“In-Nies Kollha Qatt Se Jħobbu Lil Xulxin?”
1 Messaġġ mill-isbaħ, kommoventi, u li jferraħ għandu jixxandar mad-dinja kollha f’169 lingwa. X’inhu dan il-messaġġ? U kif se jingħata?
2 Il-messaġġ huwa dwar l-imħabba tal-proxxmu. Se jkun jinstab fl-Aħbar Tas-Saltna Nru. 35, intitolata “In-Nies Kollha Qatt Se Jħobbu Lil Xulxin?” Din l-Aħbar Tas-Saltna teżamina fil-qosor il-qagħda preżenti madwar id-dinja, fil-waqt li turi li n-nuqqas taʼ mħabba fost in-nies huwa l-kaġun prinċipali taʼ dan l-għali u l-uġigħ kollu. Din tispjega għala, b’mod partikulari fi żmienna, l-imħabba tal-proxxmu birdet u x’ifisser dan għall-futur.
3 Fl-istess ħin, l-Aħbar Tas-Saltna Nru. 35 turi li teżisti mħabba vera lejn il-proxxmu fost miljuni taʼ nies li qegħdin jgħixu fid-dinja tal-lum. Din tidentifika ’l dawk li qegħdin jieħdu sehem f’li jerġgħu jagħtu l-ħajja mill-ġdid lill-Kristjanità bikrija—il-qima fl-ewwel seklu, li kienet identifikata mill-imħabba lejn il-proxxmu kif mgħallma minn Ġesù Kristu.—Luqa 10:25-37.
4 L-Aħbar Tas-Saltna Nru. 35 tagħlaq bi spjegazzjoni taʼ kif id-dinja kollha taʼ l-umanità dalwaqt se tkun tipprattika l-imħabba lejn il-proxxmu taħt l-amministrazzjoni tas-Saltna t’Alla bi Kristu. Dawk li jaqraw dan il-messaġġ huma inkuraġġiti biex jiksbu l-brochure Alla X’Jirrikjedi Minna? u jsiru jafu kif jistgħu jagħmlu parti minn dan l-arranġament taʼ mħabba mifrux mad-dinja kollha li huwa deskritt fid-dettall fil-Kelma t’Alla.
5 Min Se Jxandar Dan Il-Messaġġ? Ix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha se jkunu jaqsmu dan il-messaġġ taʼ mħabba lejn il-proxxmu maʼ ħbiebhom, mal-ġirien tagħhom, u maʼ qrabathom matul ix-xhur t’Ottubru u Novembru. Dawk kollha li jikkwalifikaw huma inkuraġġiti biex jieħdu sehem fit-tqassim lill-pubbliku taʼ l-Aħbar Tas-Saltna Nru. 35.
6 Il-mira aħħarija taʼ din il-kampanja hija li tistimula l-interess fin-nies biex ikollhom studju tal-Bibbja permezz tal-brochure X’Jirrikjedi jew permezz tal-ktieb Għarfien. Barra minn hekk, sforz b’qalb sħiħa min-naħa taʼ kull wieħed mill-qaddejja taʼ Jehovah se jipproduċi xiehda grandjuża favur dak Alla taʼ mħabba, Jehovah, u lil Ibnu, Ġesù Kristu.