Nagħmlu l-Isem taʼ Jehovah Magħruf mad-Dinja Kollha
1 Meta Ġesù inkariga lid-dixxipli tiegħu biex ikunu xhieda “sa truf l-art,” hu kien diġà tahom l-eżempju taʼ x’għandhom jagħmlu. (Atti 1:8) Kulmeta u kulfejn kien isib lin-nies, hu kien jitkellem dwar l-iskop t’Alla għall-umanità. F’imitazzjoni taʼ Ġesù, il-klassi taʼ l-ilsir leali qed tuża varjetà kbira taʼ modi biex tagħmel l-isem taʼ Jehovah “magħruf maʼ l-art kollha.”—Is. 12:4, 5.
2 X’Kien Isir fl-Antik: Fis-snin taʼ l-imgħoddi, il-priedki kienu jiġu pubblikati fil-gazzetti; il-“Photo-Drama of Creation” kienet ġiet magħmula u murija lil miljuni; kienu jintużaw karozzi bil-loudspeakers; u kien isir użu estensiv tal-fonografu u, għal xi żmien, tar-radju—kollha bl-iskop li tiġi pridkata l-aħbar tajba. M’għandniex xi ngħidu, dejjem saret enfasi primarja fuq li nagħmlu kuntatt persunali man-nies sabiex b’hekk l-interess li jinstab ikun jistaʼ jiġi kultivat. Għalhekk, il-ministeru minn dar għal dar wera li huwa mezz tassew effettiv taʼ kif nagħmlu l-isem taʼ Jehovah magħruf maʼ kullimkien.—Atti 5:42.
3 X’Qed Isir fi Żmienna: Biż-żminijiet li qed jinbidlu, id-dinja miexja b’rata mgħaġġla, u f’ħafna pajjiżi lin-nies ma tantx issibhom id-dar. Ftit huma inklinati li jqattgħu ħin jaqraw u jimmeditaw fuq affarijiet spiritwali. Għalhekk irridu naddattaw il-ministeru tagħna skond il-ħtieġa. Minbarra li nkomplu nkopru t-territorju minn dar għal dar, aħna ġejna inkuraġġiti biex immorru fejn insibu lin-nies u nkunu “dejjem lesti” biex niddefendu t-tama tagħna. (1 Pt. 3:15) Dan ifisser li nħabirku biex nippridkaw lil sħabna tax-xogħol, lil sħabna taʼ l-iskola, lin-nies fit-toroq u fil-ġonna, jew fejn jipparkjaw, minn ħanut għal ħanut, u kulfejn nistgħu nsibu lin-nies. Billi għandna l-appoġġ taʼ Jehovah, l-isforzi tagħna jkollhom ħafna suċċess. Qed tieħu sehem int f’li tilħaq lin-nies kulfejn qegħdin?
4 Jalla individwalment nipprovaw kull mod possibbli meta niġu biex nagħmlu l-isem taʼ Jehovah magħruf fit-territorju tagħna. Aħna nistgħu nsibu sodisfazzjon kbir f’li nwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħna, filwaqt li nħallu lil Jehovah jiġbed lejh lil uħud taʼ qalb sinċiera.—Ġw. 6:44.