Dinja Ġdida Hi fil-Qrib!
KAPIJIET taʼ stati qalu ħafna dwar ordni dinjija ġdida li huma se jagħmlu. Huma jitkellmu dwar kif se jeħilsu lid-dinja mill-biżaʼ u t-tfixkil taʼ kooperazzjoni bejn popli u stati. Imma se jkun il-bniedem li jġib dinja ġdida?
L-umanità kellha sekli sħaħ biex tistabbilixxi dinja taʼ paċi u sigurtà. Bla dubju, ħafna kienu sinċieri ferm fi sforzi bħal dawn. Kienet x’kienet l-istruttura taʼ gvernijiet maħluqin mill-bnedmin biex iwettqu oġġettivi bħal dawn, madankollu, il-kelmiet tal-Bibbja taw prova li kienu veri: “Ma jappartjenix lill-bniedem li miexi saħansitra li jidderieġi l-pass tiegħu.”−Ġeremija 10:23.
Dinja Ġdida Mwiegħda
Sadattant, l-istess Kelma spirata t’Alla tipprovdi assigurazzjoni li se jkun hemm dinja ġdida. Wara li bassar it-tmiem taʼ sistema taʼ affarijiet qadima, l-appostlu Kristjan Pietru ddikjara: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qegħdin nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn it-tjieba għandha tgħammar.”−2 Pietru 3:10-13.
Taʼ min hi din il-wegħda? Hija mogħtija minn ħadd ħlief Jehovah, “l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.” (Salm 83:18) Hu se jwettaq dak li ma jistax iwettaq il-bniedem. Iva, Alla Jehovah se jġib dinja ġdida. Imma meta?
Dinja Ġdida Qrib Ferm!
Qabel ma d-dinja ġdida mwiegħda t’Alla ssir realtà fuq skala sħiħa, id-“dinja” preżenti, jew “sistema taʼ affarijiet,” trid tiġi fit-tmiem. Dwar dan, id-dixxipli taʼ Ġesù Kristu staqsew: “Għidilna, meta se jkunu dawn l-affarijiet? u x’se jkun is-sinjal tal-miġja tiegħek, u tat-tmiem tad-dinja?” (Mattew 24:3, King James Version) Bhalma tpoġġiha b’iktar eżattezza n-New World Translation, is-segwaċi taʼ Ġesù staqsew: “Għidilna, Meta se jkunu dawn l-affarijiet, u x’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u tal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet?”
Bi tweġiba, Ġesù bassar ħafna fatturi tas-sinjal tal-preżenza inviżibbli tiegħu bħala personaġġ spirtu fil-qawwa tas-Saltna. (1 Pietru 3:18) Per eżempju, hu qal: “Ġens se jqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u se jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor.” Minn “bidu taʼ weġgħat taʼ hemm” fl-1914, “din il-ġenerazzjoni” li Ġesù alluda għaliha esperjenzat gwerar li ma qatgħu xejn, nuqqas taʼ ikel, u terremoti bħala parti mis-sinjal tal-preżenza inviżibbli tiegħu.—Mattew 24:7, 8, 34.
Il-gwerar inkwetaw lil din il-ġenerazzjoni bħal qatt qabel mis-sena 1914 ’il hawn. L-Ewwel Gwerra Dinjija huwa stmat li swiet 14-il miljun ħajja. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, 55 miljun persuna li jikkumbattu u ċivili kienu maqtulin. Ħeqq, mill-1914 ’il hawn ’il fuq minn 100 miljun ruħ ġew maqtulin fi gwerra! Ċertament, dan jimmarka parti mis-sinjal tal-preżenza taʼ Ġesù.
Nuqqas taʼ ikel, ukoll imbassar minn Kristu, ikkaġuna ħsarat kbar f’ħafna pajjiżi wara kull waħda miż-żewġ gwerar dinjin. Minkejja l-avvanzi tax-xjenza, kważi kwart tal-art jinsab bil-ġuħ illum. Kull sena, miljuni taʼ tfal u oħrajn imutu minħabba n-nuqqas taʼ nutriment. Tgħid The World Book Encyclopedia: “Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżżviluppaw tal-Afrika, l-Asja, u l-Amerka Latina bilkemm għandhom ikel biżżejjed għan-nies tagħhom. Miljuni f’dawn il-pajjiżi jispiċċaw bil-ġuħ. Meta l-produzzjoni tal-ikel jew l-ikel impurtat jonqsu għal xi raġuni jew oħra, jistaʼ jkun hemm il-ġuħ u eluf jew miljuni taʼ nies jistgħu jmutu.”
Terremoti ħasdu ħafna ħajjiet matul din il-ġenerazzjoni li qed timmarka “ż-żmien tat-tmiem.” (Danjel 12:4) Stimi taʼ dawk li ntlaqtu bit-terremoti jvarjaw. Imma mill-1914 ’il hawn il-qerda permezz tat-terremoti żdiedet mal-art kollha, u dawn swew mijiet taʼ eluf taʼ ħajjiet. Billi kkummentat fuq tnejn minn dawn, il-Yorkshire Post tad-19 ttottubru, 1989, stqarret: “Fl-1920 terremot fil-provinċja Ċiniża taʼ Ġiangsu qatel 180,000, u fit-28 taʼ Lulju, 1976 iċ-Ċina sofriet l-agħar terremot fl-istorja moderna tagħha. Tal-inqas 240,000 mietu meta l-belt taʼ Tangshan li tinsab fil-Grigal kienet kważi mġarrfa kompletament minn terremot li ġie mkejjel 7.8 fuq l-iskala Richter.” Il-gazzetta tat lista taʼ iktar minn 30 terremoti kbar oħra fis-seklu 20.
L-attività tal-ippridkar tas-Saltna kienet ukoll imbassra bħala wieħed mill-fatturi tas-sinjal tal-preżenza inviżibbli taʼ Ġesù. Hu qal lid-dixxipli li staqsewh: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Kif ipprofetizza Ġesù, dan ix-xogħol taʼ ppridkar qed jiġi mwettaq issa mal-art kollha f’212-il art minn iktar minn 4,000,000 Xhieda taʼ Jehovah.
It-twettieq tal-ġurnata tal-lum taʼ dawn il-profeziji u taʼ profeziji oħrajn jagħti prova li aħna tabilħaqq qed ingħixu fl-“aħħar jiem.” (2 Timotew 3:1-5) Eżatt quddiemna hemm it-“tribulazzjoni kbira” li wkoll ġiet imbassra minn Ġesù Kristu. Billi tilħaq il-quċċata fil-“gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” f’Har–Magedon, hi se ġġib tmiem fuq is-sistema taʼ affarijiet mill-agħar preżenti. (Mattew 24:21; Rivelazzjoni 16:14-16) Imbagħad id-dinja ġdida mwiegħda t’Alla se ssir realtà.a
Barkiet li l-Bnedmin ma Jistgħux Iġibu
Kapijiet taʼ stati ftaħru dwar ordni dinjija ġdida li għamlu huma stess. Imma Jehovah, dak Alla tas-sema u tal-art, qatt ma staqsa lill-bnedmin biex jissostitwixxu s-sistema preżenti b’dinja ġdida. Hu nnifsu se jagħmel dan fil-jum u s-siegħa li hu biss jaf. (Mattew 24:34, 36) Ix-xwejjaħ appostlu Ġwanni kellu din il-ħarsa bil-quddiem taʼ dak li Alla, mhux il-bniedem, se jagħmel:
“Jien rajt sema ġdid u art ġdida; għax is-sema taʼ qabel u l-art taʼ qabel kienu għaddew u l-baħar ma għadux iktar. Jien rajt ukoll il-belt qaddisa, Ġerusalemm Ġdida, nieżla mis-sema mingħand Alla u mħejjija bħal għarusa mżejna għal żewgħa. Maʼ dak smajt leħen qawwi mit-tron igħid: ‘Ħares! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu se jgħammar magħhom, u huma se jkunu l-popli tiegħu. U Alla nnifsu se jkun magħhom. U se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt ma tkunx iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.’ U Dak bil-qiegħda fuq it-tron qal: ‘Ħares! Qed nagħmel l-affarijiet kollha ġodda.’ Ukoll, hu jgħid: ‘Ikteb, għaliex dawn il-kelmiet huma fidili u veri.”ˈ—Rivelazzjoni 21:1-5.
Is-“sema ġdid” huwa s-Saltna taʼ Ġesù Kristu. L-“art ġdida” m’hijiex xi globu ieħor imma soċjetà ġdida taʼ nies fuq din il-pjaneta—kollha kemm huma sudditi ubbidjenti tas-Saltna taʼ Kristu, mingħajr firdiet razzjali, nazzjonali, jew lingwistiċi. (Qabbel Salm 96:1.) Is-sema u l-art preżenti simboliċi—is-sistema taʼ affarijiet tax-Xitan bl-istruttura taʼ gvern influwenzata minn Satana u d-demonji tiegħu—se jkunu ġew meqrudin. (1 Ġwann 5:19) Għalkemm l-ibħra litterali se jibqgħu, il-baħar figurattiv tal-umanità li hi mill-agħar u li m’għandiex kwiet se jitneħħa. Il-ħakkiema sħab taʼ Ġesù li se jkunu fis-sema jiffurmaw Ġerusalemm Ġdida u f’għaqda miegħu jiffurmaw l-organizzazzjoni kapitali li se tiggverna lis-soċjetà twajba tal-bnedmin. Alla se ‘jkollu t-tinda’ mal-umanità ubbidjenti b’mod rappreżentattiv waqt li huma jkunu qed jiġu rrikonċiljati bis-sħiħ miegħu permezz taʼ Kristu matul Jum il-Ġudizzju taʼ elf sena.—Rivelazzjoni 14:1-4; 20:6.
Taħt il-ħakma tas-Saltna se jkun hemm bosta raġunijiet għall-hena. L-għali, il-biki, u l-uġigħ li jirriżulta minn mard, niket, u affarijiet bħal dawn se jkunu esperjenzi tal-imgħoddi. Saħansitra l-mewt li nfirxet għal fuq l-umanità mill-ewwel ġenitur tagħna, il-midneb Adam, mhix se tkun iktar. (Rumani 5:12) X’ferħ se jkun hemm meta dan il-kaġun dinji taʼ dmugħ se jkun telaq għal dejjem!
Mhux bnedmin mortali imma Alla nnifsu jagħti garanzija rigward dawn il-barkiet. Huwa Dak li jgħid: “Ħares! Qed nagħmel l-affarijiet kollha ġodda.” Iva, u Alla Jehovah qal lill-appostlu Ġwanni: “Ikteb, għaliex dawn il-kelmiet huma fidili u veri.”
Ħtiġijiet Bażiċi Ssodisfati bis-Sħiħ
Fid-dinja l-ġdida magħmula minn Alla, l-art fl-aħħar mill-aħħar se ssir ġenna. Dan huwa ċert, għax Ġesù wiegħed lil midneb mimli rimors li kien imdendel maġenbu: “Verament ingħidlek illum, Int se tkun miegħi fil-Ġenna.” (Luqa 23:43) F’nofs kundizzjonijiet taʼ ġenna, ħtiġijiet umani bħalma huma l-ikel u d-djar se jkunu milħuqin bis-sħiħ.
In-nuqqas taʼ ikel qed jiswa ħafna ħajjiet illum. Huma kemm huma nobbli l-isforzi biex jitimgħu l-imġewħin, ir-regħba u fatturi oħra jżommu l-bnedmin lura milli jsolvu problemi bħal dawn. Per eżempju, is-Saturday Star, gazzetta taʼ Johannesburg, fl-Afrika t’Isfel irrapportat: “Argumenti politiċi, żjieda fil-prezz taż-żejt u l-għejja ġenerali minħabba l-konflitti li donnhom qatt ma jintemmu tal-Afrika qed jingħaqdu flimkien biex jittardjaw is-serħan . . . Fis-Sudan, wieħed mill-pajjiżi li hu l-iktar milqut, bejn 5 miljun u sitt miljun ruħ jistennew li jmutu bil-ġuħ fl-1991.” Imma l-ġuħ se jiġi minsi fid-dinja ġdida t’Alla. Taħt il-ħakma tas-Saltna “se jiġi li jkun hemm kotra taʼ qamħ fuq l-art; fuq il-quċċata tal-muntanji se jkun hemm iżżejjed.”−Salm 72:16.
Il-kenn huwa ħtieġa oħra tal-bniedem li baqgħet mhix milħuqa b’mod adekwat fil-każ taʼ ħafna fi żmienna. Miljuni qed igħixu f’daqsxejn taʼ gorboġ jew huma totalment bla dar. Skond The New York Times, f’pajjiż wieħed Orjentali, “f’kumpanija tal-elettronika . . .. impjegati taʼ għoxrin sena qed iħabbtu wiċċhom maʼ lista li ilha 73 sena biex jakkwistaw dar,” u rapport tal-gvern jindika li xi nies iridu jgħixu “fi mħażen, uffiċċji u saħansitra latrini.” Imma kemm se jkun differenti fid-dinja l-ġdida! Fil-Ġenna futura, “ċertament li se jibnu djar u jgħammru fihom; u ċertament li se jħawlu egħlieqi tad-dwieli u jieklu l-frott tagħhom. Mhux se jibnu huma u xi ħadd ieħor igħammar; mhux se jħawlu huma u xi ħadd ieħor jiekol. Għax bħall-jiem taʼ siġra se jkunu l-jiem tal-poplu tiegħi; u x-xogħol taʼ jdejhom stess il-magħżulin tiegħi se jużawh għalkollox.”−Isaija 65:21, 22.
Problemi ekologiċi se jisparixxu fid-dinja ġdida mwiegħda t’Alla. Tniġġis tal-arja li qed ihedded is-saħħa u jagħmel ħsara lill-prodotti tal-biedja mhux se jeżisti iktar. It-tniġġis u l-qerda tal-postijiet fejn jimirħu l-annimali li issa qed jipperikolaw numru bla għadd taʼ pjanti u speċi tal-annimali mhux se jkunu taʼ theddida f’dak iż-żmien. U fatturi bħalma hu l-eżawriment tal-ozone layer m’humiex se jipperikolaw il-ħajja fuq l-art. Ahna nistgħu nibqgħu żguri li Alla Jehovah se jsolvi dawn il-problemi kollha, għax il-Kelma tiegħu tassigurana li hu dalwaqt se ‘jġib f’rovina lil dawk li qed jirrovinaw l-art.’—Rivelazzjoni 11:18.
Fid-dinja l-ġdida, il-gwerer se jkunu affarijiet tal-imgħoddi imma mhux għaliex il-kapijiet taʼ stati jkunu rnexxielhom jiddiżarmaw lill-ġnus. Minflok, Alla se jaġixxi fejn il-ħakkiema politiċi fallew. Hu se jġib il-paċi għall-umanità ubbidjenti fi qbil mal-kliem tas-salmista: “Ejjew ilmħu l-attivitajiet taʼ Jehovah, kif wettaq ġrajjiet tal-iskantament fuq l-art. Qiegħed iġiegħel il-gwerer jieqfu sa tarf l-art. Il-qaws hu jaqsam fi tnejn u tassew ikisser il-lanza f’biċċiet; il-vaguni jaħraqhom fin-nar.” (Salm 46:8, 9) Bid-dinja l-ġdida mwiegħda t’Alla tant qrib, in-nies ma jidħlux fi gwerer iktar imma se jgawdu l-vera paċi u sigurtà.—Mikea 4:2-4.
Se Tkun Hemm Int?
Int tistaʼ tkun fiduċjuż fid-dinja ġdida mwiegħda minn Alla Jehovah. Hu ma jigdibx. (Ebrej 6:17, 18) Il-Kelma tiegħu, il-Bibbia, hija vera, u dak li twiegħed dejjem iseħħ.—Ġwann 17:17.
L-aħbar tajba taʼ barkiet tal-għaġeb għall-umanità ubbidjenti hi dik li x-Xhieda taʼ Jehovah jagħmlu ħilithom biex jaqsmu man-nies kollha taʼ qalb onesta. Int għandek tagħmel kull sforz issa biex tikseb għarfien tal-għan divin, u taġixxi fuq il-wegħdi meraviljużi misjubin fl-Iskrittura Mqaddsa. Din il-korsa tistaʼ twasslek għal ħajja bla tmiem, għax Ġesù qal: “Dan ifisser il-ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.” (Ġwann 17:3) Imbagħad int se jkollok il-privileġġ li tgawdi żminijiet hienja li hemm quddiemek, għax id-dinja ġdida t’Alla hi qrib!
[Nota taʼ taħt]
a Ara kapitli 17 u 18 tal-ktieb Int Tistaʼ Tgħix għal Dejjem f’Ġenna tal-Art, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.