼ 57 familja tax-​Xhieda taʼ Jehovah għax dawn il-​Kristjani ma ħadux sehem f’ċerti festi reliġjużi. Fil-​laqgħat li nżammu biex tissolva l-​kwistjoni, ix-​Xhieda, lebsin nadif u pulit, dejjem tkellmu b’dinjità u b’rispett. Iktar minn sena wara, id-​deċiżjoni nqatgħet favur tagħhom. L-​attitudni tagħhom rebħet ir-​rispett taʼ xi osservaturi sal-​punt li huma wkoll riedu jsiru Xhieda taʼ Jehovah!

12. Għala hu importanti li turi rispett profond lejn żewġek li ma jkunx jemmen bħalek?

12 Kif tistaʼ turi rispett għall-​awtorità mogħtija minn Alla fil-​familja? Wara li ddiskuta kif Ġesù ssaporta meta kien qed jiġi trattat ħażin, l-​appostlu Pietru qal: “Hekk ukoll, intom in-​nisa oqogħdu għas-​setgħa taʼ żwieġkom biex, jekk ikunu minn dawk li għadhom ma semgħux mill-​kelma taʼ l-​Evanġelju, jintrebħu, mhux bil-​kliem, imma bl-​imġiba tan-​nisa tagħhom, xħin jarawkom iġġibu ruħkom kif jixraq magħhom u bir-​rispett.” (1 Pietru 3:1, 2; Efesin 5:22-24) Pietru hawn enfasizza kemm hu importanti li mara tkun sottomessa lejn żewġha “bir-​rispett,” avolja xi rġiel forsi ftit li xejn juru li jixirqilhom dan ir-​rispett. Il-​mara li turi attitudni taʼ rispett għandha mnejn tirbaħ qalb żewġha li ma jkunx jemmen bħalha.

13. In-​nisa kif jistgħu jagħtu ġieħ lil żwieġhom?

13 Fil-kuntest taʼ dawn il-​versi, Pietru jiġbed l-​attenzjoni tagħna lejn l-​eżempju taʼ Sara, li żewġha Abraham, kien xempju eċċellenti taʼ fidi. (Rumani 4:​16, 17; Galatin 3:​6-9; 1 Pietru 3:6) Għandhom in-​nisa li żwieġhom ikunu jemmnu bħalhom jagħtuhom inqas ġieħ milli jagħmlu dawk in-​nisa li l-​imseħbin tagħhom ma jemmnux bħalhom? Xi ngħidu jekk int ma taqbilx maʼ żewġek dwar xi ħaġa? Ġesù tana xi pariri li hawn jistgħu jiġu applikati f’sens ġenerali: “Jekk xi ħadd [t’awtorità] iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn.” (Mattew 5:41) Tagħtih int ġieħ lil żewġek billi taġixxi skond ix-​xewqat tiegħu? Jekk dan jidher li hu diffiċli ħafna, urih kif tħossok dwar il-​ħaġa. Tirraġunax li hu jaf x’int tħoss. U meta turih ix-​xewqa tiegħek, dan agħmlu b’rispett. Il-​Bibbja twissina: “Ħa tkun dejjem il-​kelma tagħkom kollha ħlewwa, mħawwra bil-​melħ taʼ l-​għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd.”—Kolossin 4:6.

14. X’jinvolvi li tagħti ġieħ lill-​ġenituri tiegħek?

14 Xi ngħidu għalikom, tfal? Il-​Kelma t’Alla tikkmanda: “Intom it-​tfal, isimgħu mill-​ġenituri tagħkom fil-​Mulej, għax dan hu s-​Sewwa. ‘Weġġaħ ’il missierek u ’l ommok’, dan hu l-​ewwel kmandament b’wegħda sabiex ikollok ir-​riżq u tul għomrok fuq l-​art.” (Efesin 6:1-3) Innota li l-​ubbidjenza tagħkom lejn il-​ġenituri hija meqjusa bħala ħaġa waħda maʼ li ‘tweġġħu lil missierkom u lil ommkom.’ Il-​kelma Griega tradotta “weġġaħ” tfisser “tgħożż” jew “tagħti valur lil.” B’hekk, li tobdi jinvolvi iktar milli sempliċement issegwi b’nofs qalb ir-​regoli, li forsi għalik jidhru mhux raġunevoli, tal-​ġenituri. Alla jridek tistma bil-​kbir lill-​ġenituri tiegħek u tgħożż il-​gwida tagħhom.—Proverbji 15:5.

15. It-​tfal kif jistgħu jibqgħu jirrispettaw lill-​ġenituri tagħhom anki meta jħossu li dawn għamlu xi żball?

15 Jekk il-​ġenituri tiegħek jagħmlu xi ħaġa li tkun se tnaqqaslek ir-​rispett lejhom, x’għandek tagħmel? Ipprova ħares lejn din il-​ħaġa bil-​mod kif iħarsu lejha huma. Mhux huma kienu li ‘tawk il-​ħajja’ u pprovdew għalik? (Proverbji 23:22) U li jagħmlu, mhux sforz l-​imħabba li għandhom għalik? (Lhud 12:7-11) Tkellem bir-​rispett mal-​ġenituri u bil-​ħlewwa spjegalhom dak li tħoss. Anki jekk ma tiħux gost bil-​mod kif iwiġbuk, agħmel ħiltek biex ma tkellimhomx bla rispett. (Proverbji 24:29) Ftakar kif David baqaʼ jirrispetta lil Sawl saħansitra meta s-​sultan ma baqax jimxi fuq il-​pariri t’Alla. Itlob lil Jehovah biex jgħinek tegħleb sentimenti negattivi. “Iftħu qalbkom quddiemu,” qal David. “Alla hu kenn għalina!”—Salm 62:9 [62:8, NW]; Lamentazzjonijiet 3:25-27.

Agħti Ġieħ lil Dawk li Għandhom it-​Tmexxija

16. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ l-​għalliema foloz u l-​anġli?

16 L-anzjani tal-​kongregazzjoni huma maħturin mill-​ispirtu qaddis, iżda xorta waħda għadhom bnedmin imperfetti u jagħmlu l-​iżbalji. (Salm 130:3; Koħèlet 7:20; Atti 20:28; Ġakbu 3:2) Minħabba f’hekk xi wħud fil-​kongregazzjoni forsi jħossuhom li m’humiex sodisfatti bl-​anzjani. Kif għandna nirreaġixxu meta nħossu li xi ħaġa fil-​kongregazzjoni mhix qed tiġi trattata kif suppost, jew għallinqas hekk jidher? Innota l-​kuntrast bejn l-​għalliema foloz taʼ l-​ewwel seklu u l-​anġli: “Nies [l-għalliema foloz] wiċċhom bla mistħija, kburin, li ma jibżgħux ikasbru l-​ħlejjaq glorjużi. . . . Madankollu l-​anġli, għalkemm akbar fil-​qawwa u fis-​setgħa, ma jkasbruhomx u ma jakkużawhomx quddiem il-​Mulej.” (2 Pietru 2:10-13) Filwaqt li l-​għalliema foloz tkellmu b’abbuż dwar “ħlejjaq glorjużi”—anzjani li ngħataw awtorità fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu—l-​anġli ma tkellmux b’abbuż dwar l-​għalliema foloz li kienu qed jikkaġunaw firda fost l-​aħwa. L-​anġli, billi għandhom pożizzjoni superjuri u għandhom sens taʼ ġustizzja aħjar minn tal-​bnedmin, kienu konxji dwar x’kien qed jiġri fil-​kongregazzjoni. Iżda, b’rispett lejn Jehovah, huma ħallew il-​ġudizzju f’idejn Alla.—Lhud 2:6, 7; Ġuda 9.

17. Kif inhi involuta l-​fidi tiegħek fejn jidħlu xi problemi li tħoss li l-​anzjani qegħdin fl-​iżball?

17 Anki jekk xi ħaġa mhix tiġi trattata kif għandu jkun, m’għandux ikollna fidi f’Ġesù Kristu bħala l-​Kap ħaj tal-​kongregazzjoni Kristjana? Tgħid hu ma jafx x’qed jiġri fil-​kongregazzjoni tiegħu stess li għandu madwar id-​dinja? M’għandniex nirrispettaw il-​mod kif hu jittratta s-​sitwazzjoni u nirrikonoxxu l-​abbiltà tiegħu f’li jikkontrolla dak li qed jiġri? Tabilħaqq, ‘min jidhrilna li aħna biex niġġudikaw lil ħaddieħor?’ (Ġakbu 4:12; 1 Korintin 11:3; Kolossin 1:18) Għaliex ma titlobx lil Jehovah dwar xi tħassib li jistaʼ jkollok?

18, 19. X’tistaʼ tagħmel jekk tħoss li xi anzjan żbalja?

18 Minħabba l-​imperfezzjoni umana, jistgħu jqumu xi diffikultajiet jew problemi. Jistaʼ jiġri wkoll li xi anzjan jiżbalja, u b’hekk jeffettwa ħażin lil xi wħud. Is-​sitwazzjoni mhix se tinbidel jekk f’dawn iċ-​ċirkustanzi naġixxu bl-​għaġla. Dan jistaʼ biss ikabbar il-​problema. Dawk li għandhom dehen spiritwali se jistennew lil Jehovah biex isewwi kollox u jagħti d-​dixxiplina meħtieġa meta u kif jaf hu.—2 Timotju 3:16; Lhud 12:7-11.

19 Xi ngħidu jekk tħossok imnikket dwar xi ħaġa? Minflok toqgħod tpaċpaċ maʼ oħrajn fil-​kongregazzjoni, għax ma tavviċinax bir-​rispett lill-​anzjani għall-​għajnuna? Mingħajr ma tikkritika, spjega kif ġejt effettwat. Dejjem ‘ħoss għalihom,’ u ibqaʼ urihom rispett waqt li tiftaħ qalbek magħhom. (1 Pietru 3:8) Issirx sarkastiku, imma afda fil-​maturità tagħhom taʼ Kristjani. Apprezza meta b’qalb tajba joffrulek xi inkuraġġiment Skritturali. U jekk jidher li jkunu meħtieġa xi passi oħra taʼ korrezzjoni, afda f’Jehovah li hu se jiggwida lill-​anzjani biex jagħmlu dak li hu sewwa u xieraq.—Galatin 6:10; 2 Tessalonikin 3:13.

20. X’se neżaminaw fl-​artiklu li jmiss?

20 Madankollu, hemm aspett ieħor x’nikkunsidraw rigward kif nagħtu ġieħ u rispett lil dawk t’awtorità. M’għandhomx dawk li jingħataw pożizzjoni t’awtorità jirrispettaw lil min jitpoġġa fil-​ħarsien tagħhom? Ejja neżaminaw dan fl-​artiklu li jmiss.

Int Kif Twieġeb?

• X’raġuni tajba għandna biex nagħtu ġieħ lil dawk t’awtorità?

• Jehovah u Ġesù kif iħarsu lejn dawk li ma jirrispettawx l-​awtorità li tingħata minn Alla?

• X’eżempji mill-​aħjar għandna taʼ nies li taw ġieħ lil dawk li ngħataw awtorità?

• X’nistgħu nagħmlu jekk xi ħadd li għandu awtorità fuqna jidher li qisu żbalja?

[Stampa f’paġna 12]

Sara kellha rispett profond għall-​awtorità taʼ Abraham u kienet hienja

[Stampa f’paġna 13]

Mikal naqset li turi rispett għall-​awtorità taʼ David bħala kap tal-​familja u sultan

[Stampa f’paġna 15]

“Iħarisni l-​Mulej milli mmidd idi fuq il-​midluk tal-​Mulej!”

[Stampa f’paġna 16]

Għaliex ma titlobx lil Jehovah dwar xi tħassib li jistaʼ jkollok?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja