Kristu Jkellem lill-Kongregazzjonijiet
“Dan jgħidlek Dak li għandu s-sebaʼ kwiekeb f’idu l-leminija.”—APOKALISSI 2:1.
1, 2. Għala għandu jinteressana dak li Kristu qal lil sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri?
ĠESÙ KRISTU, l-Iben uniġenitu taʼ Jehovah, huwa l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana. Sabiex lill-kongregazzjoni tas-segwaċi midlukin tiegħu jżommha bla tebgħa, Kristu juża l-ħatra tiegħu bħala kap biex ifaħħarhom u jikkoreġihom. (Efesin 5:21-27) Hemm xi eżempji taʼ dan f’Apokalissi kapitli 2 u 3, li fihom insibu l-messaġġi qawwija u kollha mħabba li Ġesù ta lil sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri.
2 Qabel ma semaʼ l-kliem li Ġesù qal lis-sebaʼ kongregazzjonijiet, l-appostlu Ġwanni kellu viżjoni taʼ “jum il-Mulej.” (Apokalissi 1:10) Dak il-“jum” beda meta s-Saltna Messjanika ġiet stabbilita fl-1914. Għalhekk, dak li Kristu qal lill-kongregazzjonijiet huwa taʼ importanza vitali f’dawn l-aħħar jiem. L-inkuraġġiment u l-pariri tiegħu jgħinuna nkampaw maʼ dan iż-żmien iebes.—2 Timotju 3:1-5.
3. Xi jfissru b’mod simboliku l-“kwiekeb,” l-“anġli,” u l-“kandelabri tad-deheb” li ra l-appostlu Ġwanni?
3 Ġwanni ra lil Ġesù Kristu glorifikat, bis-“sebaʼ kwiekeb f’idu l-leminija” u “jimxi fost is-sebaʼ kandelabri tad-deheb,” jew kongregazzjonijiet. Il-“kwiekeb” huma l-“anġli tas-sebaʼ [“kongregazzjonijiet,” NW].” (Apokalissi 1:20; 2:1) Il-kwiekeb kultant huma simbolu tal-ħlejjaq spirti anġeliċi, iżda Kristu ma kienx se juża bniedem biex iniżżel bil-miktub messaġġ għall-ħlejjaq spirti. Għalhekk, huwa loġiku li dawn il-“kwiekeb” jirrappreżentaw lill-indokraturi midlukin bl-ispirtu, jew lill-ġemgħat taʼ l-anzjani. Il-kelma “anġli” tirreferi għall-irwol tagħhom bħala messaġġiera. Minħabba li l-organizzazzjoni t’Alla kibret, “il-prokuratur leali” ħatar ukoll irġiel kwalifikati min-“nagħaġ oħra” taʼ Ġesù biex jaqdu bħala indokraturi.—Luqa 12:42-44, NW; Ġwann 10:16.
4. L-anzjani kif jibbenefikaw meta joqogħdu attenti għal dak li Kristu jgħid lill-kongregazzjonijiet?
4 Il-“kwiekeb” qegħdin fl-id il-leminija taʼ Ġesù—taħt il-qawwa, il-kontroll, il-favur, u l-protezzjoni tiegħu. Għalhekk huma jridu jagħtu kont lilu. Jekk l-anzjani taʼ llum jagħtu kas taʼ dak li qal lis-sebaʼ kongregazzjonijiet, huma se jaraw kif jistgħu jkampaw maʼ sitwazzjonijiet simili. M’għandniex xi ngħidu, il-Kristjani kollha jridu jisimgħu mill-Iben t’Alla. (Mark 9:7) Allura, x’nistgħu nitgħallmu jekk noqogħdu attenti għal dak li Kristu jgħid lill-kongregazzjonijiet?
Lill-Anġlu f’Efesu
5. X’tip taʼ belt kienet Efesu?
5 Ġesù faħħar u widdeb lill-kongregazzjoni f’Efesu. (Aqra Apokalissi 2:1-7.) It-tempju enormi taʼ l-alla mara Artemi kien wieqaf f’dan iċ-ċentru kummerċjali għani u reliġjuż fil-kosta tal-punent taʼ l-Asja Minuri. Għalkemm Efesu kienet invażata bl-immoralità, ir-reliġjon falza, u l-prattiċi tal-maġija, Alla bierek il-ministeru taʼ l-appostlu Pawlu u oħrajn f’din il-belt.—Atti, kapitlu 19.
6. Il-Kristjani leali llum kif huma bħal dawk t’Efesu tal-qedem?
6 Kristu faħħar lill-kongregazzjoni t’Efesu billi qalilha: “Jiena naf l-opri tiegħek, u l-keded li tieħu, u s-sabar tiegħek, naf li int lill-ħżiena ma tiflaħx għalihom, u li ġa stħarriġt lil dawk li jriduha taʼ appostli bla ma huma, u sibthom qarrieqa.” Illum, il-kongregazzjonijiet tas-segwaċi veri taʼ Ġesù għandhom rapport simili taʼ opri tajbin, xogħol iebes, u sabar. Huma ma jifilħux lill-aħwa foloz li jriduha t’appostli. (2 Korintin 11:13, 26) Bħal dawk f’Efesu, il-Kristjani leali llum ‘ma jifilħux lill-ħżiena.’ Għalhekk, biex iżommu s-safa tal-qima taʼ Jehovah u jipproteġu lill-kongregazzjoni, huma ma jissiħbux maʼ l-apostati li ma jindmux.—Galatin 2:4, 5; 2 Ġwann 8-11.
7, 8. Liema problema serja kellha l-kongregazzjoni f’Efesu, u aħna kif nistgħu nkampaw f’sitwazzjoni simili?
7 Madankollu, il-Kristjani f’Efesu kellhom problema serja. Ġesù qalilhom: “Imma kontra tiegħek għandi li inti ħallejt dik l-imħabba li kont urejt fil-bidu.” Il-membri tal-kongregazzjoni kellhom bżonn jerġgħu jkebbsu l-imħabba li kellhom fil-bidu għal Jehovah. (Mark 12:28-30; Efesin 2:4; 5:1, 2) Anki aħna rridu noqogħdu attenti li ma nitilfux l-imħabba li kellna għal Alla fil-bidu. (3 Ġwann 3) Iżda xi ngħidu jekk ix-xewqa għall-għana materjali jew il-ġiri wara l-pjaċiri qed isiru l-iktar affarijiet importanti f’ħajjitna? (1 Timotju 4:8; 6:9, 10) F’dan il-każ, irridu nitolbu għall-għajnuna t’Alla biex minflok dawn l-inklinazzjonijiet niżviluppaw imħabba profonda għal Jehovah u gratitudni għal dak kollu li hu u Ibnu għamlu magħna.—1 Ġwann 4:10, 16.
8 Kristu ħeġġeġ lill-Efesin: “Mela issa ġib quddiem għajnejk fiex waqajt, indem, u erġaʼ aqbad l-opri tiegħek tal-bidu.” X’kien se jiġri jekk ma jagħmlux hekk? Ġesù kompla jgħid: “Għax inkella niġik u nneħħilek il-kandelabru tiegħek minn postu.” Kieku n-nagħaġ kollha kellhom jitilfu l-imħabba li kellhom fil-bidu, “il-kandelabru,” jew il-kongregazzjoni, ma kienx se jibqaʼ jeżisti. Bħala Kristjani żelużi, mela, jalla dejjem naħdmu iebes biex inżommu l-kongregazzjoni tixgħel spiritwalment.—Mattew 5:14-16.
9. X’għandha tkun il-ħarsa tagħna lejn is-settarjaniżmu?
9 L-Efesin kellhom ħaġa favur tagħhom, dik li kienu jobogħdu “l-opri [“tas-setta,” NW] taʼ Nikola.” Minbarra dak li jintqal f’Apokalissi, m’hemm xejn ċert dwar l-oriġini, il-prattiċi, u t-tagħlim taʼ din is-setta. Madankollu, ladarba Ġesù kkundanna l-fatt li wieħed isegwi lil xi bniedem, jeħtieġ li nibqgħu nobogħdu s-settarjaniżmu, bħalma kienu jagħmlu l-Kristjani f’Efesu.—Mattew 23:10.
10. X’se jgawdu dawk li jagħtu kas x’jgħid l-ispirtu?
10 “Min għandu widnejn, ħa jismaʼ xi jgħid l-Ispirtu [“lill-kongregazzjonijiet,” NW],” qal Kristu. Meta kien fuq l-art, Ġesù tkellem taħt l-influwenza taʼ l-ispirtu t’Alla. (Isaija 61:1; Luqa 4:16-21) Għalhekk, għandna noqogħdu attenti għal dak li Alla jgħid issa permezz tiegħu, billi juża l-ispirtu qaddis. Taħt id-direzzjoni taʼ l-ispirtu, Ġesù wiegħed: “Lir-rebbieħ nagħtih jiekol mis-siġra tal-Ħajja li hemm fil-Ġenna taʼ Alla.” Għall-midlukin li jagħtu kas x’jgħid l-ispirtu, dan ifisser immortalità fis-sema “fil-Ġenna taʼ Alla,” jew fil-preżenza taʼ Jehovah innifsu. Dawk tal-“kotra kbira,” li wkoll jisimgħu dak li jgħid l-ispirtu, se jgawdu ġenna taʼ l-art fejn se jixorbu mix-“xmara taʼ l-ilma tal-Ħajja” u se jsibu l-fejqan mill-“weraq tas-siġra” li hemm maġenbha.—Apokalissi 7:9; 22:1, 2; Luqa 23:43.
11. Kif nistgħu ninkuraġġixxu l-imħabba għal Jehovah?
11 L-Efesin kienu tilfu l-imħabba li kellhom fil-bidu, imma xi ngħidu jekk qed tiżviluppa sitwazzjoni simili f’xi kongregazzjoni llum? Ejja b’mod individwali ninkuraġġixxu l-imħabba għal Jehovah billi nitkellmu dwar il-mod kif jaġixxi bl-imħabba. Nistgħu nesprimu l-gratitudni tagħna għall-imħabba li Alla wera magħna meta pprovda l-fidwa permezz taʼ Ibnu l-għażiż. (Ġwann 3:16; Rumani 5:8) Meta jkun xieraq, nistgħu nsemmu l-imħabba t’Alla fil-kummenti tagħna u meta jkollna xi parti fil-laqgħat. Nistgħu nuru l-imħabba tagħna għal Jehovah billi nfaħħru ’l ismu fil-ministeru Kristjan. (Salm 145:10-13) Iva, il-kliem u l-azzjonijiet tagħna jistgħu jgħinu ħafna biex inkebbsu jew insaħħu l-imħabba li l-kongregazzjoni kellha fil-bidu.
Lill-Anġlu fi Żmirna
12. X’turina l-istorja dwar Żmirna u l-prattiċi reliġjużi li kienu jsiru fiha?
12 Il-kongregazzjoni fi Żmirna ġiet imfaħħra minn Kristu, “Dak li hu l-Ewwel u l-Aħħar, li kien mejjet u raġaʼ ħaj” permezz taʼ l-irxoxt. (Aqra Apokalissi 2:8-11.) Żmirna (issa Izmir, fit-Turkija) kienet mibnija fil-kosta tal-punent fl-Asja Minuri. Il-Griegi waqqfu l-belt, iżda n-nies taʼ Lidja qerduha madwar is-sena 580 Q.E.K. Is-suċċessuri t’Alessandru l-Kbir reġgħu bnew lil Żmirna fi nħawi ġodda. Din saret parti mill-provinċja Rumana taʼ l-Asja u kellha suċċess bħala ċentru kummerċjali li kien magħruf għall-bini pubbliku mill-aqwa li fih. Minħabba t-tempju taʼ Tiberju Ċesari din saret ċentru għall-qima taʼ l-imperatur. L-aduraturi kellhom jaħarqu nitfa inċens u jgħidu “Ċesari hu l-Mulej.” Il-Kristjani ma setgħux jagħmlu bħalhom għax għalihom “Ġesù hu l-Mulej.” Minħabba f’hekk, kellhom ibatu t-tribulazzjoni.—Rumani 10:9.
13. Għalkemm kienu foqra materjalment, il-Kristjani fi Żmirna b’liema mod kienu għonja?
13 Minbarra t-tribulazzjoni, il-Kristjani fi Żmirna ssaportew il-faqar, forsi wkoll batew minħabba restrizzjonijiet ekonomiċi għax ma ridux iqimu lill-imperatur. Il-qaddejja taʼ Jehovah taʼ llum m’humiex meħlusin minn provi bħal dawn. (Apokalissi 13:16, 17) Għalkemm foqra materjalment, dawk li huma bħall-Kristjani fi Żmirna huma għonja spiritwalment, u din hi l-iktar ħaġa importanti!—Proverbji 10:22; 3 Ġwann 2.
14, 15. Liema faraġ jistgħu jiksbu l-midlukin minn Apokalissi 2:10?
14 Ħafna mil-Lhud fi Żmirna kienu “sinagoga tax-Xitan” għaliex żammew maʼ tradizzjonijiet mhux skritturali, ċaħdu lill-Iben t’Alla, u żebilħu lis-segwaċi tiegħu li kienu midlukin bl-ispirtu. (Rumani 2:28, 29) Imma kemm faraġ jistgħu jiksbu l-midlukin mill-kliem li jmiss taʼ Ġesù! Hu jgħid: “Tibżax minn dak li se jkollok issofri; ara, id-Demonju se jixħet ’il xi wħud minnkom fil-ħabs biex iġarrabkom, u intom tgħaddu minn għaxart ijiem taʼ taħbit. Ibqaʼ fidil sal-mewt, u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.”—Apokalissi 2:10.
15 Ġesù ma beżax mill-mewt għax appoġġa s-sovranità taʼ Jehovah. (Filippin 2:5-8) Għalkemm issa Satana qed jagħmel gwerra kontra l-fdal midluk, dawn ma jibżgħux mill-affarijiet li jkollhom isofru bħala grupp—tribulazzjoni, ħabs, jew mewt vjolenti. (Apokalissi 12:17) Huma se joħorġu rebbiħin fuq id-dinja. U minflok xi girlanda tal-fjuri li tispiċċa fix-xejn, li kienet tintlibes bħala kuruna mir-rebbieħa fil-logħob pagan, Kristu jwiegħed lill-midlukin li jiġu rxoxtati “l-kuruna tal-ħajja” bħala ħlejjaq immortali fis-sema. X’għotja imprezzabbli!
16. Jekk nagħmlu parti minn kongregazzjoni bħal dik taʼ Żmirna tal-qedem, fuq liema kwistjoni għandna niffokaw l-attenzjoni tagħna?
16 Xi ngħidu jekk aħna, kemm jekk it-tama tagħna hija għas-sema u kemm jekk għall-art, nagħmlu parti minn kongregazzjoni bħal dik taʼ Żmirna tal-qedem? F’dan il-każ, ejja ngħinu lill-aduraturi sħabna biex jiffokaw fuq ir-raġuni ewlenija għala Alla jippermetti l-persekuzzjoni—il-kwistjoni tas-sovranità universali. Kull Xhud taʼ Jehovah li jżomm l-integrità jkun qed igiddeb lil Satana u juri li anki bniedem persegwitat jistaʼ jappoġġa bla ma jitħarrek id-dritt t’Alla li jaħkem bħala s-Sovran Universali. (Proverbji 27:11) Ejja ninkuraġġixxu lil Kristjani oħrajn biex jissaportu l-persekuzzjoni u b’hekk jibqaʼ jkollna l-privileġġ li ‘naqdu [lil Jehovah] bla biżaʼ, bil-[“lealtà,” NW] u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha’—saħansitra għal dejjem.—Luqa 1:68, 69, 74, 75.
Lill-Anġlu f’Pergamu
17, 18. Pergamu kienet iċ-ċentru taʼ liema xorta taʼ qima, u x’setaʼ jiġri lil min kien jirrifjuta li jieħu sehem f’idolatrija bħal din?
17 Il-kongregazzjoni taʼ Pergamu ġiet kemm imfaħħra kif ukoll koreġuta. (Aqra Apokalissi 2:12-17.) Pergamu, belt li tinsab xi 80 kilometru lejn it-tramuntana taʼ Żmirna, kienet invażata bir-reliġjon pagana. Milli jidher, xi astroloġi Kaldin kienu ħarbu lejn dan il-post minn Babilonja. Il-morda kienu jmorru bi ħġarhom lejn Pergamu, fit-tempju magħruf t’Asklepju, alla falz tal-fejqan u l-mediċina. Pergamu, bit-tempju li kellha dedikat għall-qima taʼ Ċesari Awgustu, ġiet imsejħa “ċ-ċentru ewlieni tal-qima taʼ l-imperaturi fiż-żmien taʼ l-imperu tal-bidu.”—Encyclopædia Britannica, 1959, Volum 17, paġna 507.
18 F’Pergamu kien hemm artal dedikat lil Żews. Il-belt kienet ukoll ċentru taʼ qima t’allat bnedmin ispirata mix-Xjaten. Mhux taʼ b’xejn li ntqal li l-kongregazzjoni taʼ dan il-post kienet tinsab “fejn hemm it-tron tax-Xitan”! Jekk aduratur li jappoġġa s-sovranità taʼ Jehovah kien jirrifjuta li jagħti qima lill-imperatur, dan setaʼ jingħata l-mewt. Id-dinja għadha taħt il-qawwa tax-Xitan, u issa s-simboli nazzjonali qed jiġu meqjumin. (1 Ġwann 5:19) Mill-ewwel seklu sa llum, ħafna Kristjani leali nqatlu bħala martri, bħal dak il-wieħed li Ġesù sejjaħlu “Antipa, ix-xhud fidil tiegħi, [li] qatluh hemm fostkom.” Alla Jehovah u Ġesù Kristu żgur li jiftakru lil qaddejja leali bħal dawn.—1 Ġwann 5:21.
19. Bagħlam x’għamel, u l-Kristjani għalxiex iridu joqogħdu għassa?
19 Kristu tkellem ukoll dwar it-“tagħlim taʼ Bagħlam.” Minħabba r-regħba li kellu biex jikseb affarijiet materjali, il-profeta falz Bagħlam ipprova jisħet lil Iżrael. Meta Alla bidel is-saħta tiegħu f’barka, Bagħlam ħadem mas-Sultan Balak taʼ Mowab u ħajjar lil ħafna Iżraelin għall-idolatrija u l-immoralità sesswali. L-anzjani Kristjani jridu jkunu sodi għall-ġustizzja daqskemm kien Fineħas, li aġixxa kontra l-għemejjel taʼ Bagħlam. (Numri 22:1–25:15; 2 Pietru 2:15:16; Ġuda 11) Fil-fatt, il-Kristjani kollha jridu joqogħdu għassa għall-idolatrija u biex l-immoralità sesswali ma tidħolx fil-kongregazzjoni.—Ġuda 3, 4.
20. Jekk xi Kristjan qed jibda jadotta ideat apostati, x’għandu jagħmel?
20 Il-kongregazzjoni f’Pergamu kienet f’periklu kbir għaliex ippermettiet li f’nofsha jkun hemm “min qiegħed iżomm it-tagħlim [“tas-setta,” NW] taʼ Nikola.” Kristu qal lill-kongregazzjoni: “Indem; inkella niġi bla telf taʼ żmien, u naħbat għalihom bix-xabla taʼ fommi.” Dawk li jagħmlu parti minn xi setta jridu jagħmlu ħsara spiritwali lill-Kristjani, u dawk li huma determinati li jinkuraġġixxu l-firdiet u s-setet m’humiex se jirtu s-Saltna t’Alla. (Rumani 16:17, 18; 1 Korintin 1:10; Galatin 5:19-21) Jekk xi Kristjan qed jibda jadotta ideat apostati u jrid ixerridhom, hu għandu jieħu t-twissija taʼ Kristu! Biex ma jispiċċax f’diżastru, għandu jindem u jfittex l-għajnuna spiritwali taʼ l-anzjani tal-kongregazzjoni. (Ġakbu 5:13-18) Huwa importanti li jaġixxi mill-ewwel, għax Ġesù ġej malajr biex jagħmel ħaqq.
21, 22. Min jieħu sehem “mill-manna l-moħbija,” u din x’tissimbolizza?
21 Kristjani midlukin leali u sħabhom li huma leali wkoll m’għandhomx għalfejn jibżgħu mill-ġudizzju li ġej. Hemm barkiet kbar lesti għal dawk kollha li jagħtu kas il-parir li Ġesù ta bid-direzzjoni taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla. Per eżempju, il-midlukin li se joħorġu rebbiħin fuq id-dinja se jiġu mistiedna biex jieklu ftit “mill-manna l-moħbija,” u se jingħataw “ċagħka bajda,” li fuqha hemm “isem ġdid.”
22 Alla pprovda l-manna biex imantni lill-Iżraelin matul l-40 sena li għamlu jiġġerrew fid-deżert. Ftit minn dan “l-ikel,” jew il-manna, kien jinżamm f’bieqja tad-deheb fl-arka tal-patt u b’dan il-mod kien ikun moħbi fil-Post il-Qaddis tat-tabernaklu, fejn kien hemm dawl mirakoluż li jissimbolizza l-preżenza taʼ Jehovah. (Eżodu 16:14, 15, 23, 26, 33; 26:34; Lhud 9:3, 4) Ħadd ma kellu l-permess li jiekol minn din il-manna l-moħbija. B’danakollu, meta s-segwaċi midlukin taʼ Ġesù jiġu rxoxtati huma jsiru immortali, u dan hu simbolizzat mill-fatt li jieklu “mill-manna l-moħbija.”—1 Korintin 15:53-57.
23. Xi jfissru ċ-“ċagħka l-bajda” u “l-isem il-ġdid”?
23 Fil-qrati Rumani, ċagħqa sewda kienet tfisser kundanna waqt li waħda bajda kienet tfisser ħelsien mill-akkużi. Il-fatt li Ġesù jagħti “ċagħka bajda” lill-Kristjani midlukin li joħorġu rebbiħin jindika li hu jarahom bħala li huma innoċenti, safja, u nodfa. Peress li r-Rumani kienu wkoll jużaw iċ-ċagħaq bħala biljett biex jidħlu jaraw ġrajjiet importanti, iċ-“ċagħka bajda” għandha mnejn tindika li l-wieħed midluk jiddaħħal u jingħata post fis-sema fiż-żwieġ tal-Ħaruf. (Apokalissi 19:7-9) Jidher ċar li l-“isem ġdid” ifisser il-privileġġ taʼ li jkunu magħqudin maʼ Ġesù bħala werrieta sħabu fis-Saltna tas-sema. Kemm huwa taʼ inkuraġġiment dan għall-midlukin u għal sħabhom fis-servizz taʼ Jehovah li jittamaw li jgħixu f’ġenna fuq l-art!
24. X’pożizzjoni għandna nieħdu fejn tidħol lapostasija?
24 Huwa għaqli li niftakru li l-kongregazzjoni taʼ Pergamu kienet fil-periklu minħabba l-apostati. Jekk xi sitwazzjoni simili thedded is-saħħa tal-kongregazzjoni li aħna nagħmlu parti minnha, ejja niċħdu għalkollox l-apostasija u nibqgħu mexjin fil-verità. (Ġwann 8:32, 44; 3 Ġwann 4) Peress li għalliema foloz jew individwi miġbudin lejn l-apostasija jistgħu jikkorrompu kongregazzjoni sħiħa, irridu nżommu waqfa soda kontra l-apostasija, billi qatt ma nħallu li persważjoni malizzjuża ttellifna milli nobdu l-verità.—Galatin 5:7-12; 2 Ġwann 8-11.
25. Fl-artiklu li jmiss, se jiġu diskussi l-messaġġi taʼ Kristu lil liema kongregazzjonijiet?
25 Kemm iġagħlek taħseb il-kliem li għadna kif ikkunsidrajna li Ġesù glorifikat qal biex ifaħħar u jikkoreġi s-sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri! Madankollu, immexxi mill-ispirtu qaddis hu għad għandu ħafna x’jgħid lill-erbaʼ kongregazzjonijiet li baqaʼ. Dawn il-messaġġi, diretti lil Tjatira, Sardi, Filadelfja, u Laodiċija, se jiġu diskussi fl-artiklu li jmiss.
Int Kif Twieġeb?
• Għala għandna noqogħdu attenti għal dak li Kristu għandu x’jgħid lill-kongregazzjonijiet?
• Kif nistgħu ngħinu biex nerġgħu nkebbsu l-imħabba li jkollha kongregazzjoni fil-bidu?
• Għala nistgħu ngħidu li l-Kristjani foqra materjalment fi Żmirna tal-qedem kienu verament għonja?
• Meta nimmeditaw fuq is-sitwazzjoni tal-kongregazzjoni f’Pergamu, kif għandna nħarsu lejn l-ideat apostati?
[Mappa f’paġna 10]
IL-GREĊJA
L-ASJA MINURI
Efesu
Żmirna
Pergamu
Tjatira
Sardi
Filadelfja
Laodiċija
[Stampa f’paġna 12]
Il-“kotra kbira” se tgawdi ġenna fuq l-art
[Stampi f’paġna 13]
Il-Kristjani persegwitati ħarġu rebbieħa fuq id-dinja