LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 11/15 pp. 3-7
  • “Oqogħdu Attenti u Tittraskurawx it-Talb”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Oqogħdu Attenti u Tittraskurawx it-Talb”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IBQAʼ ITLOB KULL TIP TAʼ TALB
  • “ITOLBU KONTINWAMENT”
  • IT-​TALB TAʼ NEĦEMIJA TWIEĠEB
  • ITLOB GĦAL ĦADDIEĦOR
  • ‘IS-​SALVAZZJONI TAGĦNA HI FIL-​QRIB’
  • Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • It-Talb Tiegħek X’Jirrivela Dwarek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Ħallu lil Alla Jkun Jaf X’Teħtieġu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Kif Tikseb Għajnuna Permezz Tat-Talb
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 11/15 pp. 3-7

“Oqogħdu Attenti u Tittraskurawx it-​Talb”

“Kunu moħħkom f’loku, u oqogħdu attenti u tittraskurawx it-​talb.”—1 PT. 4:7.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Liema tipi taʼ talb personalment għandek bżonn toffri iktar spiss?

  • Il-​Kristjani veri għala għandhom jitolbu kontinwament?

  • Min jibbenefika meta titlob għal ħaddieħor?

1, 2. (a) Għala hu vitali li ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb’? (b) Liema mistoqsijiet rigward it-​talb għandna nsaqsu lilna nfusna?

“L-​IKTAR ħin diffiċli biex tibqaʼ mqajjem matul il-​lejl huwa eżatt qabel ma tibda tielgħa x-​xemx,” jgħid ħaddiem li kien jaħdem billejl. Oħrajn li jkollhom jibqgħu mqajmin il-​lejl kollu probabbilment se jaqblu miegħu. Nistgħu nqabblu dan maż-​żmien li qed ngħixu fih. Qegħdin fl-​aħħar nett tad-​dinja taʼ Satana. Huwa bħall-​ħin l-​iktar mudlam taʼ billejl, u għalhekk il-​Kristjani llum iridu jissieltu biex jibqgħu mqajmin. (Rum. 13:12) Li torqod spiritwalment ikun taʼ periklu kbir. Huwa neċessarju li ‘nkunu moħħna f’loku’ u li nkomplu ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb.’—1 Pt. 4:7.

2 Minħabba li qegħdin daqshekk fil-​qrib taʼ tmiem id-​dinja taʼ Satana, ikun għaqli li nsaqsu lilna nfusna: ‘Kemm nagħti attenzjoni għat-​talb tiegħi? Nuża kull xorta, jew tip, taʼ talb, u nitlob b’mod kontinwu? Nitlob spiss għal ħaddieħor, jew it-​talb tiegħi normalment jiffoka biss fuq dak li għandi bżonn u dak li nixtieq? U kemm hu importanti t-​talb għas-​salvazzjoni tiegħi?’

IBQAʼ ITLOB KULL TIP TAʼ TALB

3. X’inhuma xi tipi taʼ talb?

3 Fl-​ittra tiegħu lill-​Efesin, l-​appostlu Pawlu rrefera għal “kull xorta taʼ talb.” (Efes. 6:18) Meta nitolbu lil Ġeħova, aħna spiss nitolbuh biex jagħtina dak li għandna bżonn u jgħinna nsolvu l-​problemi tagħna. “Semmiegħ it-​talb” bi mħabba jagħtina widen meta nistaqsuh għall-​għajnuna. (Salm 65:2) Madankollu, għandna wkoll nipprovaw niffokaw fuq tipi oħrajn taʼ talb. Dawn jinkludu tifħir, radd il-​ħajr, u suppliki.

4. Għala għandna nfaħħru lil Ġeħova spiss fit-​talb tagħna?

4 Hemm ħafna raġunijiet għala t-​talb tagħna lil Ġeħova għandu jinkludi kliem taʼ tifħir. Pereżempju, aħna nitqanqlu biex infaħħruh meta naħsbu dwar “l-​għemejjel setgħanin tiegħu” u “l-​abbundanza tal-​kobor tiegħu.” (Aqra Salm 150:1-​6.) Biss biss, is-​sitt versi taʼ Salm 150 isemmu t-​tifħir għal Ġeħova 13-​il darba! Bi mħabba profonda għal Alla, kittieb ieħor tas-​Salmi kanta: “Sebaʼ darbiet kuljum faħħartek minħabba d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji ġusti tiegħek.” (Salm 119:164) Bla dubju taʼ xejn, Ġeħova jixraqlu li jiġi mfaħħar. Għaldaqstant, m’għandniex aħna nfaħħruh fit-​talb tagħna “sebaʼ darbiet kuljum,” jiġifieri, spiss?

5. Il-​fatt li nkunu grati fit-​talb, kif inhu taʼ protezzjoni?

5 Ir-​radd il-​ħajr huwa tip importanti ieħor taʼ talb. Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani tal-​belt taʼ Filippi: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-​ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu.” (Flp. 4:6) Minħabba li qed ngħixu fl-​aħħar jiem tad-​dinja taʼ Satana u aħna mdawrin b’nies li huma “ingrati,” huwa importanti għalina li nirringrazzjaw lil Ġeħova minn qalbna għall-​barkiet kollha tiegħu ħalli ma nsirux bħan-​nies tad-​dinja. (2 Tim. 3:1, 2) Id-​dinja hija ddominata minn attitudni taʼ ingratitudni. Jekk ma noqogħdux attenti nistgħu nibdew nimitaw din l-​attitudni. Imma jekk inkunu grati meta nitolbu se nkunu ferħanin u mhux se ‘ngergru u nilmentaw dwar xortina.’ (Ġuda 16) Iktar minn hekk, meta l-​kapijiet tal-​familja jinkludu r-​radd il-​ħajr fit-​talb mal-​maħbubin tagħhom, ikunu qed jinkuraġġixxu lin-​nisa u t-​tfal tagħhom biex ikunu grati.

6, 7. (a) X’inhuma s-​suppliki? (b) Dwar xiex nistgħu nitolbu bil-​ħerqa lil Ġeħova?

6 Is-​suppliki huma talb sinċier b’sentimenti profondi, jew talb bil-​ħerqa. Dwar xiex nistgħu nitolbu bil-​ħerqa lil Ġeħova? Bla dubju, nistgħu nagħmlu dan meta nkunu qed niġu ppersegwitati jew jekk qed niffaċċjaw marda qerrieda. Fi żminijiet bħal dawn, nistgħu nifhmu għala t-​talb tagħna għall-​għajnuna t’Alla jsir b’suppliki. Iżda f’dawn iż-​żminijiet biss nistgħu nitolbu bil-​ħerqa lil Ġeħova?

7 Ikkunsidra t-​talba mudell taʼ Ġesù, u nnota x’qal dwar isem Alla, is-​Saltna Tiegħu, u r-​rieda Tiegħu. (Aqra Mattew 6:9, 10.) Id-​dinja hi miżgħuda bil-​ħażen, u l-​gvernijiet ma jistgħux jagħtu lin-​nies saħansitra l-​iktar affarijiet bażiċi li jkollhom bżonn. Għaldaqstant, żgur li għandna nitolbu bil-​ħerqa biex isem Missierna tas-​sema jitqaddes u biex saltnatu tneħħi l-​ħakma taʼ Satana mill-​art. Dan hu wkoll iż-​żmien biex nitolbu lil Ġeħova ħalli r-​rieda tiegħu sseħħ fuq l-​art bħalma qed isseħħ fis-​sema. Allura għandna noqogħdu attenti u nużaw kull tip taʼ talb.

“ITOLBU KONTINWAMENT”

8, 9. Għala għandna noqogħdu attenti li ma niġġudikawx lil Pietru u l-​appostli l-​oħrajn talli raqdu fil-​ġnien tal-​Ġetsemani?

8 Għalkemm l-​appostlu Pietru ħeġġeġ lill-​Kristjani biex ‘joqogħdu attenti u ma jittraskurawx it-​talb,’ hu nnifsu naqas milli jagħmel dan għall-​inqas f’okkażjoni minnhom. Hu kien wieħed mid-​dixxipli li raqdu waqt li Ġesù kien qed jitlob fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. Avolja Ġesù qalilhom biex ‘jibqgħu għassa u jitolbu kontinwament,’ huma xorta m’għamlux hekk.—Aqra Mattew 26:40-​45.

9 Minflok ma niġġudikaw bl-​aħrax lil Pietru u l-​appostli l-​oħrajn talli raqdu, għandna niftakru li kienu għajjenin ferm minħabba kulma għamlu dakinhar. Huma kienu ħejjew għall-​Festa tal-​Qbiż u ċċelebrawha dak il-​lejl stess. Imbagħad Ġesù tahom istruzzjonijiet għall-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej ħalli d-​dixxipli tiegħu jkunu jafu kif għandhom josservaw it-​Tifkira taʼ mewtu. (1 Kor. 11:23-​25) “Wara li kantaw għanjiet taʼ tifħir, ħarġu lejn il-​Muntanja taż-​Żebbuġ,” u b’hekk imxew xi ftit fit-​toroq dojoq taʼ Ġerusalemm. (Mt. 26:30, 36) Sa dak il-​ħin, jistaʼ jkun li kien ilu li daqq nofsillejl. Li kieku konna fil-​ġnien tal-​Ġetsemani dak il-​lejl, aħna wkoll forsi konna norqdu. Minflok ma kkritika lill-​appostli għajjenin, bi mħabba Ġesù għaraf li “l-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.”

Għalkemm Pietru tfixkel, hu tgħallem ‘joqgħod attent u ma jittraskurax it-​talb’ (Ara paragrafi 10, 11)

10, 11. (a) X’lezzjoni tgħallem Pietru mill-​esperjenza li kellu fil-​ġnien tal-​Ġetsemani? (b) L-​esperjenza taʼ Pietru kif teffettwak?

10 L-​esperjenza fil-​ġnien tal-​Ġetsemani ma kinitx għalxejn għal Pietru. Tgħallem lezzjoni qarsa talli ma qagħadx attent. Iktar kmieni, Ġesù qal: “Ilkoll kemm intom titfixklu minħabba dak li se ngħaddi minnu dan il-​lejl.” Għal dan, Pietru qal: “Għalkemm l-​oħrajn kollha jitfixklu minħabba dak li se tgħaddi minnu, jien m’iniex se nitfixkel!” Ġesù wieġeb billi qal li Pietru kien se jiċħdu tliet darbiet. Imma Pietru ma riedx jemmnu u qal: “Anki jekk ikolli mmut miegħek, żgur ma niċħdekx.” (Mt. 26:31-​35) Minkejja dan, Pietru tfixkel eżatt bħalma kien bassar Ġesù. Meta rrealizza x’kien għamel, Pietru tant ħassu ddispjaċut li “beka biki taʼ mrar.”—Lq. 22:60-​62.

11 Pietru żgur li tgħallem lezzjoni minn din l-​esperjenza u għeleb it-​tendenza taʼ li jafda wisq fih innifsu. F’dan il-​każ, it-​talb għen lil Pietru. Fil-​fatt, hu taʼ min jinnota li l-​parir biex ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb’ ġej minn Pietru. Qed nagħtu kas dan il-​parir ispirat? Iktar minn hekk, qed ‘nitolbu kontinwament,’ u b’hekk inkunu qed nuru li nistrieħu fuq Ġeħova? (Salm 85:8) Jalla nżommu f’moħħna wkoll it-​twissija tal-​appostlu Pawlu: “Min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.”—1 Kor. 10:12.

IT-​TALB TAʼ NEĦEMIJA TWIEĠEB

12. Neħemija għala hu t’eżempju għalina?

12 Ikkunsidra lil Neħemija, li qeda bħala kuppier tas-​sultan Persjan Artaserse madwar is-​sena 450 Q.E.K. Neħemija huwa eżempju mill-​aħjar taʼ xi ħadd li talab b’qalbu kollha. Għal ġranet sħaħ, ‘sam u talab quddiem Alla’ dwar is-​sitwazzjoni diffiċli tal-​Lhud f’Ġerusalemm. (Neħ. 1:4) Meta Artaserse saqsih għala kellu wiċċu mdejjaq, ‘minnufih Neħemija talab lill-​Alla tas-​smewwiet.’ (Neħ. 2:2-​4) B’liema riżultat? Ġeħova wieġeb it-​talb tiegħu u dderieġa l-​affarijiet b’tali mod li l-​poplu Tiegħu setaʼ jibbenefika. (Neħ. 2:5, 6) Din l-​esperjenza żgur li saħħet il-​fidi taʼ Neħemija.

13, 14. X’għandna nagħmlu biex ikollna fidi soda u ma nħallux lil Satana jiskuraġġina?

13 Meta nitolbu kontinwament, bħalma għamel Neħemija, dan jgħinna nżommu l-​fidi soda. Satana m’għandu l-​ebda ħniena u kemm-​il darba jattakkana meta nkunu dgħajfa. Pereżempju, jekk għandna marda serja jew qed niġġieldu kontra d-​dipressjoni, nistgħu nibdew inħossu li l-​ħin li nqattgħu fis-​servizz t’Alla kull xahar huwa taʼ valur żgħir ħafna għal Alla. Xi wħud minna għandhom mnejn jibdew jaħsbu fi ħsibijiet taʼ dwejjaq, forsi minħabba esperjenzi tal-​passat fil-​ħajja tagħhom. Satana jridna nemmnu li ma niswew għalxejn. L-​attakki tiegħu spiss isiru bl-​għan li jilgħab mas-​sentimenti tagħna, u b’hekk idgħajfilna l-​fidi. Però, billi ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb,’ aħna nistgħu nżommu l-​fidi tagħna soda. Iva, ‘it-​tarka kbira tal-​fidi se tgħinna nitfu l-​vleġeġ tan-​nar kollha tal-​Ħażin.’—Efes. 6:16.

Meta ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb,’ niġu megħjunin nibqgħu leali lejn Ġeħova matul il-​provi (Ara paragrafi 13, 14)

14 Jekk ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb,’ ma ninqabdux fuq sieq waħda waqt xi prova u b’hekk inkunu żleali lejn Ġeħova. Meta nħabbtu wiċċna mal-​provi, jalla niftakru fl-​eżempju taʼ Neħemija u immedjatament induru lejn Alla bit-​talb. Huwa biss bl-​għajnuna taʼ Ġeħova li nistgħu nirreżistu t-​tentazzjonijiet u nissaportu l-​provi tal-​fidi tagħna.

ITLOB GĦAL ĦADDIEĦOR

15. Liema mistoqsijiet għandna nsaqsu lilna nfusna dwar li nitolbu għal ħaddieħor?

15 Ġesù talab bil-​ħerqa biex il-​fidi tal-​appostlu Pietru ma tonqosx. (Lq. 22:32) Epafra, Kristjan leali li kien jgħix fl-​ewwel seklu, imita l-​eżempju taʼ Ġesù. Epafra għamel sforz biex jitlob għal ħutu f’Kolossi. Pawlu kitbilhom, “Hu dejjem jistinka għalikom fit-​talb tiegħu, sabiex fl-​aħħarnett tkunu sħaħ u jkollkom konvinzjoni soda fir-​rieda kollha t’Alla.” (Kol. 4:12) Nagħmlu tajjeb li nsaqsu lilna nfusna: ‘Nistinka fit-​talb għal ħuti taʼ madwar id-​dinja? Kemm-​il darba t-​talb tiegħi jinkludi lil sħabi fit-​twemmin li sofrew xi diżastru naturali? Meta kien l-​aħħar li għamilt sforz biex nitlob għal dawk li jerfgħu responsabbiltajiet kbar fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Reċentement, tlabt jien għal individwi fil-​kongregazzjoni li qed jiffaċċjaw xi diffikultajiet?’

16. Tagħmel differenza jekk nitolbux għal ħutna jew le? Spjega.

16 It-​talb tagħna lil Alla Ġeħova għan-​nom t’oħrajn jistaʼ jgħinhom tassew. (Aqra t-​2 Korintin 1:11.) Ġeħova mhuwiex obbligat li jagħmel xi ħaġa minħabba li bosta qaddejja jkunu qed jitolbu għal xi ħaġa ripetutament. Iżda, hu jkun kuntent meta jara l-​interess ġenwin f’xulxin hekk kif iwieġeb it-​talb tagħhom. Allura, għandna nieħdu bis-​serjetà l-​privileġġ u r-​responsabbiltà li nitolbu għal ħaddieħor. Għandna nimitaw lil Epafra u nuru mħabba għal ħutna l-​Kristjani billi nagħmlu sforz biex nitolbu għalihom. Meta nagħmlu hekk, il-​ferħ tagħna jiżdied, għax “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

‘IS-​SALVAZZJONI TAGĦNA HI FIL-​QRIB’

17, 18. Kif ikun t’għajnuna li ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb’?

17 Eżatt qabel ma qal li “l-​lejl daħal sewwa u l-​jum qorob,” Pawlu kiteb: “Tafu f’liema żmien stabbilit qegħdin, li diġà waslet is-​siegħa biex tistenbħu mill-​irqad, għax issa s-​salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta sirna nemmnu.” (Rum. 13:11, 12) Id-​dinja l-​ġdida mwiegħda t’Alla hi fil-​qrib, u s-​salvazzjoni tagħna hi eqreb milli għandna mnejn naħsbu. M’għandniex norqdu spiritwalment, u qatt m’għandna nħallu d-​distrazzjonijiet tad-​dinja jisirqulna l-​ħin tagħna milli nitolbu lil Ġeħova waħedna. Minflok, ejja ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb.’ Meta nagħmlu hekk, dan se jgħinna nieħdu sehem f’“atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla” hekk kif nistennew jum Ġeħova. (2 Pt. 3:11, 12) B’hekk, il-​mod taʼ ħajja li ngħixu juri li aħna qed nibqgħu mqajmin spiritwalment u li verament nemmnu li t-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar hu fil-​qrib. Għalhekk, jalla ‘nitolbu bla waqfien.’ (1 Tess. 5:17) Jalla wkoll nimitaw lil Ġesù billi nfittxu post imwarrab biex nitolbu fil-​privat. Se nersqu eqreb lejn Ġeħova jekk inwarrbu ħin biżżejjed biex nitolbu lilu. (Ġak. 4:7, 8) Din tkun barka meraviljuża!

18 L-​Iskrittura tgħid: “Meta kien bniedem, Kristu talab bil-​ħerqa u wkoll offra petizzjonijiet lil Dak li setaʼ jsalvah mill-​mewt, b’għajat qawwi u dmugħ, u t-​talb tiegħu ntlaqaʼ minħabba li kellu l-​biżaʼ t’Alla.” (Ebr. 5:7) Ġesù talab bil-​ħerqa u offra petizzjonijiet u żamm il-​lealtà lejn Alla sa l-​aħħar nett taʼ ħajtu fuq l-​art. B’riżultat taʼ dan, Ġeħova salva mill-​mewt ’l Ibnu l-​maħbub u ppremjah b’ħajja immortali fis-​sema. Ikunu xi jkunu t-​tentazzjonijiet u l-​provi li forsi jkollna fil-​futur, aħna wkoll nistgħu nkunu leali lejn Missierna tas-​sema. Jekk ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-​talb,’ jistaʼ jkollna l-​għotja taʼ li ngħixu għal dejjem.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja