Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Meta l-appostlu Ġwanni kiteb li “l-imħabba perfetta tkeċċi l-biżaʼ ’l barra,” x’ried ifisser bl-“imħabba perfetta,” u liema “biżaʼ” jitkeċċa ’l barra?
L-appostlu Ġwanni kiteb: “M’hemm ebda biżaʼ fl-imħabba, imma l-imħabba perfetta tkeċċi l-biżaʼ ’l barra, għax il-biżaʼ jaħkem u jgħakkes lil dak li jkun. Tabilħaqq, min hu maħkum mill-biżaʼ ma ntgħamilx perfett fl-imħabba.”—1 Ġwanni 4:18, NW.
Il-kuntest juri li Ġwanni kien qed jiddiskuti l-libertà tal-kelma—speċifikament dwar ir-relazzjoni bejn l-imħabba għal Alla u l-libertà tal-kelma li individwu jkollu biex jersaq lejh bit-talb. Dan nistgħu narawh minn dak li naqraw f’vers 17 (NW): “L-imħabba ntgħamlet perfetta fina, sabiex ikollna l-libertà tal-kelma f’jum il-ġudizzju.” Kemm Kristjan iħobb lil Alla u jħoss l-imħabba Tiegħu jeffettwa direttament jekk ikollux il-libertà tal-kelma jew le meta jersaq lejn Alla bit-talb.
L-espressjoni “mħabba perfetta” tfisser ħafna. Skond kif tintuża fil-Bibbja, il-kelma “perfetta” mhux dejjem tfisser il-perfezzjoni fis-sens assolut, jiġifieri, fl-ogħla grad, imma spiss f’sens relattiv. Per eżempju, fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.” Ġesù kien qed jgħid lis-segwaċi tiegħu li jekk iħobbu biss lil dawk li jħobbuhom, l-imħabba tagħhom ma kinitx tkun sħiħa, imma nieqsa u difettuża. Huma kellhom jipperfezzjonaw imħabbithom, jew jagħmluha sħiħa, billi jinkludu saħansitra lill-għedewwa tagħhom. Mela, bl-istess mod, meta Ġwanni kiteb dwar l-“imħabba perfetta,” hu kien qed jitkellem dwar l-imħabba għal Alla b’qalb sħiħa, żviluppata għalkollox, u tħaddan l-aspetti kollha tal-ħajja taʼ l-individwu.—Mattew 5:46-48; 19:20, 21.
Meta Kristjan jersaq lejn Alla bit-talb, ikun konxju ħafna taʼ kemm hu midneb u imperfett. Madankollu, jekk jiżviluppa għalkollox l-imħabba tiegħu għal Alla u jħoss li Alla tassew iħobbu, hu ma jiġix imfixkel mill-biżaʼ li Alla se jikkundannah jew jiċħdu. Minflok, hu jgawdi l-libertà tal-kelma meta jesprimi dak li għandu f’qalbu u meta jitlob maħfra fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ fidwa, li Alla pprovda bl-imħabba kollha permezz taʼ Ġesù Kristu. Hu jħossu ċert li t-talb tiegħu jinstemaʼ minn Alla.
Kif jistaʼ dak li jkun ‘jintgħamel perfett fl-imħabba,’ u għalhekk ‘ikeċċi ’l barra’ l-biżaʼ li jiġi kundannat jew miċħud? “Kull min iżomm il-kelma [t’Alla], fih hemm tassew l-imħabba taʼ Alla fil-milja tagħha,” qal l-appostlu Ġwanni. (1 Ġwanni 2:5) Ikkunsidra dan: Jekk Alla ħabbna meta konna għadna midinbin, mela kemm iktar se jħobbna jekk aħna nkunu niedma sinċerament u ‘nżommu kelmtu’ bir-reqqa? (Rumani 5:8; 1 Ġwanni 4:10) Tabilħaqq, sakemm nibqgħu leali, jistaʼ jkollna l-istess ċertezza li kellu l-appostlu Pawlu meta qal dwar Alla: “Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?”—Rumani 8:32.