LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 12/1 pp. 6-11
  • Qiegħed Int Tirsisti?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Qiegħed Int Tirsisti?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Perikli għal Anzjani
  • Ix-​Xewqa Mogħtija minn Alla biex Taqdi
  • Aqdi bil-​Ferħ Kif Irid Jehovah
  • Ħares Lejn il-​Futur
  • Aħwa Rġiel—Iżirgħu għall-Ispirtu u Rsistu!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Ħarreġ lil Oħrajn Biex Jirsistu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Qiegħed int ‘tirsisti’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Tikkwalifika Int Biex Taqdi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 12/1 pp. 6-11

Qiegħed Int Tirsisti?

“Jekk xi raġel qed jirsisti għall-​kariga taʼ indokratur, hu jixtieq xogħol mill-​aħjar.”—1 TIMOTEW 3:1.

1. It-​twettieq taʼ liema oġġettiv hu taʼ importanza primarja fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah?

IX-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH għandhom oġġettivi xierqa li huma mmirati u mwettqa b’mod taʼ tjieba. Dan m’għandux jissorprendina, ladarba Alla tagħhom għandu oġġettivi nobbli u dejjem iwettaq il-​għanijiet tiegħu. (Isaija 55:8-11) Il-​qaddejja taʼ Jehovah m’għandhomx ikunu bħal dawk in-​nies li huma nieqsa minn oġġettiv mill-​aħjar u jgħaddu l-​ħajja bla ħsieb billi jagħmlu ftit li xejn biex jibbenefikaw lil xi ħadd għajr lilhom infushom. Taʼ importanza primarja għax-​Xhieda t’Alla hu t-​twettieq tal-​oġġettiv nobbli taʼ li jxandru l-​messaġġ tas-​Saltna u li jaqsmu mal-​oħrajn il-​għarfien li jagħti l-​ħajja tal-​Kelma t’Alla.—Salm 119:105; Mark 13:10; Ġwann 17:3.

2. Liema oġġettiv għal irġiel Kristjani kien imsemmi minn Pawlu fl-​1 Timotew 3:1?

2 Fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, hemm ukoll oġġettivi nobbli oħrajn. L-​appostlu Pawlu semma wieħed minn dawn meta kiteb: “Dik l-​istqarrija hi fidila. Jekk xi raġel qed jirsisti għall-​kariga taʼ indokratur, hu jixtieq xogħol mill-​aħjar.” Raġel bħal dan irid iwettaq xi ħaġa għall-​ġid tal-​oħrajn. Hu jixtieq “xogħol mill-​aħjar,” mhux ħajja taʼ komdità u glorja. Traduzzjoni oħra tgħid: “Huwa minnu li tgħid illi raġel li jdaħħalha f’qalbu li jmexxi għandu ambizzjoni taʼ min ifaħħarha.”−1 Timotew 3:1, Phillips.

Perikli għal Anzjani

3, 4. Raġel li qed jirsisti biex isir indokratur għala għandu jgħasses lil qalbu?

3 B’liema mod raġel li jitfaʼ qalbu fuq li jkun indokratur Kristjan għandu “ambizzjoni taʼ min ifaħħarha”? Sewwa, ambizzjoni hija xewqa mħeġġa biex twettaq xi oġġettiv partikulari. Veru, hemm ambizzjonijiet nobbli u oħrajn mhux nobbli. Imma jekk raġel bl-​umiltà jirsisti għal kariga taʼ indokratur, għaliex hu jrid jaqdi lill-​oħrajn, is-​servizz tiegħu jingħata b’mottivi retti u jistaʼ jwassal għal barkiet spiritwali. Imma hu jrid igħasses lil qalbu.—Proverbji 4:23.

4 Xi nies ambizzjużi jfittxu l-​glorja. Oħrajn iridu jaħkmu fuq bnedmin sħabhom. Regħba għall-​prominenza jew poter hija bħal għerq imħassar li jistaʼ jikkaġuna saħansitra siġra li tidher b’saħħitha biex tistabat mal-​art. Kristjan ukoll jistaʼ jċedi għal ambizzjoni b’mottivi ħżiena bħal dawn. (Proverbji 16:18) “Jien ktibt xi ħaġa lill-​kongregazzjoni,” qal l-​appostlu Ġwanni, “imma Diotrefes, li jħobb ikollu l-​ewwel post fosthom [“li jrid ikun kap fuq kollox,” Phillips], ma jilqaʼ lil ebda wieħed minna bir-​rispett. Hu għalhekk li, jekk niġi, se nfakkar xogħlijietu li hu jibqaʼ jagħmel, ilablab dwarna bi kliem mill-​agħar. Ukoll, billi mhux kuntent b’dawn l-​affarijiet, lanqas hu stess ma jilqaʼ lill-​aħwa bir-​rispett, u lil dawk li qed ikunu jridu jilqgħuhom hu jipprova jtellifhom u jixħethom ’il barra mill-​kongregazzjoni.” ( 3 Ġwann 9, 10) L-​ambizzjoni taʼ Diotrefes ma kinetx Kristjana. L-​arroganza u l-​ġiri ambizzjuż wara l-​poter fuq oħrajn m’għandhomx post fost il-​veri segwaċi taʼ Ġesù.—Proverbji 21:4.

5. B’liema attitudni għandhom l-​indokraturi jieħdu ħsieb id-​doveri tagħhom?

5 Indokratur Kristjan li jieħu ħsieb id-​doveri tiegħu bil-​mottiv tajjeb ma jiġrix wara ambizzjoni egoista. Hu se jqis dan ix-​xogħol mill-​aħjar taʼ indokrar Kristjan bħala privileġġ mogħti minn Alla u se jirgħa l-​merħla t’Alla “mhux bil-​fors, imma għax tridu; lanqas għal imħabba taʼ qligħ diżonest, imma ħerqana; lanqas billi tagħmluha taʼ sidien fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla, imma billi ssiru [eżempju] għall-​merħla.” (1 Pietru 5:2, 3) Iva, indokraturi għandhom igħassu kontra li jiżżviluppaw il-​kburija u kontra li jfittxu li jabbużaw mill-​poter.

6. Anzjan għala ma jridx jagħmilha taʼ sid fuq il-​poplu t’Alla?

6 Anzjan m’għandux jagħmilha taʼ sid fuq Kristjani oħrajn, għax hu ħaddiem seħibhom, mhux ‘sid fuq il-​fidi tagħhom.’ (2 Korintin 1:24) Meta ċerti appostli fittxew il-​prominenza, Ġesù qal: “Intom tafu li l-​ħakkiema tal-​ġnus jagħmluha taʼ mulejiet fuqhom u n-​nies kbar jaħkmu b’awtorità fuqhom. Dan mhux il-​mod fostkom; imma kulmin irid ikun kbir fostkom irid ikun il-​ministru tagħkom, u kulmin irid ikun l-​ewwel fostkom irid ikun l-​irsir tagħkom. Sewwa sew bħalma Bin il-​bniedem ġie, mhux biex ikun imministrat, imma biex jimministra u biex jagħti ruħu bħala rahan bi bdil maʼ ħafna.” (Mattew 20:28) Anzjan mhux ir-​Ragħaj Ewlieni imma biss sottoragħaj. Jekk hu jagħmilha taʼ sid fuq il-​merħla, hu juri spirtu taʼ kburija. B’mod speċjali tirriżulta ħsara jekk hu jħajjar oħrajn biex igħinuh javvanza l-​ambizzjonijiet imkabbra tiegħu. Proverbju jgħid: “Kulmin hu kburi fil-​qalb hu ħaġa mistmerra għal Jehovah. Id tistaʼ taqbad id, iżda wieħed ma jkunx ħieles mill-​kastig.”−Proverbji 16:5.

7, 8. (a) Għala huwa neċessarju għal anzjani Kristjani li jkunu umlin? (b) Agħti eżempju taʼ anzjan umli.

7 Anzjani Kristjani għalhekk għandhom ‘jumiljaw lilhom infushom taħt l-​id setgħana t’Alla.’ Il-​kburija timblokka t-​triq biex wieħed jintuża spiritwalment, għax l-​umlin biss qegħdin fil-​kundizzjoni xierqa tal-​qalb u tal-​moħħ biex jagħmlu r-​rieda divina. “Alla jopponi lill-​imkabbrin, imma jagħti qalb tajba mhix mistħoqqa lill-​umlin.” (1 Pietru 5:5, 6) Iva, Jehovah ibierek lil dawk umlin mentalment. Huwa minn fost dawn li rġiel ikkwalifikati jinħatru biex jaqdu bħala anzjani Kristjani.

8 L-​istorja taʼ żmien modern tax-​Xhieda taʼ Jehovah hija mimlija b’rakkonti taʼ servizz umli mogħti minn individwi taʼ tjieba. Per eżempju, ikkunsidra lil W. J. Thorn, persuna taʼ manjieri ġwejdin, li kien darba pellegrin, jew indokratur li jivvjaġġa, u ħaddiem għal żmien twil f’Betel. Dwaru, Kristjan ieħor qal: “Qatt u qatt ma ninsa stqarrija li għamel Ħuna Thorn li għenitni sal-​ġurnata tal-​lum. Hu qal, u se nikkwota, ‘Kull meta nibda naħseb bosta dwari nnifsi, nieħu lili nnifsi f’rokna, biex ingħidu hekk, u ngħid: “Ja nitfa trab. X’għandek biex titkabbar?”’” Xi kwalità taʼ min ifaħħarha għal anzjani u oħrajn biex jipprattikawha! Ftakar, “ir-​riżultat tal-​umiltà u l-​biżaʼ t’Alla hu rikkezzi u glorja u ħajja.”−Proverbji 22:4

Ix-​Xewqa Mogħtija minn Alla biex Taqdi

9. Għala jistaʼ jingħad li x-​xewqa li taqdi bħala indokratur hija mogħtija minn Alla?

9 Hija x-​xewqa li taqdi bħala indokratur mogħtija minn Alla? Iva, għax l-​ispirtu taʼ Jehovah jipprovdi l-​motivazzjoni, kuraġġ, u saħħa biex nagħtu servizz sagru lilu. Per eżempju, x’ġara meta s-​segwaċi ppersegwitati taʼ Ġesù talbu għall-​qlubija biex jippridkaw? “Il-​post li fih kienu miġburin flimkien theżheż; u lkoll kemm huma mtlew bl-​ispirtu qaddis u kienu jitkellmu l-​kelma t’Alla bil-​qlubija.” (Atti 4:27-31) Ladarba l-​ispirtu qaddis ipproduċa riżultati bħal dawn, jistaʼ wkoll iqanqal persuna biex jirsisti.

10. (a) X’inhi raġuni waħda għala raġel Kristjan jistaʼ mhux qed jirsisti? (b) Jekk Alla jagħtina privileġġ taʼ servizz, minn xiex nistgħu nkunu ċerti.

10 Kristjan matur għala jistaʼ mhux qed jirsisti? Hu forsi raġel spiritwali imma jħossu mhux addattat. (1 Korintin 2:14, 15) Naturalment, għandu jkollna ħarsa modesta tagħna nfusna, billi nkunu konxji tal-​limitazzjonijiet tagħna. (Mikea 6:8) Minflok li bil-​prużunzjoni naħsbu li aħna l-​iktar ikkwalifikati għal ċerta responsabbiltà, tajjeb li niftakru li “l-​għerf qiegħed mal-​modesti.” (Proverbji 11:2) Imma aħna għandna nirrealizzaw ukoll li jekk Alla jagħtina privileġġ taʼ servizz, hu se jipprovdi wkoll is-​saħħa meħtieġa biex inwettquh. Kif qal Pawlu: “Għall-​affarijiet kollha għandi s-​saħħa bis-​saħħa taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.”−Filippin 4:13.

11. X’jistaʼ jsir minn Kristjan li mhux jirsisti minħabba li jħossu li m’għandux biżżejjed għerf biex jagħti l-​pariri?

11 Kristjan jistaʼ ma jirsistix għax iħossu li m’għandux biżżejjed għerf biex jagħti pariri. Sewwa, forsi jistaʼ jakkwista għerf billi jkun student iktar ħabrieki tal-​Kelma t’Alla, u ċertament għandu jitlob għall-​għerf. Ġakbu kiteb: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf, ħa jibqaʼ jistaqsi ’l Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż lil kulħadd u mingħajr ma jċanfar; u sejjer jingħatalu. Imma ħa jibqaʼ jistaqsi bil-​fidi, bla ma jiddubita xejn, għax min jiddubita hu bħal mewġa tal-​baħar misjuqa mir-​riħ u mitfugħa ’l hawn u ’l hinn. Fil-​fatt, ħalli dak ir-​raġel ma jaħsibx li se jirċievi xi ħaġa mingħand Jehovah; huwa raġel indeċiż, mhux sod f’mogħdijietu kollha.” (Ġakbu 1:5-8) Bi tweġiba għat-​talb, Alla ta lil Salamun “qalb għarfa u li tifhem” li għenitu jagħraf bejn it-​tajjeb u l-​ħażin meta jiġġudika. (1 Salten 3:9-14) Il-​każ taʼ Salamun kien speċjali, imma bi studju ħabrieki u bil-​għajnuna t’Alla, irġiel fdati b’responsabbiltà tal-​kongregazzjoni jistgħu jagħtu parir lil oħrajn b’mod taʼ tjieba. “Jehovah innifsu jagħti l-​għerf; minn fommu hemm għarfien u dehen.”−Proverbji 2:6.

12. Jekk minħabba l-​anzjetà raġel mhux qed jirsisti, x’jistaʼ jgħinu?

12 Ammont taʼ anzjeta jistaʼ jżomm lil wieħed lura milli jirsisti. Jistaʼ jaħseb li ma jkunx kapaċi jerfaʼ r-​responsabbiltà tqila taʼ li jkun anzjan. Saħansitra Pawlu ammetta: “Hemm dak li jiġri lejja minn jum għal jum, l-​anzjetà għall-​kongregazzjonijiet kollha.” (2 Korintin 11:28) Imma l-​appostlu kien jaf x’kellu jagħmel meta jġarrab anzjetà, għax hu kiteb: “Tkunu anzjużi fuq xejn, imma f’kollox bit-​talb u bit-​tħannin flimkien maʼ radd il-​ħajr ħa jkunu l-​petizzjonijiet tagħkom imgħarrfin lil Alla; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb se tgħasses lil qlubkom u l-​qawwiet taʼ moħħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Iva, it-​talb u l-​fiduċja f’Alla jistgħu jgħinu biex itaffu l-​anzjetà.

13. Raġel kif jistaʼ jitlob jekk mhux kunfidenti f’li jirsisti?

13 Jekk jibqagħlu xi anzjetà, raġel li qed jaħsibha biex jirsisti jistaʼ jitlob bħalma għamel David: “Fittex ġewwa fija, O Alla, u kun af lil qalbi. Eżaminani, u kun af il-​ħsibijiet li jinkwetawni, u ara jekk hemmx fija xi mogħdija taʼ wġigħ, u mexxini fil-​mogħdija taʼ żmien indefinit.” (Salm 139:23, 24) Hi x’inhi n-​natura tal-​ħsibijiet ‘li jinkwetawna’ jew “taʼ anzjetà,” Alla jistaʼ jgħinna biex inlaħħqu magħhom sabiex inkunu nistgħu nagħmlu progress spiritwali. (Ara The New International Version.) Imqiegħed sewwa l-​kliem f’salm ieħor: “Meta jien għidt: ‘Sieqi ċertament li se tiċċaqlaq b’mod mhux sod,’ il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek stess, O Jehovah, baqgħet issostnini. Meta l-​ħsibijiet li jinkwetawni saru ħafna ġewwa fija, il-​konsolazzjonijiet tiegħek bdew imellsuli ruħi.”−Salm 94:18, 19.

Aqdi bil-​Ferħ Kif Irid Jehovah

14. Raġel li mhux jirsisti għala għandu jitlob għall-​ispirtu qaddis t’Alla?

14 Jekk minħabba anzjetà, raġel Kristjan jibda jħossu mhux addattat, jew tonqsu l-​motivazzjoni u jonqos li jirsisti, ċertament ikun xieraq li jitlob għall-​ispirtu t’Alla. Qal Ġesù: “Jekk intom, għalkemm intom mill-​agħar, tafu kif tagħtu rigali tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-​Missier fis-​sema se jagħti spirtu qaddis lil dawk li qed jitolbuh!” (Luqa 11:13) Ladarba l-​paċi u r-​rażna fuqna nfusna huma fost il-​frott tal-​ispirtu, dan l-​ispirtu jistaʼ jgħinna nlaħħqu mal-​anzjetà u maʼ li nħossuna li m’aħniex addattati._—Galatin 5:22, 23.

15. Talb taʼ liema għamla jistaʼ jgħin lil dawk li tonqoshom il-​motivazzjoni biex jagħmlu lilhom infushom disponibbli għal privileġġi taʼ servizz?

15 Xi ngħidu dwar nuqqas taʼ motivazzjoni? Bħala Kristjani mgħammdin, aħna għandna bżonn nitolbu li Alla jgagħalna nagħmlu dak li jogħġob lilu. David talab: “Gagħalni nkun naf mogħdijietek stess, O Jehovah . . . Ġagħalni nimxi fil-​verità tiegħek u għallimni.” (Salm 25:4, 5) Talb bħal dan se jgħinna nevitaw xi korsa ħażina, u nistgħu nitolbu b’mod simili jekk tonqosna l-​motivazzjoni biex nirsistu. Nistgħu nitolbu lil Jehovah biex iġegħilna nkunu rridu naċċettaw privileġġi taʼ servizz. Fil-​fatt, jekk nitolbu għall-​ispirtu t’Alla u nċedu għad-​direzzjoni tiegħu, aħna bla dubju se nagħmlu lilna nfusna disponibbli jekk privileġġi taʼ servizz jiġu offruti lilna. Wara kollox, bl-​ebda mod il-​qaddejja t’Alla ma jixtiequ jirreżistu l-​ispirtu tiegħu.—Efesin 4:30.

16. Liema attitudni tipprovdi motivazzjoni qawwija biex wieħed jirsisti għal responsabbiltà fil-​kongregazzjoni?

16 Billi jkollna “l-​moħħ taʼ Kristu,” aħna nsibu għaxqa f’li nagħmlu r-​rieda divina. (1 Korintin 2:16) Ġesù kellu l-​istess attitudni bħas-​salmista, li qal: “Li nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi, jien tgħaxxaqt, u l-​liġi tiegħek hi ġewwa l-​partijiet ġewwinija tiegħi.” (Salm 40:8) Kristu qal: “Ħares! Jien ġejt biex nagħmel ir-​rieda tiegħek,” u dak kien ifisser sal-​mewt fuq iz-​zokk tat-​tortura. (Ebrej l0:9, 10) Xewqa li tagħmel kulma hu possibbli fis-​servizz taʼ Jehovah tipprovdi motivazzjoni qawwija biex tirsisti għal responsabbiltà fil-​kongregazzjoni.

Ħares Lejn il-​Futur

17. (a) Irġiel li issa m’humiex jaqdu bis-​sħiħ bħalma kienu qabel għala m’għandhomx ikunu skuraġġiti? (b) X’inhu l-​akbar privileġġ fosthom kollha?

17 Minħabba problemi taʼ saħħa jew għal raġunijiet oħra, xi wħud li darba kienu jieħdu ħsieb taʼ doveri importanti tal-​kongregazzjoni fil-​preżent m’għandhomx dawn il-​privileġġi. Dawn m’għandhomx iħossuhom skuraġġiti. Aħna nafu li ħafna rġiel lejali li m’għadhomx jistgħu jaqdu bis-​sħiħ daqs kemm kienu jagħmlu qabel xorta waħda għadhom weqfin sodi bħala nies li jżommu l-​integrità. (Salm 25:21) Tabilħaqq, anzjani umlin li ilhom fil-​kariga jistgħu jibqgħu jipprovdu l-​esperjenza tagħhom billi jibqgħu parti mill-​ġemgħa taʼ anzjani. Għalkemm maħkuma bl-​età jew b’xi problema fiżika, m’għandhomx għalfejn iħallu l-​kariga. Sadattant, ħalli kull Xhud taʼ Jehovah igħożż l-​aqwa privileġġ fosthom kollha, dak taʼ li ‘jitkellmu dwar il-​glorja tal-​istat t’Alla bħala sultan’ bħala dawk li jappoġġjaw l-​isem qaddis tiegħu.—Salm 145: l0-13.

18. (a) Jekk anzjan jew qaddej ministerjali ġie mneħħi, x’jistaʼ jkun meħtieġ? (b) Liema attitudni mill-​aħjar wera wieħed anzjan li tneħħa?

18 Jekk int xi darba kont anzjan jew qaddej ministerjali imma issa m’għadekx taqdi f’dik il-​kariga, kun ċert li Alla xorta waħda għadu jieħu ħsiebek, u forsi jagħtik xi privileġġi mhux mistennija fil-​futur. (1 Pietru 5:6, 7) Jekk tinħtieġ li tagħmel xi tibdiliet, kun lest li tammetti xi nuqqas u aħdem fuqu bil-​għajnuna t’Alla. Xi wħud li tneħħew minn anzjani addottaw attitudni mhix Kristjana, u ftit minnhom saru inattivi jew saħansitra telqu mill-​verità. Imma kemm hu għaqli li tkun bħal dawk li wrew spirtu mill-​aħjar! Per eżempju, meta wieħed anzjan li kien qeda għal ħafna snin fl-​Amerka Ċentrali tneħħa, hu qal: “Huwa taʼ wġiegħ kbir għalija li tlift il-​privileġġ li kont ili ngħożż għal tant żmien. Imma jien se naħdem iebes fi kwalunkwe mod li l-​aħwa jridu jużawni u naħdem biex nirbaħ lura l-​privileġġi tiegħi taʼ servizz.” Maż-​żmien, dan il-​ħu ġie pprivileġġjat biex jaqdi bħala anzjan mill-​ġdid.

19. Liema parir xieraq jingħata lil ħu li ġie mneħħi minn anzjan jew qaddej ministerjali?

19 Jekk ġejt imneħħi minn anzjan jew minn qaddej ministerjali, mela, żomm spirtu umli. Evita attitudni ostili li ġġiegħlek ma tikkwalifkax għal privileġġi fil-​futur. Spirtu taʼ tjieba jirbaħ ir-​rispett. Minflok issir skuraġġit, irrifletti fuq kif Jehovah qed ibierek il-​ministeru jew il-​familja tiegħek. Ibni l-​familja tiegħek spiritwalment, żur il-​morda, u nkuraġġixxi lid-​dgħajfin. Fuq kollox, għożż il-​privileġġ tiegħek li tistaʼ tfaħhar lil Alla u xxandar l-​aħbar tajba bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah.—Salm 145:1, 2; Isaija 43:10-12.

20. Ġemgħa taʼ anzjani kif tistaʼ tgħin wieħed li qabel kien indokratur jew qaddej ministerjali?

20 Ġemgħa taʼ anzjani trid tirrealizza li t-​tneħhija tistaʼ tikkaġuna stress għal wieħed li qabel kien indokratur jew qaddej ministerjali, saħansitra jekk minn jeddu ċeda l-​privileġġ. Jekk mhux maqtugħ mis-​sħubija, imma l-​anzjani jaraw li l-​ħu huwa dipress, huma għandhom jipprovdu għajnuna spiritwali taʼ mħabba. (1 Tessalonkin 5:14) Huma għandhom igħinuh jirrealizza li hu meħtieġ fil-​kongregazzjoni. Saħansitra jekk kien meħtieġ jingħata parir, jistaʼ ma jiħux xi żmien twil biex raġel umli u grat jerġaʼ jirċievi iżjed privileġġi taʼ servizz fil-​kongregazzjoni.

21. Min stenna għal privileġġi taʼ servizz, u x’inhu ssuġġerit għal dawk li qed jistennewhom illum?

21 Jekk qed tirsisti, forsi jkollok tistenna ftit qabel tirċievi iżjed privileġġi taʼ servizz. Tkunx bla sabar. Mosè stenna 40 sena biex Alla wżah meta ħeles lill-​Iżraeliti mill-​jasar Eġizzjan. (Atti 7:23-36) Qabel ma nħatar bħala s-​suċċessur taʼ Mosè, Ġożwè qeda għal ħafna żmien bħala l-​qaddej tiegħu. (Eżodu 33:11; Numri 27:15-23) David stenna għal xi żmien qabel tpoġġa fuq it-​tron taʼ Iżrael. (2 Samwel 2:7; 5:3) Pietru u Ġwanni Marku milli jidher għaddew minn perijodi taʼ rfinar. (Mattew 26:69-75; Ġwann 21:15-19; Atti 13:13; 15:36-41; Kolossin 4:10) Mela jekk għalissa m’għandekx dmirijiet fil-​kongregazzjoni, Jehovah forsi qed iħallik tiġi ffurmat billi takkwista iżjed esperjenza. Hu x’inhu, fittex il-​għajnuna t’Alla hekk kif tirsisti, u hu jistaʼ jbierkek b’iżjed privileġġi taʼ servizz. Sadattant, aħdem b’mod ħabrieki biex tikkwalifika għal responsabbiltà fil-​kongregazzjoni u uri l-​ispirtu taʼ David, li ddikjara: “It-​tifħir taʼ Jehovah fommi se jitkellem; u ħalli l-​laħam kollu jbierek lill-​isem qaddis tiegħu għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—Salm 145:21.

Kif se Twieġeb?

◻ Kontra liema perikli għandhom igħassu anzjani Kristjani?

◻ X’jistaʼ jgħin lil dawk li minħabba anzjetà jew għax iħossuhom mhux addattati mhux qegħdin jirsistu?

◻ X’jistaʼ jqanqal lil wieħed biex jagħmel lilu nnifsu disponibbli għal responsabbiltà fil-​kongregazzjoni?

◻ B’liema attitudni għandhom iħarsu lejn il-​futur dawk li qabel kienu anzjani u qaddejja ministeriali?

[Stampa f’paġna 7]

W. J. Thorn ta eżempju mill-​aħjar taʼ anzjan umli

[Stampa f’paġna 9]

Bħal Ġesù, lest int li tagħmel dak kollu li hu possibbli fis-​servizz taʼ Jehovah?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja