Taċċettaha Int l-Għajnuna taʼ Ġeħova?
“Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.”—Ebrej 13:6.
1, 2. Għala hu importanti li naċċettaw l-għajnuna u l-gwida taʼ Ġeħova f’ħajjitna?
IMMAĠINA li tinsab miexi fuq muntanja. Però, m’intix waħdek għax hemm gwida li offra li jiġi miegħek, u hu l-aqwa gwida li tistaʼ ssib. Għandu ħafna iktar esperjenza u saħħa minnek, imma bil-paċenzja kollha jimxi maġenbek. Hu jinnota li kultant int tkun se taqaʼ. Minħabba li jinkwieta għalik, hu jagħtik idejh biex jgħinek meta tkun se tgħaddi minn post li jkun iktar perikoluż. Tirrifjutaha int l-għajnuna tiegħu? Dażgur li le! Hemm ħajtek fin-nofs.
2 Bħala Kristjani, aħna rridu ngħaddu minn trejqa li fiha ħafna ostakli. Irridu aħna ngħaddu minn din it-triq imħarbta waħedna? (Mattew 7:14) Le, il-Bibbja turi li l-aqwa Gwida li qatt nistgħu nsibu, Alla Ġeħova, jippermetti li l-bnedmin jimxu miegħu. (Ġenesi 5:24; 6:9) Jgħinhom Ġeħova lill-qaddejja tiegħu huma u mexjin? Hu jgħid: “Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, nwieżnek minn idek il-leminija, u ngħidlek: ‘La tibżax, jiena l-għajnuna tiegħek.’” (Isaija 41:13) Bħall-gwida li semmejna fit-tixbiha, Ġeħova b’qalb tajba joffri l-għajnuna u l-ħbiberija tiegħu lil dawk li jipprovaw jimxu miegħu. Żgur li ħadd minna m’hu se jkun irid jirrifjuta din l-għajnuna!
3. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw matul din id-diskussjoni?
3 Fl-artiklu taʼ qabel, iddiskutejna erbaʼ modi kif Ġeħova għen lill-poplu tiegħu fi żmien il-qedem. Jgħin hu lill-poplu tiegħu taʼ llum bl-istess mod? U kif nistgħu nkunu ċerti li naċċettaw kwalunkwe għajnuna li jagħtina? Ejja nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet. Billi nagħmlu hekk, se nsiru iktar fiduċjużi li Ġeħova tabilħaqq hu l-Għajnuna tagħna.—Ebrej 13:6.
Għajnuna mill-Anġli
4. Il-qaddejja t’Alla llum għala jistgħu jkunu fiduċjużi li l-anġli qed jappoġġawhom?
4 Jgħinuhom l-anġli lill-qaddejja taʼ Ġeħova taʼ llum? Iva, jgħinuhom. Huwa minnu li llum huma ma jidhrux lill-aduraturi veri sabiex jeħilsuhom mill-periklu. Anki fiż-żminijiet Bibliċi, l-anġli rari kienu jintervienu b’dan il-mod. Ħafna minn dak li kienu jagħmlu ma kienx viżibbli għal għajnejn il-bnedmin, bħalma fil-fatt jiġri llum. Minkejja dan, il-qaddejja t’Alla li rrealizzaw li l-anġli kienu hemm biex jappoġġawhom ħassewhom inkuraġġiti ferm minn dan. (2 Slaten 6:14-17) Aħna għandna kull raġuni biex inħossuna l-istess.
5. Il-Bibbja kif turi li l-anġli huma involuti fix-xogħol taʼ l-ippridkar illum?
5 L-anġli taʼ Ġeħova jinteressahom b’mod partikulari mix-xogħol speċjali li jinvolvi lilna. Liema xogħol hu dan? Nistgħu nsibu t-tweġiba f’Rivelazzjoni 14:6: “Rajt anġlu ieħor itir f’nofs is-sema, u kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha bħala bxara taʼ ferħ lil dawk li jgħammru fuq l-art, u lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” Jidher ċar li din l-“aħbar tajba taʼ dejjem” hija marbuta maʼ “l-aħbar tajba tas-saltna,” li bħalma bassar Ġesù, se “tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha,” qabel ma jiġi t-tmiem taʼ din is-sistema. (Mattew 24:14) M’għandniex xi ngħidu, l-anġli m’humiex qed jippridkaw direttament. Ġesù ta dan l-inkarigu importanti lill-bnedmin. (Mattew 28:19, 20) M’hijiex ħaġa inkuraġġanti li nkunu nafu li aħna u nwettqu dan l-inkarigu, għandna l-għajnuna mill-anġli qaddisa, ħlejjaq intelliġenti u qawwijin?
6, 7. (a) X’jindika li l-anġli qed jappoġġaw ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar? (b) Kif nistgħu nkunu ċerti li nirċievu l-appoġġ taʼ l-anġli taʼ Ġeħova?
6 Hemm evidenza qawwija li llum l-anġli jappoġġaw ix-xogħol tagħna. Per eżempju, spiss nisimgħu li waqt il-ministeru tagħhom, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jiltaqgħu maʼ xi ħadd li jkun għadu kif talab lil Alla biex jgħinu jsib il-verità. Dawn l-esperjenzi jseħħu spiss wisq biex niħduhom bħala sempliċi kumbinazzjoni. Minħabba din l-għajnuna taʼ l-anġli, ħafna u ħafna iktar nies qed jitgħallmu jagħmlu dak li l-“anġlu . . . itir f’nofs is-sema” pproklama: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja.”—Rivelazzjoni 14:7.
7 Tixxennaq int għall-appoġġ taʼ l-anġli setgħana taʼ Ġeħova? Mela agħmel kulma tistaʼ biex tħabrek fil-ministeru tiegħek. (1 Korintin 15:58) Hekk kif nagħtu minna nfusna kemm nifilħu u bil-ferħ f’dan l-inkarigu speċjali minn Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti mill-għajnuna taʼ l-anġli tiegħu.
Għajnuna mill-Kap taʼ l-Anġli
8. Ġesù għandu liema pożizzjoni għolja fis-sema, u dan għala jserrħilna rasna?
8 Ġeħova jipprovdilna wkoll tip ieħor t’għajnuna mill-anġli. Rivelazzjoni 10:1 jiddeskrivi “anġlu b’saħħtu” taʼ l-għaġeb li “wiċċu kien bħax-xemx.” Jidher ċar li dan l-anġlu li deher fil-viżjoni jagħti stampa taʼ Ġesù Kristu glorifikat bil-qawwa fis-sema. (Rivelazzjoni 1:13, 16) Huwa Ġesù tassew anġlu? F’ċertu sens, iva, għaliex huwa arkanġlu. (1 Tessalonikin 4:16) Arkanġlu x’inhu? Din il-kelma tfisser “anġlu prinċipali,” jew “kap taʼ l-anġli.” Ġesù hu l-iktar wieħed setgħan mill-ulied spirti kollha taʼ Ġeħova. Ġeħova tah il-kmand fuq l-armati anġeliċi Tiegħu kollha. Dan l-arkanġlu hu tabilħaqq sors qawwi t’għajnuna. B’liema modi?
9, 10. (a) Ġesù kif jagħmilha t’“ajjutant” meta nidinbu? (b) Liema għajnuna nistgħu niksbu mill-eżempju taʼ Ġesù?
9 Ix-xwejjaħ appostlu Ġwanni kiteb: “Jekk xi ħadd jidneb, għandna ajjutant mal-Missier, lil Ġesù Kristu, li hu ġust.” (1 Ġwanni 2:1) Ġwanni għala ssuġġerixxa li Ġesù hu l-“ajjutant” tagħna partikolarment meta ‘nidinbu’? Għaliex aħna nidinbu kuljum u d-dnub iwassal għall-mewt. (Koħèlet 7:20; Rumani 6:23) Madankollu, Ġesù ta ħajtu bħala sagrifiċċju għal dnubietna. U hu jinsab maġenb il-Missier ħanin tagħna biex jitlob bil-ħniena għalina. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn għajnuna bħal din. Kif nistgħu naċċettawha? Irridu nindmu minn dnubietna u nitolbu maħfra fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Irridu wkoll nevitaw li nirripetu l-iżball li nkunu għamilna.
10 Minbarra li miet għalina, Ġesù ħallielna eżempju perfett. (1 Pietru 2:21) L-eżempju tiegħu jiggwidana, jgħinna nqassmu ħajjitna sabiex nevitaw xi dnub serju u nkunu nistgħu nogħġbu lil Alla Ġeħova. M’aħniex kuntenti li għandna għajnuna bħal din? Ġesù wiegħed lis-segwaċi tiegħu li kien se jiġi provdut ajjutant ieħor.
L-Għajnuna taʼ l-Ispirtu Qaddis
11, 12. X’inhu l-ispirtu taʼ Ġeħova, kemm hu qawwi, u għala għandna bżonnu llum?
11 Ġesù wiegħed: “Nitlob lill-Missier u jagħtikom ajjutant ieħor biex ikun magħkom għal dejjem, l-ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċivih.” (Ġwanni 14:16, 17) Dan “l-ispirtu tal-verità,” jew l-ispirtu qaddis, m’huwiex persuna imma forza—il-forza attiva taʼ Ġeħova stess. Dan l-ispirtu hu qawwi bla limitu. Huwa l-forza li uża Ġeħova meta ħalaq l-univers, meta għamel mirakli spettakolari, u meta kixef x’inhi r-rieda tiegħu permezz taʼ viżjonijiet. Ladarba Ġeħova m’huwiex juża l-ispirtu tiegħu b’dawn il-modi speċifiċi llum, ifisser dan li m’għandniex bżonnu?
12 Dażgur li le! F’dawn iż-“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” għandna bżonn l-ispirtu taʼ Ġeħova iktar minn qatt qabel. (2 Timotju 3:1) Jagħtina s-saħħa biex nissaportu l-provi. Jgħinna nikkultivaw kwalitajiet mill-isbaħ li jressquna eqreb lejn Ġeħova u lejn ħutna spiritwali. (Galatin 5:22, 23) Allura kif nistgħu nibbenefikaw minn din l-għajnuna meraviljuża li jagħtina Ġeħova?
13, 14. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova dejjem lest li jagħti l-ispirtu qaddis lill-poplu tiegħu? (b) Permezz taʼ liema azzjoni nistgħu nuru li aħna mhux verament naċċettaw l-għotja taʼ l-ispirtu qaddis?
13 L-ewwelnett, irridu nitolbu għall-ispirtu qaddis. Ġesù qal: “Jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-Missier li hu fis-sema jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Luqa 11:13) Iva, Ġeħova hu l-aqwa Missier li qatt jistaʼ jkollna. Jekk bil-fidi nitolbuh sinċerament għall-ispirtu qaddis, ma jistax ikun li jċaħħadna minn din l-għotja. Allura, il-mistoqsija hi, Aħna nitolbu għalih? Għandna raġuni tajba biex nitolbu għalih fit-talb tagħna kuljum.
14 It-tieninett, aħna naċċettaw din l-għotja billi naħdmu fi qbil magħha. Biex nagħtu eżempju: Ejja ngħidu li Kristjan qed jissielet kontra t-tendenza li jara l-pornografija. Hu talab għall-ispirtu qaddis biex jgħinu jirreżisti din id-drawwa maħmuġa. Talab il-parir taʼ l-anzjani Kristjani, u huma tawh il-parir li jaġixxi b’mod deċiżiv, billi lanqas biss jersaq lejn materjal baxx bħal dan. (Mattew 5:29) Xi ngħidu jekk jinjora dan il-parir u jibqaʼ jara materjal bħal dan meta tiġih it-tentazzjoni? Qiegħed hu jaħdem fi qbil mat-talba tiegħu biex l-ispirtu qaddis jgħinu? Jew minflok, qed jirriskja li jnikket l-ispirtu t’Alla u jonqos li jirċievi din l-għotja? (Efesin 4:30) Tassew, ilkoll kemm aħna rridu nagħmlu kulma nistgħu biex inkunu ċerti li nkomplu nirċievu din l-għajnuna meraviljuża mingħand Ġeħova.
Għajnuna mill-Kelma t’Alla
15. Kif nistgħu nuru li ma nqisux il-Bibbja bħala ktieb ordinarju?
15 Il-Bibbja ilha ħafna sekli sservi bħala sors t’għajnuna għall-qaddejja leali taʼ Ġeħova. Minflok ma nqisu l-Iskrittura Mqaddsa bħala ktieb ordinarju, aħna rridu nżommu f’moħħna x’sors qawwi t’għajnuna hija. Irridu nagħmlu sforz biex naċċettaw din l-għajnuna. Il-qari tal-Bibbja għandu jsir parti mir-rutina regulari tagħna.
16, 17. (a) Salm 1:2, 3 kif jiddeskrivi kemm hu premjanti l-qari tal-liġi t’Alla? (b) Il-kliem taʼ Salm 1:3 kif ipinġi stampa taʼ xogħol iebes?
16 Il-kliem taʼ Salm 1:2, 3 jgħid dwar il-bniedem li jogħġob lil Alla: “Fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” Qed tifhem il-punt taʼ dawn il-versi? Huwa faċli li taqra dan il-kliem u tikkonkludi li sempliċement ipinġi stampa ħelwa taʼ xena fis-sliem—siġra li tikber maġenb xmara u tagħti d-dell. Kemm tkun ħaġa sabiħa li tieħu nagħsa wara nofsinhar f’post bħal dan! Imma dan is-salm m’huwiex qed jistidinna naħsbu fuq li nieħdu nagħsa. Qed ipinġi stampa kemxejn differenti, waħda li tissuġġerixxi ħidma iebsa. Dan kif?
17 Innota li s-siġra msemmija m’hijiex sempliċi siġra li b’kumbinazzjoni qed tikber ħdejn xmara u tagħti d-dell. Din hija siġra li tagħti l-frott, “imħawwla” apposta f’post magħżul għaliha—“ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma.” Kif tistaʼ siġra tikber ħdejn iktar minn nixxiegħa waħda? Fil-fatt, f’masġar tas-siġar tal-frott, is-sid għandu mnejn iħaffer kanali tat-tisqija sabiex iressaq l-ilma lejn l-għeruq tas-siġar prezzjużi tiegħu. Mela, issa nistgħu tassew nifhmu l-punt! Jekk f’sens spiritwali niffjorixxu bħal dik is-siġra, dan ikun għaliex sar ħafna xogħol għan-nom tagħna. Aħna nissieħbu m’organizzazzjoni li ġġibilna l-ilmijiet puri tal-verità eżatt ħdejna, imma aħna rridu naġixxu. Irridu nieħdu vantaġġ minn dan billi nixorbu dan l-ilma prezzjuż, billi nimmeditaw u nagħmlu r-riċerka meħtieġa sabiex indaħħlu l-veritajiet tal-Kelma t’Alla f’moħħna u f’qalbna. B’dan il-mod, aħna wkoll se nipproduċu frott tajjeb.
18. X’hemm bżonn biex insibu t-tweġibiet Bibliċi għall-mistoqsijiet tagħna?
18 Il-Bibbja m’hijiex se tkun taʼ benefiċċju għalina jekk inħalluha magħluqa fuq xi xkaffa. Lanqas ma hi xi oġġett tal-fortuna, jew taliżman—bħallikieku nistgħu ngħalqu għajnejna, inħallu l-Bibbja tinfetaħ fejn ġie ġie, u nistennew li t-tweġiba għall-mistoqsija tagħna tidher quddiemna fuq il-paġna li niftħu. Meta niffaċċjaw id-deċiżjonijiet, għandna bżonn inħaffru għat-“tagħrif taʼ Alla” bħallikieku qed infittxu għal teżor midfun. (Proverbji 2:1-5) Spiss ikun hemm bżonn taʼ riċerka ħabrieka u bir-reqqa sabiex inkunu nistgħu nsibu l-parir Skritturali li jikkonċerna l-bżonnijiet speċifiċi tagħna. Għandna ħafna pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja biex jgħinuna fir-riċerka. Hekk kif nużawhom biex inħaffru bil-ħerqa għall-ġawhar taʼ l-għerf fil-Kelma t’Alla, aħna nkunu tabilħaqq qed nutilizzaw l-għajnuna taʼ Ġeħova.
Għajnuna Permezz taʼ Sħabna fit-Twemmin
19. (a) Għala nistgħu nħarsu lejn l-artikli fit-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ bħala għajnuna provduta permezz taʼ sħabna fit-twemmin? (b) Kif ġejt megħjun minn artiklu partikulari f’waħda mir-rivisti tagħna?
19 Il-qaddejja umani taʼ Ġeħova minn dejjem kienu sors t’għajnuna għal xulxin. Inbidel Ġeħova? Lanqas xejn. Żgur li lkoll kemm aħna niftakru xi mumenti meta ngħatajna eżatt l-għajnuna li kellna bżonn minn sħabna fit-twemmin. Per eżempju, tistaʼ tiftakar f’xi artiklu fit-Torri taʼ l-Għassa jew Stenbaħ! li farrġek meta kellek bżonn jew għenek issolvi problema jew tiffaċċja sfida tal-fidi? Ġeħova tak din l-għajnuna permezz taʼ l-“ilsir leali u għaqli” inkarigat biex jipprovdi “l-ikel fiż-żmien xieraq.”—Mt. 24:45-47.
20. L-anzjani Kristjani b’liema modi juru li huma “rġiel bħala għotjiet”?
20 Spiss però, l-għajnuna li nirċievu mingħand sħabna fit-twemmin tkun iktar diretta. Anzjan Kristjan jagħti taħdita li tmissilna qalbna, jew jagħmel żjara pastorali li tgħinna ngħaddu minn żmien diffiċli, jew joffrilna parir b’qalb tajba li jgħinna naraw u negħlbu dgħjufija. Waħda Kristjana grata kitbet dwar l-għajnuna li taha anzjan: “Fis-servizz taʼ l-għalqa, hu inkuraġġieni nesprimi l-ħsibijiet tiegħi. Il-lejl taʼ qabel kont għadni kif tlabt lil Ġeħova għal xi ħadd li stajt nitkellem miegħu. L-għada, dan il-ħu kellimni bil-mogħdrija. Hu għenni nara kif Ġeħova kien ilu s-snin jgħinni. Jien grata lejn Ġeħova talli bagħatli lil dan l-anzjan.” B’dawn il-modi kollha, l-anzjani Kristjani juru li huma “rġiel bħala għotjiet,” provduti minn Ġeħova permezz taʼ Ġesù Kristu biex jgħinuna nissaportu fit-triq li tagħti għall-ħajja.—Efesin 4:8.
21, 22. (a) Xi jkun ir-riżultat meta l-membri tal-kongregazzjoni japplikaw il-parir li nsibu f’Filippin 2:4? (b) Għala saħansitra azzjonijiet żgħar taʼ qalb tajba huma importanti?
21 Minbarra l-anzjani, kull Kristjan leali jrid japplika l-kmand ispirat biex ma jfittixx ‘l-interessi persunali tiegħu biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.’ (Filippin 2:4) Meta dawk fil-kongregazzjoni Kristjana japplikaw dan il-parir, ir-riżultat ikun għemejjel mill-isbaħ taʼ qalb tajba. Per eżempju, kien hemm familja li f’salt wieħed sofriet traġedja doppja. Il-missier kien ħa miegħu lil bintu ż-żgħira s’għand tal-ħanut. Hu u sejjer id-dar, kellhom aċċident bil-karozza. It-tifla mietet, u l-missier sofra ġrieħi gravi. Malli ħareġ mill-isptar, għall-ewwel tant kien diżabilitat li ma setaʼ jagħmel xejn waħdu. Martu kienet mifxula wisq emozzjonalment biex tieħu ħsiebu waħedha. Allura, koppja fil-kongregazzjoni ħadet lil din il-koppja mnikkta d-dar u ħadet ħsiebha għal diversi ġimgħat.
22 M’għandniex xi ngħidu, mhux l-għemejjel kollha taʼ qalb tajba jinvolvu traġedji u sagrifiċċji persunali bħal dawn. Xi għajnuna li nirċievu tkun fuq skala ħafna iżgħar. Imma tkun kemm tkun żgħira l-qalb tajba li tintwera, aħna napprezzawha, veru? Tistaʼ tiftakar f’xi drabi meta kelma taʼ qalb tajba jew azzjoni kollha mħabba minn xi ħu jew oħt tatek eżattament l-għajnuna li kellek bżonn? Ġeħova spiss jieħu ħsiebna b’dawn il-modi.—Proverbji 17:17; 18:24.
23. Kif iħares lejha Ġeħova meta nistinkaw biex ngħinu lil xulxin?
23 Tixtieq li Ġeħova jużak bħala mezz biex tgħin lil oħrajn? Dan il-privileġġ hu disponibbli għalik. Fil-fatt, Ġeħova japprezza sforz bħal dan min-naħa tiegħek. Il-Kelma tiegħu tgħid: “Min iħenn għall-fqir ikun qed jislef lill-Mulej, u hu jroddhulu bi ħlas tajjeb.” (Proverbji 19:17) Niksbu ferħ kbir meta nagħtu minna nfusna lil ħutna. (Atti 20:35) Dawk li minn jeddhom jiżolaw ruħhom jitilfu kemm il-ferħ li jiġi meta jagħtu dan it-tip t’għajnuna kif ukoll l-inkuraġġiment li jiġi meta jirċivuha. (Proverbji 18:1) Allura, ejja nkunu leali meta ninġabru flimkien fil-laqgħat Kristjani tagħna sabiex ninkuraġġixxu lil xulxin.—Ebrej 10:24, 25.
24. Għala m’għandniex inħossuna mċaħħdin minħabba li ma rajniex b’għajnejna stess il-mirakli spettakolari li għamel Ġeħova fil-passat?
24 Ma nitgħaxxqux meta naħsbu dwar il-modi kif Ġeħova jgħinna? Għalkemm mhux qed ngħixu fi żmien li Ġeħova jagħmel mirakli spettakolari sabiex iwettaq l-iskopijiet tiegħu, aħna m’għandniex għalfejn inħossuna mċaħħdin. Dak li jimporta verament hu li Ġeħova jagħtina l-għajnuna kollha li għandna bżonn sabiex nibqgħu leali. U jekk nissaportu flimkien bil-fidi, aħna se ngħixu biex naraw l-iktar għemejjel spettakolari u glorjużi li se jkun wettaq Ġeħova fl-istorja! Ejja nkunu determinati li naċċettaw u nużaw bis-sħiħ l-għajnuna kollha mħabba taʼ Ġeħova sabiex inkunu nistgħu ngħixu fi qbil mal-kliem taʼ l-iskrittura tagħna tas-sena 2005: “L-għajnuna tiegħi ġejja mingħand Ġeħova.”—Salm 121:2, NW.
X’Taħseb?
Ġeħova kif jipprovdi l-għajnuna li għandna bżonn illum—
• permezz taʼ l-anġli?
• permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu?
• bil-Kelma ispirata tiegħu?
• permezz taʼ sħabna fit-twemmin?
[Stampa f’paġna 18]
Huwa inkuraġġanti li nkunu nafu li l-anġli qed jappoġġaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar
[Stampa f’paġna 21]
Ġeħova jistaʼ juża lil xi ħadd minn sħabna fit-twemmin biex ifarraġna meta jkollna bżonn