Nibqgħu Ħajjin f’‘Jum Jehovah’
“Jum il-Mulej hu kbir, tal-biżaʼ wisq, u min jiflaħ għalih?”—ĠOEL 2:11.
1. Għalkemm “tal-biżaʼ wisq,” ‘jum Jehovah’ għala għandu jkun okkażjoni taʼ ferħ?
“TAL-BIŻAʼ wisq”! Ġoel, il-profeta t’Alla, hekk jiddeskrivih il-‘jum il-kbir taʼ Jehovah.’ Madankollu, aħna li nħobbu lil Jehovah u li ġejna għandu b’dedikazzjoni fuq il-bażi tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù m’għandniex għalfejn nirtogħdu bil-biżaʼ hekk kif joqrob jum Jehovah. Se jkun tassew jum li jqanqal il-biżaʼ, imma se jkun ukoll jum taʼ salvazzjoni grandjuża, il-jum taʼ ħelsien minn sistema taʼ affarijiet mill-agħar li għakkset lill-umanità għal eluf taʼ snin. B’antiċipazzjoni għal dak il-jum, Ġoel jistieden lill-poplu t’Alla ‘jifraħ u jithenna, għax ħwejjeġ kbar se jagħmel il-Mulej,’ u jżid b’ċertezza: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej jinħeles.” Imbagħad fl-arranġament tas-Saltna t’Alla, “ikun hemm is-salvazzjoni, kif qal il-Mulej, u f’Ġerusalemm jibqgħu xi wħud li l-Mulej isejjaħ.”—Ġoel 2:11, 21, 22; Ġoel 3:5 [Ġoel 2:32, New World Translation].
2. Fit-twettiq taʼ l-iskopijiet t’Alla, x’iseħħ (a) f’“jum il-Mulej” (b) f’‘Jum Jehovah’?
2 Dan il-jum li jkexkex taʼ Jehovah m’għandux jiġi mfixkel maʼ “jum il-Mulej” imsemmi f’Apokalissi 1:10. Dan taʼ l-aħħar jinkludi t-twettiq tas-16-il viżjoni deskritti f’Apokalissi kapitli 1 sa 22. Jinkludi ż-żmien tat-twettiq tal-ġrajjiet kollha li Ġesù bassar bi tweġiba għall-mistoqsija tad-dixxipli tiegħu: “Dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal tal-miġja tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?” Il-preżenza taʼ Ġesù fis-sema kienet u għadha identifikata fuq l-art b’affarijiet li jkexkxu bħal ‘gwerer, ġuħ, mibegħda, mard li jittieħed, u ksur tal-liġi.’ Hekk kif komplew jiżdiedu dawn il-gwajijiet, Ġesù pprovda faraġ lil bnedmin li jibżgħu minn Alla billi bagħtilhom lid-dixxipli tiegħu taʼ żmienna jippridkaw “dan l-Evanġelju tas-Saltna . . . fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda.” Imbagħad, bħala punt kruċjali taʼ jum il-Mulej, ifaqqaʼ “t-tmiem” tas-sistema preżenti taʼ affarijiet, il-jum li jkexkex taʼ Jehovah. (Mattew 24:3-14; Luqa 21:11) Dak ikun jum Jehovah li fih jesegwixxi ħaqq taʼ malajr fuq id-dinja korrotta taʼ Satana. “[I]s-smewwiet u l-art jitriegħdu! Iżda l-Mulej ikun għall-poplu tiegħu kenn.”—Ġoel 4:16 [Ġoel 3:16, NW].
Jehovah Jaġixxi fi Żmien Noè
3. Il-kundizzjonijiet illum kif inhuma l-istess bħal dawk taʼ żmien Noè?
3 Il-kundizzjonijiet fid-dinja llum huma l-istess bħal dawk taʼ “żmien Noè” ’l fuq minn 4,000 sena ilu. (Luqa 17:26, 27) F’Ġenesi 6:5, naqraw: “[I]l-Mulej ra li l-ħażen tal-bnedmin kien kiber fuq l-art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.” Kemm jixbah dan lid-dinja tal-lum! Il-ħażen, ir-regħba, u n-nuqqas taʼ mħabba ssibhom kulfejn iddawwar wiċċek. Xi drabi forsi naħsbu li t-taħsir morali tal-bniedem laħaq l-iżjed livell baxx tiegħu. Imma l-profezija taʼ l-appostlu Pawlu rigward “l-aħħar tad-dinja” qed tibqaʼ titwettaq: “[I]n-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.”—2 Timotju 3:1, 13.
4. Il-qima falza x’effett kellha fi żminijiet bikrin?
4 Setgħet ir-reliġjon iġġib serħan għall-umanità fi żmien Noè? Għall-kuntrarju, reliġjon apostata bħal dik li kienet teżisti dak iż-żmien kienet se żżidhom iżjed il-kundizzjonijiet taʼ ħerba. L-ewwel ġenituri tagħna ċedew għat-tagħlim falz tas-“Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan.” Fit-tieni ġenerazzjoni minn Adam “bdew isejjħu isem il-Mulej,” milli jidher b’mod midgħi. (Apokalissi 12:9; Ġenesi 3:3-6; 4:26) Iktar tard, anġli ribellużi, li ċaħdu li jagħtu lil Alla devozzjoni esklussiva, immaterjalizzaw iġsma umani sabiex ikollhom relazzjonijiet sesswali illeċiti maʼ wlied bniet sbieħ tal-bnedmin. Dawn in-nisa welldu ġganti taʼ natura mħallta, imsejħin Nefilim, li kienu jgħakksu u jaħqru lill-bnedmin. Taħt din l-influwenza demonika, ‘kull ħliqa ħajja għawġet triqitha fuq l-art.’—Ġenesi 6:1-12.
5. B’referenza għall-ġrajjiet taʼ żmien Noè, Ġesù liema twissija taʼ periklu jagħtina?
5 Kien hemm familja waħda, però, li żammet l-integrità lejn Jehovah. Għalhekk, Alla salva lil “Noè, il-ħabbâr tal-ġustizzja, u sebgħa min-nies oħra . . . meta bagħat id-dulluvju fuq id-dinja tal-ħażen.” (2 Pietru 2:5) Dik l-Għarqa ffigurat bil-quddiem il-jum li jkexkex taʼ Jehovah, jum li jimmarka t-tmiem taʼ din is-sistema taʼ affarijiet u li dwaru Ġesù pprofetizza: “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn la meta se jaslu, la l-anġli tas-sema u lanqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier waħdu. Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien taʼ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebhu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja taʼ Bin il-bniedem.” (Mattew 24:36-39) Aħna ninsabu f’sitwazzjoni simili llum, u għalhekk Ġesù jwiddibna biex ‘noqogħdu attenti għalina nfusna, u nishru, billi nitolbu l-ħin kollu ħalli nkunu nifilħu ngħaddu minn kulma għandu jiġri.’—Luqa 21:34-36.
Il-Kastig Ġudizzjarju taʼ Jehovah fuq Sodoma u Gomorra
6, 7. (a) Il-ġrajjiet taʼ żmien Lot x’jiffiguraw bil-quddiem? (b) Dan liema twissija ċara jipprovdilna?
6 Ftit mijiet taʼ snin wara d-Dilluvju, meta d-dixxendenti taʼ Noè kienu mmoltiplikaw fuq l-art, ir-raġel leali Abraham u neputih Lot kienu xhieda li raw b’għajnejhom jum ieħor li jkexkex taʼ Jehovah. Lot u l-familja tiegħu kienu jgħixu fil-belt taʼ Sodoma. Flimkien maʼ Gomorra, il-belt ġirien, din kienet inħakmet minn immoralità sesswali li tqażżek. Il-materjaliżmu wkoll kien mira ewlenija, li finalment effettwa saħansitra lil mart Lot. Jehovah kien qal lil Abraham: “Hemm l-għajta qawwija taʼ Sodoma u Gomorra u t-toqol kbir taʼ dnubhom.” (Ġenesi 18:20) Abraham appella lil Jehovah biex jeħles lil dawk l-ibliet minħabba wħud twajbin li kien hemm fihom, imma Jehovah ddikjara li ma setaʼ jsib lanqas saħansitra għaxart irġiel twajbin hemmhekk. Anġli mingħand Alla għenu lil Lot u liż-żewġ uliedu bniet biex jaħarbu lejn il-belt taʼ Sogħar li kienet qrib.
7 Imbagħad x’ġara? Waqt li jqabbel “l-aħħar jiem” (NW) taʼ żmienna maʼ dawk taʼ żmien Lot, Luqa 17:28-30 jirrapporta: “L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawwlu, jibnu, imma dak in-nhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita taʼ nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll. Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem.” Dak li għaddew minnu Sodoma u Gomorra f’dak il-jum li jkexkex taʼ Jehovah jagħtina twissija ċara f’dan iż-żmien tal-preżenza taʼ Ġesù. Il-ġenerazzjoni moderna taʼ l-umanità wkoll ‘ingħatat għaż-żína u ntelqet wara l-pjaċiri kontra n-natura.’ (Ġuda 7) Iktar minn hekk, l-attitudnijiet sesswali immorali taʼ żmienna kienu u għadhom responsabbli għall-ħafna “mard li jittieħed” imbassar minn Ġesù għal dan iż-żmien.—Luqa 21:11.
Iżrael Jaħsad ir-“Riefnu”
8. Iżrael sa liema punt żamm il-patt maʼ Jehovah?
8 Fiż-żmien xieraq tiegħu, Jehovah għażel lil Iżrael biex ikun ‘il-wirt speċjali tiegħu minn fost il-popli kollha’ u “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” Imma dan kien jiddependi fuq jekk kinux ‘jisimgħu leħnu u jżommu l-patt tiegħu.’ (Eżodu 19:5, 6) Onorawh huma dan il-privileġġ grandjuż? Xejn affattu! Veru, kien hemm individwi leali minn dak il-ġens li qdewh fedelment—Mosè, Samwel, David, Ġosafat, Ħeżekija, Ġosija, kif ukoll profeti u profetessi devoti. Madankollu, il-ġens bħala poplu kien żleali. Maż-żmien, is-saltna nqasmet fi tnejn—Iżrael u Ġuda. Fil-biċċa l-kbira, iż-żewġt iġnus inqabdu fin-nassa tal-qima pagana u fi drawwiet oħrajn li jġibu diżunur lil Alla u li kienu ħadu minn pajjiżi ġirien.—Eżekjel 23:49.
9. Jehovah kif iġġudikaha lis-saltna ribelluża taʼ l-għaxar tribujiet?
9 Jehovah kif iġġudikahom l-affarijiet? Bħal dejjem, ħareġ twissija, fi qbil mal-prinċipju li nsibu f’Għamos: “Ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej, jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.” Għamos innifsu pproklama niket għas-saltna tat-Tramuntana taʼ Iżrael: “L-għala triduh Jum il-Mulej? Dlam hu, u mhux dawl.” (Għamos 3:7; 5:18) Jerġaʼ, Ħosegħa, il-profeta sieħeb Għamos, iddikjara: “Ladarba huma jiżirgħu r-riħ, għad jaħsdu r-riefnu.” (Ħosegħa 8:7) Fis-sena 740 Q.E.K., Jehovah uża l-armata Assirjana biex teqred lis-saltna tat-Tramuntana taʼ Iżrael darba għal dejjem.
Jehovah Jitlob Rendikont Mingħand Ġuda Apostata
10, 11. (a) Jehovah għala ma riedx jaħfirha lil Ġuda? (b) Liema affarijiet mistmerra kienu kkorrompew lill-ġens?
10 Jehovah bagħat ukoll lill-profeti tiegħu għand is-saltna taʼ Ġuda fin-Nofsinhar. Xorta waħda, slaten taʼ Ġuda bħal Manassi u s-suċċessur tiegħu, Amon, baqgħu jagħmlu dak li kien ħażin f’għajnejn Alla, ixerrdu “kotra kbira taʼ demm bla ħtija” u ‘jservu u jqimu allat foloz.’ Għalkemm Ġosija bin Amon għamel is-sewwa f’għajnejn Jehovah, is-slaten li ġew warajh, kif ukoll il-poplu, reġgħu għodsu fil-ħażen, u b’hekk “il-Mulej ma riedx jaħfer.”—2 Slaten 21:16-21; 24:3, 4.
11 Jehovah ddikjara permezz tal-profeta tiegħu Ġeremija: “Ħwejjeġ li jkexkxu u jwerwru ġraw fil-pajjiż: Il-profeti jħabbru l-gideb, u l-qassisin imexxu skond kapriċċihom, u l-poplu tiegħi hekk iħobb! X’se tagħmlu meta t-tmiem jasal?” Il-ġens taʼ Ġuda kien sar ħati tad-demm għall-aħħar, u n-nies tiegħu kienu saru korrotti permezz taʼ serq, qtil, twettiq taʼ adulterju, ħalf taʼ ġuramenti foloz, mixi wara allat oħrajn, u affarijiet mistmerra oħrajn. It-tempju t’Alla kien sar “għar tal-ħallelin.”—Ġeremija 2:34; 5:30, 31; 7:8-12.
12. Jehovah kif issokta jikkastiga lil Ġerusalemm li kienet tatu daharha?
12 Jehovah ddikjara: “Se nġib il-ħsara mit-tramuntana [mill-Kaldea], u qerda kbira.” (Ġeremija 4:6) B’hekk, hu daħħal il-Qawwa Dinjija Babilonjana, li dak iż-żmien kienet “il-martell taʼ l-art kollha,” biex lil Ġerusalemm li kienet tatu daharha jkissirha bit-tempju tagħha b’kollox. (Ġeremija 50:23) Fis-sena 607 Q.E.K., wara assedju aħrax, il-belt waqgħet taħt l-id setgħana taʼ Nabukodonosor. “U s-sultan taʼ Babilonja qatel lil ulied [is-Sultan] Sedekija f’Ribla taħt għajnejh, u qatel ukoll is-sultan taʼ Babilonja l-kbarat kollha taʼ Ġuda[.] Mbagħad ’il Sedekija qalagħlu għajnejh, u rabtu bil-ktajjen biex jieħdu lejn Babilonja. U l-palazz tas-sultan u d-djar tal-poplu, il-Kaldin tawhom in-nar, u s-swar taʼ Ġerusalemm ġarrfuhom. U l-bqija tal-poplu, li kien fadal fil-belt, u dawk li kienu ċedew, u l-bqija tal-poplu li kien fadal, Nebużaradan, kmandant taʼ l-għases, ħadhom fl-eżilju f’Babilonja.”—Ġeremija 39:6-9.
13. Min ġie salvat f’jum Jehovah tas-sena 607 Q.E.K., u għala?
13 Jum li tabilħaqq iqanqal il-biżaʼ! Iżda, xi ftit individwi li obdew lil Jehovah kienu fost dawk li nħelsu minn dak il-ġudizzju bin-nar. Fost dawn kien hemm ir-Rekabin li ma kinux Iżraeliti u li kuntrarju għall-Ġudeani wrew spirtu umli u ubbidjenti. Ġew salvati wkoll l-ewnuku leali Għebed-melek, li kien salva lil Ġeremija mill-mewt f’bir mimli ħama, u Bàruk, l-iskrib leali taʼ Ġeremija. (Ġeremija 35:18, 19; 38:7-13; 39:15-18; 45:1-5) Kien lil uħud bħal dawn li Jehovah ddikjara: “Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, . . . pjanijiet taʼ ġid u mhux taʼ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama.” Dik il-wegħda kellha twettiq żgħir fis-sena 539 Q.E.K. meta Lhud li kienu jibżgħu minn Alla nħelsu minn Ċiru, il-konkwistatur taʼ Babilonja, u rritornaw biex jibnu mill-ġdid il-belt taʼ Ġerusalemm u t-tempju tagħha. Dawk li llum joħorġu mir-reliġjon Babilonjana u jiġu rrestawrati għall-qima pura taʼ Jehovah jistgħu bl-istess mod iħarsu ’l quddiem lejn futur glorjuż taʼ paċi eterna fil-Ġenna restawrata taʼ Jehovah.—Ġeremija 29:11; Salm 37:34; Apokalissi 18:2, 4.
Id-“Diqa [“Tribulazzjoni,” NW] Kbira” fl-Ewwel Seklu
14. Jehovah għala ċaħad lil Iżrael għal dejjem?
14 Ejjew issa mmorru fl-ewwel seklu E.K. Sa dak iż-żmien il-Lhud restawrati kienu għal darb’oħra waqgħu fl-apostasija. Jehovah bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq l-art biex ikun il-Midluk, jew il-Messija, tiegħu. Matul is-snin 29 sa 33 E.K., Ġesù ppriedka maʼ l-art kollha taʼ Iżrael, billi qal: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” (Mattew 4:17) Iżjed minn hekk, hu ġabar u ħarreġ dixxipli biex jieħdu sehem miegħu f’li jipproklamaw l-aħbar tajba tas-Saltna. Kif irreaġixxew il-ħakkiema tal-Lhud? Huma infamaw lil Ġesù u finalment ikkommettew delitt faħxi meta tawh mewta agonizzanti fuq zokk tat-tortura. Jehovah warrab lil-Lhud milli jkunu l-poplu tiegħu. Issa ċ-ċaħda taʼ dak il-ġens kienet permanenti.
15. Lhud niedma kienu pprivileġġjati li jwettqu liema ħaġa?
15 F’jum Pentekoste tas-sena 33 E.K., Ġesù rxoxtat ferraʼ spirtu qaddis, u dan ta l-qawwa lid-dixxipli tiegħu biex ikellmu bl-ilsna lil-Lhud u l-proseliti li kienu nġemgħu malajr. Waqt li indirizza l-folla, l-appostlu Pietru ddikjara: “Lil dan Ġesù, Alla qajjmu mill-imwiet, u taʼ dan aħna lkoll x[h]ieda. . . . Mela [ħ]a jkun jaf fiż-ż[g]ur il-poplu kollu taʼ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija.” Lhud onesti kif irreaġixxew? “Il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom,” u għalhekk nidmu minn dnubiethom, u tgħammdu. (Atti 2:32-41) L-ippridkar tas-Saltna żdied, u sa 30 sena wara kien twassal “lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.”—Kolossin 1:23.
16. Jehovah kif immanuvra l-ġrajjiet li wasslu biex hu jagħmel ħaqq minn Iżrael naturali?
16 Issa kien wasal iż-żmien biex Jehovah jagħmel ħaqq minn Iżrael naturali, il-poplu miċħud minnu. Eluf kbar taʼ nies, minn ġnus madwar id-dinja magħrufa taʼ dak iż-żmien, kienu nġabru fil-kongregazzjoni Kristjana u kienu ġew midlukin bħala l-“Iżrael [spiritwali] taʼ Alla.” (Galatin 6:16) Il-ġens Lhudi taʼ dak iż-żmien, iżda, kien waqaʼ f’korsa taʼ mibegħda u vjolenza settarja. Kuntrarju għal dak li kiteb Pawlu dwar ‘ubbidjenza lejn l-awtoritajiet superjuri,’ huma rribellaw fl-apert kontra l-qawwa Rumana li kienet taħkem fuqhom. (Rumani 13:1) Jehovah milli jidher immanuvra l-ġrajjiet li seħħew wara. Fis-sena 66 E.K., leġjuni Rumani taħt il-Ġeneral Gallus resqu biex jattakkaw lil Ġerusalemm. Ir-Rumani fl-attakk ippenetraw il-belt sal-punt li ħaffru mina minn taħt il-ħajt tat-tempju. Bħalma hu ddokumentat fl-istorja taʼ Josefus, kien hemm tassew tribulazzjoni fuq il-belt u fuq il-poplu.a Imma f’daqqa waħda s-suldati li kienu qed jattakkaw bdew jaħarbu. Dan ippermetta lid-dixxipli taʼ Ġesù ‘jaħarbu lejn il-muntanji,’ kif kienu ġew imwissijin fil-profezija tiegħu li nsibu f’Mattew 24:15, 16.
17, 18. (a) Jehovah permezz taʼ liema tribulazzjoni għamel ħaqq mill-ġens Lhudi? (b) Liema laħam ‘inħeles,’ u dan kien dell taʼ liema ħaġa?
17 Madankollu, l-esekuzzjoni sħiħa tal-ġudizzju taʼ Jehovah fil-quċċata tat-tribulazzjoni kienet għadha trid tiġi. Fis-sena 70 E.K., il-leġjuni Rumani, issa taħt il-Ġeneral Titus, irritornaw biex jattakkaw. Din id-darba l-battalja kienet deċiżiva! Il-Lhud, li kienu qed jiggwerraw saħansitra bejniethom, ma kinux iħabbtuha mar-Rumani. Il-belt u t-tempju tagħha saru rmied. Iktar minn miljun Lhudi, li kienu saru għadma u ġilda, sofrew u mietu, u madwar 600,000 katavru ntefgħu ’l barra mill-bibien tal-belt. Wara li waqgħet il-belt, 97,000 Lhudi ttieħdu rsiera, u ħafna minnhom mietu iktar tard fi spettakli gladjatorjali. Verament, l-uniku laħam li salva matul is-snin taʼ dik it-tribulazzjoni kien dak tal-Kristjani ubbidjenti li kienu ħarbu lejn il-muntanji lil hinn mill-Ġordan.—Mattew 24:21, 22; Luqa 21:20-22.
18 B’hekk, il-profezija l-kbira taʼ Ġesù dwar “tmiem id-dinja” kellha l-ewwel twettiq tagħha, li laħaq il-quċċata tiegħu f’jum Jehovah li fih hu għamel ħaqq mill-ġens Lhudi ribelluż fis-snin 66-70 E.K. (Mattew 24:3-22) Madankollu, dak kien biss dell tal-miġja taʼ “Jum il-Mulej, kbir u tal-biżaʼ,” it-tribulazzjoni finali li dalwaqt tiblaʼ lid-dinja kollha. (Ġoel 3:4 [Ġoel 2:31, NW]) Int kif tistaʼ ‘tinħeles’? L-artiklu li jmiss jgħidilna.
[Nota taʼ taħt]
a Josefus jirrakkonta li r-Rumani fl-attakk dawru l-belt, ħaffru mina minn taħt parti mill-ħajt, u kienu kważi se jagħtu n-nar lill-bieb tat-tempju taʼ Jehovah. Dan tafaʼ biżaʼ kbir fost ħafna Lhud li kienu maqbudin ġewwa, għax setgħu jaraw il-mewt ġejja fuqhom.—Wars of the Jews, it-Tieni Ktieb, kapitlu 19.
Mistoqsijiet Għal Reviżjoni
◻ “Jum il-Mulej” kif inhu marbut maʼ ‘jum Jehovah’?
◻ Meta nirrevedu żmien Noè, liema twissija għandna nieħdu?
◻ Sodoma u Gomorra kif jipprovdu lezzjoni qawwija?
◻ Min ġie salvat mid-“diqa kbira” taʼ l-ewwel seklu?
[Stampi f’paġna 9]
Jehovah pprovda ħelsien għall-familji taʼ Noè u taʼ Lot, kif ukoll fis-snin 607 Q.E.K. u 70 E.K.