Tgħallem u Għallem il-Moralità Kristjana
“Int li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek?”—RUMANI 2:21.
1, 2. Għalfejn għandek ix-xewqa li tistudja l-Bibbja?
GĦANDEK ħafna raġunijiet għalfejn tistudja l-Kelma t’Alla. X’aktarx li trid tkun taf il-fatti li fiha—dwar in-nies, il-ġrajjiet, il-postijiet, u affarijiet oħrajn. Trid tkun taf il-verità duttrinali, li hi l-oppost tal-fehmiet ħżiena reliġjużi, bħat-Trinità jew in-nar taʼ l-infern. (Ġwann 8:32) Għandu wkoll ikollok ix-xewqa li ssir taf lil Jehovah aħjar sabiex issir tixbhu iktar u timxi quddiemu b’mod rett.—1 Slaten 15:4, 5.
2 Raġuni importanti u konnessa maʼ li tistudja l-Kelma t’Alla hi biex tkun tistaʼ tgħallem lil oħrajn—lil dawk li tħobb, lin-nies li taf, u forsi anki lil dawk li għadek ma tafhomx. Għall-Kristjani din mhix għażla. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, . . . u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.”—Mattew 28:19, 20.
3, 4. Għala hu onorabbli għalik li tgħallem bħalma kkmanda Ġesù?
3 Li tistudja l-Bibbja bix-xewqa li tgħallem lil oħrajn huwa onorabbli u jistaʼ jkun is-sors taʼ sodisfazzjon permanenti. Ix-xogħol tat-tagħlim ilu jitqies bħala professjoni rispettata. L-Encarta Encyclopedia tgħid: “Fost il-Lhud, ħafna adulti kienu jikkunsidraw lill-għalliema bħala gwidi għas-salvazzjoni u ħeġġew lit-tfal biex jonoraw lill-għalliema tagħhom saħansitra iktar mill-ġenituri.” Hija ħaġa onorabbli b’mod partikulari għall-Kristjani li jgħallmu lilhom infushom billi jistudjaw il-Bibbja u mbagħad jgħallmu lil oħrajn.
4 “Hemm iktar nies fil-professjoni tat-tagħlim milli fi kwalunkwe professjoni oħra. Madwar 48 miljun raġel u mara mad-dinja kollha huma għalliema.” (The World Book Encyclopedia) Għalliem sekulari jiġi fdat bl-imħuħ taż-żgħar u jistaʼ jinfluwenzahom għal ħafna snin wara. Meta tobdi l-kmand taʼ Ġesù li tgħallem lil oħrajn, l-effett ikun ħafna akbar minn hekk; tistaʼ tinfluwenza l-futur etern tagħhom. L-appostlu Pawlu enfasizza dan meta ħeġġeġ lil Timotju: “Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:16) Iva, it-tagħlim tiegħek jinvolvi s-salvazzjoni.
5. It-tagħlim Kristjan għala huwa taʼ l-aqwa kwalità?
5 Ix-xogħol li tgħallem lilek innifsek u mbagħad lil oħrajn għandu l-awtorizzazzjoni u d-direzzjoni taʼ l-ogħla Sors, is-Sovran taʼ l-univers. Dan il-fatt waħdu jagħti lil dan il-qasam tat-tagħlim iktar sinifikat minn kwalunkwe kwalità oħra taʼ tagħlim sekulari, sew jekk ikun tagħlim taʼ suġġetti elementari, snajjaʼ għal xi impjieg, jew saħansitra speċjalitajiet mediċi. It-tagħlim Kristjan jinvolvi li l-istudent jitgħallem personalment kif jimita lil Bin Alla, Kristu Ġesù, u kif jgħallem lil oħrajn jagħmlu l-istess.—Ġwann 15:10.
Għala Tgħallem Lilek Innifsek?
6, 7. (a) Għala l-ewwel irridu ngħallmu lilna nfusna? (b) Il-Lhud taʼ l-ewwel seklu f’liema sens fallew bħala għalliema?
6 Għala jintqal li l-ewwel irridu ngħallmu lilna nfusna? Sewwa, ma nistgħux ngħallmu tajjeb lil ħaddieħor jekk l-ewwel ma nkunux tgħallimna aħna stess. Pawlu enfasizza dan il-fatt f’silta li tqanqal il-ħsieb. Din kienet taʼ sinifikat għal-Lhud taʼ dak iż-żmien, imma għall-Kristjani taʼ llum fiha messaġġ serju. Pawlu staqsa: “Int li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int tippriedka: La tisraqx, u tisraq? Tgħid: La tiżnix, u tiżni? Int tistkerrah lill-idoli, u tisraq it-tempji tagħhom? Int tiftaħar bil-Liġi, u żżeblaħ lil Alla bil-ksur tal-Liġi?”—Rumani 2:21-23.
7 Permezz taʼ mistoqsijiet retoriċi, Pawlu semma żewġ dnubiet li ssemmew direttament fl-Għaxar Kmandamenti: La tisraqx, u la tagħmilx adulterju. (Eżodu 20:14, 15) Xi Lhud fi żmien Pawlu kienu kburin li kellhom il-Liġi t’Alla. ‘Il-Liġi għallmithom jagħrfu jagħżlu l-aħjar u kienu persważi li jafu jmexxu lill-għomja u li kienu d-dawl fid-dlam, mgħallmin taż-żgħar.’ (Rumani 2:17-20) Madankollu, xi wħud kienu ipokriti għax kienu qed jisirqu jew jagħmlu adulterju bil-moħbi. Dan kien taʼ żebliħ kemm għal-Liġi u kemm għall-Awtur tagħha fis-sema. Tistaʼ tinnota li xejn ma kienu kwalifikati biex jgħallmu lil oħrajn; fil-fatt lanqas biss kienu qed jgħallmu lilhom infushom.
8. Xi Lhud fi żmien Pawlu kif forsi kienu qed ‘jisirqu t-tempji’?
8 Pawlu semma s-serq tat-tempji. Veru li xi Lhud għamlu dan letteralment? X’kellu f’moħħu Pawlu? Biex ngħidu s-sewwa, peress li l-informazzjoni f’din is-silta hija limitata, ma nistgħux inkunu dommatiċi dwar kif xi Lhud ‘serqu t-tempji.’ Ftit qabel, l-uffiċjal pubbliku t’Efesu ddikjara li sħab Pawlu ma kinux għamlu “sagrileġġ” taʼ tempju, u dan jissuġġerixxi li għallinqas xi nies kienu jaħsbu li l-Lhud setgħu jiġu akkużati b’dan. (Atti 19:29-37) Kienu huma personalment qegħdin jużaw jew ibigħu oġġetti prezzjużi li kienu ġejjin mit-tempji pagani misruqin mill-konkwistaturi jew miż-żelaturi reliġjużi? Skond il-Liġi t’Alla, id-deheb u l-fidda taʼ l-idoli kellhom jinqerdu, mhux jittieħdu għall-użu persunali. (Dewteronomju 7:25)a Għalhekk, Pawlu forsi kien qed jirreferi għal Lhud li injoraw il-kmand t’Alla u użaw jew għamlu qligħ minn oġġetti meħudin minn tempji pagani.
9. Liema prattiċi ħżiena, li kienu jinvolvu t-tempju f’Ġerusalemm, setgħu kienu l-istess bħallikieku qed isir serq tat-tempju?
9 Mill-banda l-oħra, Ġużeppi Flavju semma skandlu f’Ruma li sar minn erbaʼ Lhud li l-mexxej tagħhom kien għalliem tal-Liġi. Dawn l-erbgħa kkonvinċew lil waħda mara Rumana, proselita Lhudija, biex tagħtihom id-deheb u affarijiet prezzjużi oħra bħala kontribuzzjoni għat-tempju f’Ġerusalemm. Meta tathomlhom, huma użaw dawn ir-rikkezzi għalihom infushom—daqslikieku kienu qed jisirqu mit-tempju.b F’ċertu sens oħrajn kienu qed jisirqu mit-tempju t’Alla billi joffru sagrifiċċji difettużi u jmexxu ’l quddiem il-kummerċjaliżmu rgħib fl-inħawi li kienu jappartjenu lit-tempju. B’hekk kienu qed jagħmlu t-tempju “għar tal-ħallelin.”—Mattew 21:12, 13; Malakija 1:12-14; 3:8, 9.
Għallem il-Moralità Kristjana
10. Liema punt m’għandniex nonqsu li nifhmu minn kliem Pawlu kif inhu mniżżel f’Rumani 2:21-23?
10 Kienu x’kienu l-prattiċi fl-ewwel seklu li kienu jinvolvu s-serq, l-adulterju, u l-ħtif tat-tempji li kien qed jirreferi għalihom Pawlu, ejja ma nonqsux li nifhmu l-punt tal-kummenti tiegħu. Hu staqsa: “Int li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek?” Taʼ min jinnota li l-eżempji li uża Pawlu kellhom x’jaqsmu mal-moralità. L-appostlu hawnhekk ma ffokax fuq duttrini tal-Bibbja jew l-istorja tagħha. Ix-xogħol li rrefera għalih Pawlu, taʼ li wieħed jgħallem lilu nnifsu u lil oħrajn, kellu x’jaqsam mal-moralità Kristjana.
11. Għala għandek tagħti l-attenzjoni lill-moralità Kristjana int u tistudja l-Kelma t’Alla?
11 Biex napplikaw il-lezzjoni f’Rumani 2:21-23 irridu nitgħallmu l-moralità Kristjana mill-Kelma t’Alla, naġixxu fi qbil maʼ dak li nitgħallmu, u mbagħad ngħallmu lil oħrajn jagħmlu l-istess. Għaldaqstant, int u tistudja l-Bibbja, żomm għajnejk miftuħa għall-affarijiet li jindikaw x’inhuma l-livelli taʼ Jehovah, li minnhom ġejja l-moralità Kristjana vera. Immedita fuq il-pariri u l-lezzjonijiet li ssib fil-Bibbja. Imbagħad bi qlubija applika dak li titgħallem. U biex tagħmel hekk tassew teħtieġ kuraġġ flimkien maʼ determinazzjoni. Huwa faċli għall-bnedmin imperfetti biex isibu skużi—raġunijiet għala f’xi sitwazzjoni l-moralità Kristjana tistaʼ jew saħansitra jkollha bżonn tiġi injorata f’każ partikulari. Forsi l-Lhud li semma Pawlu kellhom l-esperjenza f’raġunar sottili bħal dan li kien intenzjonat sabiex jiġġustifikaw l-azzjonijiet tagħhom jew iqarrqu b’ħaddieħor. Madankollu, il-kliem taʼ Pawlu juri li l-moralità Kristjana m’għandhiex tiċċekken jew tiġi injorata skond kif jagħżel dak li jkun.
12. L-imġiba tajba jew ħażina kif tirrifletti fuq Alla Jehovah, u għala huwa tajjeb li żżomm dan il-fatt f’moħħok?
12 L-appostlu enfasizza raġuni ewlenija għala għandek titgħallem u mbagħad tapplika l-moralità li ssib fil-Bibbja. L-imġiba ħażina tal-Lhud irriflettiet fuq Jehovah: “Int tiftaħar bil-Liġi, u żżeblaħ lil Alla bil-ksur tal-Liġi? Kif inhu miktub: ‘L-isem taʼ Alla hu mżeblaħ fost il-ġnus minħabba fikom.’” (Rumani 2:23, 24) Bl-istess mod illum ukoll, jekk ninjoraw il-moralità Kristjana, se nżebilħu s-Sors tagħha. Għall-kuntrarju, jekk inżommu sod mal-livelli t’Alla, dan jirrifletti tajjeb fuqu, u jġiblu unur. (Isaija 52:5; Eżekjel 36:20) Il-fatt li tkun konxju taʼ dan jistaʼ jsaħħaħ id-determinazzjoni tiegħek meta tiffaċċja tentazzjonijiet jew sitwazzjonijiet, fejn jistaʼ jidher li l-eħfef ħaġa jew l-iktar konvenjenti tkun li tinjora l-moralità Kristjana. Iktar minn hekk, il-kliem taʼ Pawlu jgħallimna xi ħaġa oħra. Minbarra li tkun konxju personalment li l-imġiba tiegħek tirrifletti fuq Alla, int u tgħallem lil oħrajn, għinhom jaraw li l-mod kif japplikaw il-livelli morali li qed jitgħallmu se jirrifletti fuq Jehovah. Il-kwistjoni mhix biss li l-moralità Kristjana ġġib kuntentizza u tipproteġi s-saħħa taʼ l-individwu. Din tirrifletti wkoll fuq il-Wieħed li pprovdieha u li jinkuraġġixxi din il-moralità.—Salm 74:10; Ġakbu 3:17.
13. (a) Il-Bibbja kif tgħinna fil-kwistjoni tal-moralità? (b) Għid x’inhi s-sustanza tal-parir fl-1 Tessalonikin 4:3-7.
13 Il-moralità teffettwa lil nies oħrajn ukoll. Dan tistaʼ tarah minn eżempji fil-Kelma t’Alla li juru l-valur taʼ li wieħed japplika l-livelli morali t’Alla u r-riżultati meta dawn jiġu injorati. (Ġenesi 39:1-9, 21; Ġożwè 7:1-25) Tistaʼ wkoll issib pariri ovvji fuq il-moralità bħal: “Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-żína, u li kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-qdusija u l-ġieħ, u ma jħallix il-passjoni tegħelbu bħall-pagani li ma jagħrfux lil Alla. F’din il-ħaġa ħadd ma għandu jagħmel tort jew ħsara lil ħuh . . . Għax Alla ma sejjħilniex biex ngħixu fiż-żína, imma fil-qdusija.”—1 Tessalonikin 4:3-7.
14. X’tistaʼ tistaqsi lilek innifsek dwar il-parir li nsibu fl-1 Tessalonikin 4:3-7?
14 Kważi kulħadd jistaʼ jara minn dawn il-versi li l-immoralità sesswali tikser il-liġi tal-moralità Kristjana. Madankollu, tistaʼ tfittex li tifhem iktar minn dak li jidher ovvju. Xi versi jagħtu diversi opportunitajiet biex wieħed jagħmel studju u meditazzjoni sostanzjali, bir-riżultat li jikseb fehma akbar dwarhom. Per eżempju, tistaʼ tirrifletti dwar x’ried ifisser Pawlu meta qal li jekk wieħed jieħu sehem fiż-żína jistaʼ jasal biex “jagħmel tort jew ħsara lil ħuh” jew skond in-New World Translation with References, “jagħmel ħsara u jindaħal fid-drittijiet taʼ ħuh f’din il-kwistjoni.” Fuq liema drittijiet qed nitkellmu? U jekk ikollok fehma aħjar dwar dan, kif se tkun inkuraġġit iktar biex iżżomm il-moralità Kristjana? Dak li ssib minn riċerka bħal din, kif se jkompli jgħinek tgħallem lil oħrajn u tgħinhom jonoraw lil Alla?
Studja Sabiex Tgħallem
15. Liema għodod tistaʼ tuża biex tgħallem lilek innifsek permezz taʼ l-istudju persunali?
15 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jużaw għodod biex jagħmlu riċerka dwar mistoqsijiet jew kwistjonijiet li jqumu meta jkunu qed jistudjaw ħalli jitgħallmu huma stess jew jgħallmu lil oħrajn. Għodda waħda li tinsab b’ħafna lingwi hija l-Watch Tower Publications Index. Jekk għandek aċċess għalih, tistaʼ tużah biex issib l-informazzjoni fil-pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah ibbażati fuq il-Bibbja. Tistaʼ tfittex skond is-suġġett jew taħt lista bil-versi tal-Bibbja. Għodda oħra li għandhom ix-Xhieda taʼ Jehovah b’ħafna lingwi prinċipali hija l-Watchtower Library. Dan il-programm tal-kompjuter fuq is-CD-ROM fih ġabra kbira taʼ pubblikazzjonijiet f’għamla elettronika. Il-programm jippermetti lill-individwu biex ifittex suġġetti u diskussjonijiet dwar l-iskritturi. Jekk għandek waħda minn dawn l-għodod jew it-tnejn li huma, użahom regolarment hekk kif tistudja l-Kelma t’Alla sabiex tgħallem lil oħrajn.
16, 17. (a) Fejn tistaʼ ssib kummenti istruttivi dwar id-drittijiet imsemmijin fl-1 Tessalonikin 4:6? (b) Iż-żína b’liema modi tindaħal fid-drittijiet t’oħrajn?
16 Ejja nieħdu l-eżempju li semmejna qabel, dak taʼ l-1 Tessalonikin 4:3-7. Qamet il-mistoqsija dwar id-drittijiet. Id-drittijiet taʼ min? U wieħed kif jistaʼ jindaħal f’dawn id-drittijiet? Bl-għodod li semmejna għall-istudju, probabbilment tistaʼ ssib għadd taʼ kummenti istruttivi fuq dawn il-versi, saħansitra fuq id-drittijiet li semma Pawlu. Kummenti bħal dawn tistaʼ taqrahom fl-Insight on the Scriptures, l-1 Volum, paġni 863-4; True Peace and Security—How Can You Find It?, paġna 145; The Watchtower, 15 taʼ Novembru, 1989, paġna 31; Stenbaħ!, 8 taʼ Mejju, 2000, paġna 14.
17 Int u għaddej bl-istudju tiegħek, se tara li dawn il-pubblikazzjonijiet juru kemm kliem Pawlu hu veru. Bniedem żieni jidneb kontra Alla u jesponi ruħu għall-mard. (1 Korintin 6:18, 19; Lhud 13:4) Raġel li jieħu sehem fiż-żína jkun qiegħed jindaħal f’diversi drittijiet tal-mara li jidneb magħha. Hu jċaħħadha minn waqfa morali nadifa u kuxjenza tajba. Jekk mhix miżżewġa, hu jkun qed jindaħal fid-dritt tagħha li tiżżewweġ bħala verġni u fid-dritt tar-raġel futur tagħha li jistenna li martu tkun hekk. Hu jkun qed iweġġaʼ wkoll lill-ġenituri tal-mara u lil żewġha jekk din tkun miżżewġa. Ir-raġel immorali jkun qed iċaħħad lil familtu stess mid-dritt li tkun magħrufa bħala nadifa moralment. Jekk inhu membru taʼ kongregazzjoni Kristjana, hu jġib tmaqdir fuqha, u jħassrilha r-reputazzjoni tagħha.—1 Korintin 5:1.
18. Kif tibbenefika mill-istudju tal-Bibbja rigward il-moralità Kristjana?
18 Ma taħsibx li kummenti bħal dawn fuq id-drittijiet jgħinuk tifhem iktar dan il-vers? Dan it-tip taʼ studju żgur li huwa taʼ valur kbir. Int u twettqu, tkun qed tgħallem lilek innifsek. Se tifhem iktar il-verità tal-messaġġ t’Alla u l-effett tiegħu. Issaħħaħ id-determinazzjoni tiegħek li tkun xi tkun it-tentazzjoni li tistaʼ tiffaċċja, int se żżomm mal-moralità Kristjana. U aħseb ftit dwar kemm tistaʼ tkun iktar effettiv bħala għalliem! Per eżempju, waqt li tgħallem il-verità tal-Bibbja lil oħrajn, tistaʼ turihom kif l-1 Tessalonikin 4:3-7 jistaʼ jinftiehem iktar bis-sħiħ, u b’hekk tgħinhom jifhmu u japprezzaw iktar il-moralità Kristjana. B’hekk, l-istudju tiegħek jistaʼ jgħin lilek u lil ħafna oħrajn biex tonoraw lil Alla. U hawnhekk semmejna biss eżempju wieħed, mill-ittra taʼ Pawlu lit-Tessalonikin. Hemm ħafna aspetti oħrajn tal-moralità Kristjana, u bl-istess mod hemm ħafna eżempji oħrajn mill-Bibbja u punti li joffru pariri, illi tistaʼ tistudjahom, tapplikahom, u tgħallimhom lil oħrajn.
19. Għala huwa essenzjali li żżomm mal-moralità Kristjana?
19 M’hemm l-ebda dubju li jekk tagħmel dan tkun qed tuża l-għerf. Ġakbu 3:17 jgħid li “l-għerf li ġej mis-sema,” minn Alla Jehovah nnifsu, “qabel kollox hu għerf safi.” Dan jimplika b’mod ċar li wieħed isegwi l-livelli morali t’Alla. Fil-fatt, Jehovah jirrikjedi li dawk li jirrappreżentawh f’li jgħallmu l-Bibbja jkunu huma stess t’eżempju tajjeb “fis-safa.” (1 Timotju 4:12) Il-mod kif għexu ħajjithom id-dixxipli tal-bidu bħal Pawlu u Timotju jixhed li hekk kienu; huma żammew lura mill-immoralità, u Pawlu saħansitra kiteb: “Żína u kull xorta taʼ faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-qaddisin. U anqas kliem baxx u kliem iblah, jew ċajt mhux sewwa.”—Efesin 5:3, 4.
20, 21. Għala taqbel maʼ dak li kiteb l-appostlu Ġwanni, kif imniżżel fl-1 Ġwann 5:3?
20 Filwaqt li l-livelli morali preżentati fil-Kelma t’Alla huma ċari u speċifiċi, dawn m’humiex tagħbija oppressiva. Ġwanni, l-iktar appostlu li dam ħaj, kien jafu sew dan. Minn dak li kien osserva matul is-snin twal taʼ ħajtu, kien jaf li l-moralità Kristjana ma tagħmilx ħsara. Għall-kuntrarju, uriet li kienet tajba, taʼ benefiċċju, barka. Ġwanni dan enfasizzah meta kiteb: “Din hi l-imħabba taʼ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu; u l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 Ġwann 5:3.
21 Madankollu, innota li Ġwanni ma ppreżentax l-ubbidjenza lejn Alla skond il-moralità Kristjana bħala l-aqwa triq sempliċement għax tiskansana mill-problemi—mill-konsegwenzi koroh li jiġu jekk nagħmlu mod ieħor. Hu b’mod korrett esprima l-ħarsa xierqa dwar l-ubbidjenza lejn Alla billi l-ewwel irrikonoxxa li din hija espressjoni taʼ l-imħabba tagħna lejn Alla Jehovah, opportunità prezzjuża biex nuru mħabbitna lejh. Verament, li nitgħallmu nħobbu lil Alla jew li ngħallmu lil oħrajn jagħmlu dan jirrikjedi li naċċettaw u napplikaw il-livelli għoljin tiegħu. Iva, ifisser li nitgħallmu u ngħallmu lil oħrajn il-moralità Kristjana.
[Noti taʼ taħt]
a Filwaqt li Ġużeppi Flavju ddeskriva lil-Lhud bħala wħud li kienu ħielsa mis-sagrileġġ, hu tenna l-liġi t’Alla b’dan il-mod: “Ħalli ħadd ma jżeblaħ ’l-allat li jqimu bliet oħrajn, lanqas m’għandu jisraq tempji barranin, jew jieħu teżori li jkunu ġew dedikati f’isem xi alla.” (Korsiv tagħna.)—Jewish Antiquities, ir-4 Ktieb, kapitlu 8, paragrafu 10.
b Jewish Antiquities, it-18-il Ktieb, kapitlu 3, paragrafu 5.
Tiftakar Int?
• Għala għandna nistudjaw biex ngħallmu lilna nfusna qabel
ngħallmu lil oħrajn?
• L-imġiba tagħna kif tistaʼ tirrifletti fuq Jehovah?
• Bniedem żieni fid-drittijiet taʼ min jistaʼ jkun qed jindaħal?
• X’inhi d-determinazzjoni tiegħek fejn tidħol il-moralità Kristjana?
[Stampa f’paġna 22]
“Il-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal”