LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 4/1 pp. 17-22
  • Min Jiġġieled Kontra Alla M’Huwiex Se Jirnexxi!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Jiġġieled Kontra Alla M’Huwiex Se Jirnexxi!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Qaddejja taʼ Jehovah taħt Attakk
  • Jitkompla x-​Xogħol taʼ l-​Ippridkar
  • Huma Jfittxu Skuża
  • Persegwitati imma ma Jagħmlux Kompromess
  • L-​Ebda Arma Mfassla Kontrina ma se Tirnexxi
  • Kun Kuraġġuż bħal Ġeremija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • “Ma Nistax Noqgħod Sieket”
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Int lil Min Tobdi —Lil Alla Jew lill-Bnedmin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Miexi ’l Quddiem Lejn ir-Rebħa Finali!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 4/1 pp. 17-22

Min Jiġġieled Kontra Alla M’Huwiex Se Jirnexxi!

“Huma se jkunu ċerti li jiġġieldu kontra tiegħek, imma m’humiex se jirnexxu kontra tiegħek.”​—ĠEREMIJA 1:​19, NW.

1. Ġeremija liema inkarigu rċieva, u kemm dam sejjer ix-​xogħol tiegħu?

Jehovah inkariga liż-​żagħżugħ Ġeremija biex ikun profeta għall-​ġnus. (Ġeremija 1:5) Dan seħħ matul ir-​renju taʼ Ġosija, Sultan twajjeb taʼ Ġuda. Il-​ministeru profetiku taʼ Ġeremija kompla matul il-​perijodu taʼ taqlib kbir qabel ma Babilonja kkonkwistat lil Ġerusalemm u wara li l-​poplu t’Alla ttieħed fl-​eżilju.​—Ġeremija 1:​1-3.

2. Jehovah kif saħħu lil Ġeremija, u min kien jiħodha kontra dan il-​profeta fil-​fatt x’kien ikun qed jagħmel?

2 Il-messaġġi taʼ ġudizzju li Ġeremija kellu jiddikjara żgur li kienu se jqanqlu l-​oppożizzjoni. Għalhekk, Jehovah saħħu għal dak li kien ġej. (Ġeremija 1:​8-10) Per eżempju, il-​profeta ġie msaħħaħ bil-​kliem: “U huma se jkunu ċerti li jiġġieldu kontra tiegħek, imma m’humiex se jirnexxu kontra tiegħek, għax ‘Jien miegħek,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah, ‘biex neħilsek.’” (Ġeremija 1:​19, NW) Min jiħodha kontra Ġeremija fil-​fatt kien ikun qed jiħodha kontra Alla. Illum, Jehovah għandu grupp taʼ qaddejja li qed jaqdu bħala profeta tiegħu, li xogħolhom huwa simili għal dak taʼ Ġeremija. Bħalu, huma jiddikjaraw bi qlubija l-​kelma profetika t’Alla. U dan il-​messaġġ jeffettwa lill-​individwi u lill-​ġnus kollha, jew għat-​tajjeb jew għall-​ħażin, skond kif iwieġbu għalih. Bħal fi żmien Ġeremija, hemm dawk li jiħduha kontra Alla billi jopponu lill-​qaddejja tiegħu u l-​attivitajiet tagħhom assenjati lilhom minn Alla.

Il-​Qaddejja taʼ Jehovah taħt Attakk

3. Il-​qaddejja taʼ Jehovah għala kienu u għadhom taħt attakk?

3 Il-poplu taʼ Jehovah ilu taħt attakk mill-​bidu tas-​seklu 20. F’ħafna pajjiżi, bnedmin mill-​agħar ipprovaw ifixklu—iva, isikktu—l-​ipproklamar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Dawn ġew imxewxin mill-​Avversarju ewlieni tagħna, ix-​Xitan, li “qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.” (1 Pietru 5:8) Wara li spiċċa “żmien il-​ġnus” fl-​1914, Alla ħatar lil Ibnu bħala s-​Sultan il-​ġdid taʼ l-​art, billi tah il-​kmand: “Aħkem f’nofs l-​għedewwa tiegħek.” (Luqa 21:24; Salm 110:2) Kristu uża l-​qawwa li ngħatatlu billi keċċa lil Satana mis-​sema u llimitah għall-​viċinanzi taʼ l-​art. Billi jaf li ż-​żmien li għandu huwa qasir, ix-​Xitan jisfoga l-​korla tiegħu fuq il-​Kristjani midlukin u sħabhom. (Apokalissi 12:​9, 17) X’kienu r-​riżultati taʼ l-​attakki ripetuti taʼ dawn il-​ġellieda kontra Alla?

4. In-​nies taʼ Jehovah liema provi esperjenzaw matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, imma x’ġara fl-​1919 u l-​1922?

4 Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, il-​qaddejja midlukin taʼ Jehovah ffaċċjaw ħafna provi li ttestjawlhom il-​fidi. Ġew imwaqqgħin għaċ-​ċajt u kalunnjati, kellhom jaħarbu minħabba l-​marmalji, u kienu suġġettati għas-​swat. Bħalma kien bassar Ġesù, ‘il-​ġnus kollha saru jobogħduhom.’ (Mattew 24:9) F’nofs l-​isteriżmu tal-​gwerra, l-​għedewwa tas-​Saltna t’Alla wżaw tattika li kienet intużat kontra Ġesù Kristu. Huma ttimbraw b’mod falz lin-​nies taʼ Jehovah bħala poplu xewwiexi, u attakkaw l-​organizzazzjoni viżibbli t’Alla preċiż fil-​qalba tagħha. F’Mejju taʼ l-​1918 inħarġu mandati federali għall-​arrest taʼ J. F. Rutherford, il-​president tal-​Watch Tower Society, u sebgħa mill-​imseħbin l-​iktar qrib tiegħu. Dawn it-​tmint irġiel ngħataw sentenzi ibsin u ntbagħtu lejn il-​ħabs federali f’Atlanta, Georgia, fl-​Istati Uniti taʼ l-​Amerka. Disaʼ xhur wara nħelsu. F’Mejju taʼ l-​1919, il-​qorti taʼ l-​appell tad-​distrett qatgħetha li l-​akkużati ma kellhomx ġuri imparzjali, u għalhekk, is-​sentenza ġiet annullata. Il-​każ ġie rimandat u kellu jinstemaʼ mill-​ġdid, imma iktar tard il-​gvern irtira l-​prosekuzzjoni, u b’hekk Ħuna Rutherford u sħabu nħelsu minn kull ħtija. Huma reġgħu bdew bl-​attivitajiet tagħhom, u l-​konvenzjonijiet li saru f’Cedar Point, Ohio, fl-​1919 u fl-​1922 reġgħu taw spinta lix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna.

5. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah minn xiex għaddew fil-​Ġermanja Nazista?

5 Fis-snin 30 tfaċċaw id-​dittatorjati, u l-​Ġermanja, l-​Italja, u l-​Ġappun ngħaqdu flimkien biex jifformaw il-​potenzi taʼ l-​Assi. Kmieni f’dawk is-​snin, qamet persekuzzjoni ħarxa kontra n-​nies t’Alla, partikolarment fil-​Ġermanja Nazista. Ġew imposti l-​projbizzjonijiet. Kienu jsiru tfittxijiet fid-​djar, u min kien joqgħod fihom kien jiġi arrestat. Eluf ġew mitfugħin f’kampijiet tal-​konċentrament għaliex irrifjutaw li jiċħdu l-​fidi tagħhom. Il-​ġlieda kontra Alla u kontra l-​poplu tiegħu kienet immirata biex teqred għalkollox lix-​Xhieda taʼ Jehovah f’dak id-​dominju totalitarju.a Meta x-​Xhieda telgħu l-​qorti fil-​Ġermanja biex jiġġieldu għad-​drittijiet tagħhom, il-​Ministru tal-​Ġustizzja tar-​Reich ħejja stqarrija formali fit-​tul biex jiżgura li dawn ma jirnexxilhomx. Din kienet tgħid: “Il-​qrati m’għandhomx ifallu minħabba t-​taparsi formalitajiet legali; imma jridu jfittxu u jsibu modi, minkejja d-​diffikultajiet formali, biex iwettqu d-​dmirijiet nobbli tagħhom.” Dan kien ifisser li ma setgħetx issir ġustizzja. In-​Nazi sostnew li l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah kienu taʼ ħsara, jew ostili, u li ‘kienu jfixklu l-​kostruzzjoni Nazzjonali Soċjalistika.’

6. Liema sforzi saru biex iwaqqfu x-​xogħol tagħna matul it-​Tieni Gwerra Dinjija u wara?

6 Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, ġew imposti projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq in-​nies t’Alla fl-​Awstralja, fil-​Kanada, u f’pajjiżi oħrajn li kienu parti mill-​British Commonwealth​—fl-​Afrika, fl-​Asja, u fi gżejjer tal-​Karibew u tal-​Paċifiku. Fl-​Istati Uniti, għedewwa influwenti u nies informati ħażin bdew “jagħmlu l-​qerq taħt il-​libsa tal-​liġi.” (Salm 94:20) Iżda, kwistjonijiet dwar it-​tislim lill-​bandiera u liġijiet tal-​komunità li pprojbew l-​ippridkar minn dar għal dar ġew miġġildin fil-​qrati, u d-​deċiżjonijiet favorevoli tal-​qrati fl-​Istati Uniti bnew sur t’appoġġ għal-​libertà tal-​qima. Grazzi lil Jehovah, l-​isforzi taʼ l-​għadu ma rnexxewx. Meta spiċċat il-​gwerra fl-​Ewropa, tneħħew il-​projbizzjonijiet. L-​eluf taʼ Xhieda li kienu priġunieri f’kampijiet tal-​konċentrament inħelsu, imma l-​ġlieda kienet għadha ma spiċċatx. Immedjatament wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, bdiet il-​Gwerra Bierda. Il-​pajjiżi taʼ l-​Ewropa tal-​Lvant ġabu iktar pressjoni fuq in-​nies taʼ Jehovah. Ittieħdet azzjoni uffiċjali biex jiġu mfixklin u mwaqqfin l-​attivitajiet tagħna taʼ għoti taʼ xiehda, biex ma tiġix imqassma letteratura Biblika, u biex l-​assembleat pubbliċi tagħna jiġu projbiti. Ħafna ġew mitfugħin il-​ħabs jew intbagħtu f’kampijiet taʼ xogħol iebes.

Jitkompla x-​Xogħol taʼ l-​Ippridkar

7. Fi snin reċenti, ix-​Xhieda taʼ Jehovah liema ħaġa esperjenzaw fil-​Polonja, fir-​Russja, u f’pajjiżi oħrajn?

7 Hekk kif għadda ż-​żmien, bdiet tingħata iktar libertà biex isir ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna. Il-​Polonja, għalkemm kienet għadha taħt ħakma Komunista, ippermettiet li jsiru konvenzjonijiet taʼ ġurnata fl-​1982. Fl-​1985, saru konvenzjonijiet internazzjonali hemmhekk. Wara dan, fl-​1989 saru wkoll konvenzjonijiet internazzjonali enormi, li għalihom attendew eluf mir-​Russja u l-​Ukrajna. F’dik is-​sena, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew rikonoxxuti legalment fl-​Ungerija u fil-​Polonja. Fil-​ħarifa taʼ l-​1989 waqaʼ l-​Ħajt taʼ Berlin. Ftit xhur wara ġejna rikonoxxuti legalment fil-​Ġermanja tal-​Lvant, u ftit wara dan saret konvenzjoni internazzjonali f’Berlin. U fil-​bidu taʼ l-​aħħar għaxar snin tas-​seklu 20, kienu qegħdin isiru sforzi biex l-​aħwa fir-​Russja jiġu kuntattjati personalment. Ġew avviċinati xi wħud mill-​uffiċjali f’Moska, u fl-​1991, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu fost l-​ewwel li ġew reġistrati legalment. Minn dak iż-​żmien ’l hawn ix-​xogħol kiber tremendament fir-​Russja, kif ukoll fir-​repubbliki li kienu parti minn dik li qabel kienet l-​Unjoni Sovjetika.

8. X’ġara mill-​poplu taʼ Jehovah fil-​45 sena taʼ wara tmiem it-​Tieni Gwerra Dinjija?

8 Waqt li f’xi nħawi l-​persekuzzjoni waqfet, fi nħawi oħrajn din bdiet tiżdied. Fil-​45 sena taʼ wara tmiem it-​tieni gwerra dinjija, ħafna pajjiżi ma ridux jirrikonoxxu legalment lix-​Xhieda taʼ Jehovah. Iżjed minn hekk, ġew imposti projbizzjonijiet fuqna jew fuq l-​attivitajiet tagħna fi 23 pajjiż fl-​Afrika, 9 fl-​Asja, 8 fl-​Ewropa, 3 fl-​Amerka Latina, u 4 f’ċerti gżejjer indipendenti.

9. Il-​qaddejja taʼ Jehovah minn xiex għaddew fil-​Malawi?

9 Ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-​Malawi ġarrbu persekuzzjoni kiefra li bdiet fl-​1967. Minħabba l-​waqfa newtrali tagħhom bħala Kristjani veri, ħutna f’dan il-​pajjiż irrifjutaw li jixtru karti taʼ l-​identità taʼ xi partit politiku. (Ġwann 17:16) Wara laqgħa tal-​Partit tal-​Kungress tal-​Malawi li saret fl-​1972, reġgħet qamet mewġa oħra taʼ brutalità. L-​aħwa tkeċċew minn djarhom u ma setgħux isibu min iħaddimhom. Eluf ħarbu mill-​pajjiż biex ma jinqatlux. Imma rnexxew dawk li ħaduha kontra Alla u kontra l-​poplu tiegħu? Assolutament li le! Wara li nqalbet il-​folja, fl-​1999 kien hemm quċċata taʼ 43,767 pubblikatur tas-​Saltna li rrapportaw fil-​Malawi, u ’l fuq minn 120,000 attendew il-​konvenzjonijiet distrettwali li saru hemmhekk. U fil-​belt kapitali nbena uffiċċju tal-​fergħa ġdid.

Huma Jfittxu Skuża

10. Bħal fil-​każ taʼ Danjel, x’għamlu dawk li jopponu lill-​poplu t’Alla fi żmienna?

10 L-apostati, il-​membri tal-​kleru, u oħrajn ma jittollerawhx il-​messaġġ tagħna mill-​Kelma t’Alla. L-​avversarji, minħabba li jkunu taħt pressjoni minn membri reliġjużi tal-​Kristjaneżmu, ifittxu mod hekk imsejjaħ legali biex jiġġustifikaw il-​ġlieda tagħhom kontrina. Liema tattiċi jintużaw xi drabi? Sewwa, dawk li kkonfoffaw kontra Danjel x’għamlu biex jattakkawh? F’Danjel 6: 5, 6 [6:​4, 5, NW], insibu: “Għalhekk il-​prefetti u s-​satrapi bdew ifittxu xi skuża ħalli Danjel jinstab ħati taʼ xi nuqqas kontra s-​saltna; iżda ebda skuża, jew ħtija, ma setgħu jsibu fih. Danjel kien raġel sewwa, bla ebda nuqqas jew ħtija. Mbagħad dawn l-​irġiel qalu: ‘Ebda skuża m’aħna se nsibu kontra dan Danjel jekk ma nsibulux waħda li għandha x’taqsam mal-​liġi taʼ Alla tiegħu.’” Bl-​istess mod illum, l-​avversarji jipprovaw ifittxu xi skuża. Huma jqajmu plejtu sħiħ dwar il-​“kulti perikolużi” u lix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovaw iwaħħlulhom din it-​tikketta. Huma jgħawġu l-​fatti, u jużaw l-​insinwazzjonijiet u l-​gideb biex jattakkaw il-​qima tagħna u l-​fatt li aħna nżommu maʼ prinċipji divini.

11. Liema stqarrijiet foloz saru minn xi avversarji tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

11 F’xi pajjiżi, l-​elementi reliġjużi u politiċi ma jridux jirrikonoxxu li aħna nipprattikaw il-​qima ‘safja u bla tebgħa quddiem Alla.’ (Ġakbu 1:27) Għalkemm l-​attivitajiet Kristjani tagħna qed jitwettqu f’234 pajjiż, l-​avversarji jsostnu li m’aħniex “reliġjon rikonoxxuta.” Ftit qabel ma saret konvenzjoni internazzjonali fl-​1998, gazzetta f’Ateni kkwotat dak li qal il-​kleru Grieg Ortodoss, li sostna li “[ix-Xhieda taʼ Jehovah] m’humiex ‘reliġjon rikonoxxuta,’” minkejja d-​deċiżjoni kuntrarja tal-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem. Ftit jiem wara, gazzetta oħra fl-​istess belt irrapportat li kelliemi għall-​knisja qal: “[Ix-Xhieda taʼ Jehovah] ma jistgħux ikunu ‘kongregazzjoni Kristjana,’ ladarba m’għandhom xejn komuni mal-​fidi Kristjana fil-​persuna taʼ Ġesù Kristu.” Din hija verament xi ħaġa taʼ l-​iskantament, għax ebda grupp reliġjuż ieħor ma jpoġġi enfasi fuq li wieħed jimita lil Ġesù daqs kemm ipoġġu x-​Xhieda taʼ Jehovah!

12. X’jeħtieġ li nagħmlu fil-​gwerra spiritwali tagħna?

12 Aħna nagħmlu ħilitna biex niddefendu u nistabbilixxu l-​aħbar tajba b’mezzi legali. (Filippin 1:​7, NW) Iktar minn hekk, aħna mhux se nikkompromettu jew indgħajfu l-​lealtà tagħna lejn il-​livelli taʼ tjieba t’Alla. (Titu 2:​10, 12) Bħal Ġeremija, aħna ‘nħażżmu ġenbejna u ngħidu kulma jordnalna’ Jehovah, u ma nħallux lil dawk li jiħduha kontra Alla jwerwruna b’xi mod. (Ġeremija 1:​17, 18) Il-​Kelma Mqaddsa taʼ Jehovah turina b’mod ċar liema hi l-​korsa xierqa li għandna nieħdu. Qatt m’għandna nkunu rridu nistrieħu fuq “id-​driegħ tal-​laħam,” li hu dgħajjef, jew infittxu “l-​kenn taħt dell l-​Eġittu,” jiġifieri, din id-​dinja. (2 Kronaki 32:8; Isaija 30:3; 31:​1-3) Fil-​gwerra spiritwali tagħna rridu nkomplu nittamaw f’Jehovah b’qalbna kollha, inħallu lilu jidderieġi l-​passi tagħna, u ma nistriħux fuq il-​fehma tagħna. (Proverbji 3:​5-7) Jekk ma jkollniex l-​appoġġ taʼ Jehovah u hu nnifsu ma jħarisniex, ix-​xogħol kollu tagħna se jkun “għalxejn.”​—Salm 127:1.

Persegwitati imma ma Jagħmlux Kompromess

13. Għala jistaʼ jingħad li l-​attakk sataniku li sar fuq Ġesù falla?

13 L-aqwa eżempju taʼ xi ħadd li ma għamel l-​ebda kompromess fid-​devozzjoni tiegħu lejn Jehovah hu Ġesù, li ġie mixli bl-​akkuża falza li kien qajjem rewwixta u li fixkel l-​ordni stabbilit. Wara li eżamina l-​każ taʼ Ġesù, Pilatu kien lest li jeħilsu. Imma l-​folla, imxewxa mill-​mexxejja reliġjużi, bdiet tgħajjat biex Ġesù jiġi msammar maʼ zokk, għalkemm kien innoċenti. Minfloku, talbu li jinħeles Barabba—bniedem li kien il-​ħabs minħabba li kien instab ħati li kien qajjem rewwixta u kkommetta qtil! Pilatu għal darb’oħra pprova jbiddel il-​fehma taʼ l-​avversarji inġusti, imma hu fl-​aħħar ċeda għall-​għajat tal-​pubbliku. (Luqa 23:​2, 5, 14, 18-​25) Għalkemm Ġesù miet fuq zokk, dan l-​attakk sataniku orribbli fuq l-​Iben innoċenti t’Alla falla għalkollox, għax Jehovah rxoxta lil Ġesù u eżaltah billi poġġieh fuq il-​leminija Tiegħu stess. U permezz taʼ Ġesù glorifikat, fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K. ġie msawwab l-​ispirtu qaddis, u b’hekk ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana​—“il-​ħolqien ġdid.”​—2 Korintin 5:17; Atti 2:​1-4.

14. X’irriżulta meta l-​element reliġjuż Lhudi aġixxa kontra s-​segwaċi taʼ Ġesù?

14 Ftit taż-​żmien wara dan, l-​appostli ġew mheddin mill-​element reliġjuż, imma dawk is-​segwaċi taʼ Kristu ma waqfux jitkellmu dwar l-​affarijiet li kienu raw u semgħu. Id-​dixxipli taʼ Ġesù talbu: “Issa mela, Mulej, ħares lejn it-​tehdid tagħhom, u agħmel li l-​qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-​kuraġġ kollu.” (Atti 4:29) Jehovah wieġeb għat-​tħannin tagħhom billi mliehom bl-​ispirtu qaddis u saħħaħhom biex ikomplu jipproklamaw bla biżaʼ. F’qasir żmien l-​appostli reġgħu ġew ordnati biex jieqfu jippridkaw, imma Pietru u l-​appostli l-​oħra wieġbu: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.” (Atti 5:29) It-​theddid, l-​arresti, u s-​swat bil-​frosta ma setgħux iwaqqfuhom milli jespandu l-​attività tagħhom f’konnessjoni mas-​Saltna.

15. Min kien Gamaljel, u liema parir ta lill-​avversarji reliġjużi tas-​segwaċi taʼ Ġesù?

15 Il-ħakkiema reliġjużi kif irreaġixxew? “Saħnu ħafna u waħħluha f’rashom li joqtluhom [lill-appostli].” Madankollu, kien hemm preżenti wieħed għalliem tal-​Liġi jismu Gamaljel, li kien Fariżew, u dan kien stmat min-​nies kollha. Waqt li qal lill-​appostli biex joħorġu ’l barra mis-​sala tas-​Sinedriju għal ftit tal-​ħin, hu ta dan il-​parir lil dawk l-​avversarji reliġjużi: “Rġiel taʼ Iżrael, iftħu għajnejkom x’sejrin tagħmlu lil dawn in-​nies. . . . Ngħidilkom: ħallukom minn dawn in-​nies u itilquhom. Għax dan il-​ħsieb jew ħidma tagħhom, jekk hi ġejja mill-​bnedmin, għad tisfaʼ fix-​xejn; iżda jekk hi ġejja minn Alla, ma jseħħilkomx teqirduhom. Araw li ma ssibux ruħkom li qegħdin teħduha kontra Alla!”—Atti 5:​33-39.

L-​Ebda Arma Mfassla Kontrina ma se Tirnexxi

16. Int kif tesprimi fi kliemek l-​assiguranza li Jehovah jagħti lill-​poplu tiegħu?

16 Il-parir taʼ Gamaljel kien għaqli, u aħna napprezzaw il-​fatt li xi wħud jaqbżu għalina. Aħna nirrikonoxxu wkoll li l-​libertà tal-​qima ġiet appoġġata meta saru deċiżjonijiet fil-​qrati minn imħallfin ġusti. M’għandniex xi ngħidu, il-​fatt li aħna nżommu mal-​Kelma t’Alla ma jinżlilhomx tajjeb lill-​kleru tal-​Kristjaneżmu u lil mexxejja reliġjużi oħrajn taʼ Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 18:​1-3) Għalkemm dawn, flimkien maʼ dawk li jiġu influwenzati minnhom, jiħduha kontrina, aħna għandna din l-​assiguranza: “L-​ebda arma msawra kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jiġġieled miegħek fil-​ħaqq toħorġu tellief. Dan hu wirt il-​qaddejja tal-​Mulej, u r-​rebħ li ħaqqhom mingħandi, qal il-​Mulej.”—Isaija 54:​17, Saydon.

17. Għalkemm l-​avversarji jiġġieldu kontrina, aħna għala nuru kuraġġ?

17 L-għedewwa tagħna jiġġieldu kontrina għal xejn b’xejn, imma aħna ma naqtgħux qalbna. (Salm 109:​1-3) Bl-​ebda mod m’aħna se nħallu lil dawk li jobogħdu l-​messaġġ Bibliku tagħna jintimidawna sal-​punt li nikkompromettu l-​fidi tagħna. Għalkemm aħna nistennew li l-​ġlieda spiritwali tagħna se tkompli tiħrax, ir-​riżultat nafuh. Bħal Ġeremija, aħna se nesperjenzaw it-​twettiq tal-​kliem profetiku: “Huma se jkunu ċerti li jiġġieldu kontra tiegħek, imma m’humiex se jirnexxu kontra tiegħek, għax ‘Jien miegħek,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah, ‘biex neħilsek.’” (Ġeremija 1:​19, NW) Iva, aħna nafu li min jiġġieled kontra Alla m’huwiex se jirnexxi!

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Leali u Kuraġġużi Minkejja l-​Oppressjoni Nazista,” paġni 24-8.

Int kif Twieġeb?

• Il-​qaddejja taʼ Jehovah għala kienu u għadhom taħt attakk?

• L-​avversarji b’liema modi ġġieldu kontra l-​poplu taʼ Jehovah?

• Għala nistgħu nkunu żguri li dawk li jiħduha kontra Alla m’humiex se jirnexxu?

[Stampa f’paġna 17]

Ġeremija ġie żgurat li Jehovah kien se jkun miegħu

[Stampa f’paġna 18]

Uħud li baqgħu ħajjin wara li kienu f’kampijiet tal-​konċentrament

[Stampa f’paġna 18]

Vjolenza tal-​marmalja kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 18]

J. F. Rutherford u sħabu

[Stampa f’paġna 21]

Fil-​każ taʼ Ġesù, dawk li ħaduha kontra Alla ma rnexxewx

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja