LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 7/15 pp. 15-20
  • Agħfas ’il Quddiem fix-Xogħol tal-Ħsad!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħfas ’il Quddiem fix-Xogħol tal-Ħsad!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Isiru Jobogħdukom’
  • Messaġġ li Jsalva l-​Ħajjiet
  • Persegwitati imma Ferħanin
  • Ipperseveraw fix-​Xogħol tal-​Ħsad
  • Kunu Ferħanin fix-Xogħol tal-Ħsad!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • L-Għelieqi Huma Bojod għall-Ħsad
    Il-Ministeru tas-Saltna—2010
  • Riżultati tal-ippritkar—‘L-għelieqi huma bojod għall-ħsad’
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Ħu Sehem bis-Sħiħ fil-Ħsad Spiritwali Kbir
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 7/15 pp. 15-20

Agħfas ’il Quddiem fix-​Xogħol tal-​Ħsad!

“Dawk li jiżirgħu fid-​dmugħ jaħsdu bl-​għana taʼ ferħ.”—SALM 126:5.

1. Għala għandna ‘nitolbu lil Sid il-​ħsad biex jibgħat ħaddiema’ fi żmienna?

WARA li għamel it-​tielet vjaġġ taʼ ppridkar fil-​Galilija, Ġesù Kristu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Il-​ħsad huwa kbir, iżda l-​ħaddiema ftit.” (Mattew 9:37) L-​istess sitwazzjoni eżistiet fil-​Lhudija. (Luqa 10:2) Xi ngħidu għal-​lum, ladarba dan ġara kważi 2,000 sena ilu? Sewwa, matul l-​aħħar sena taʼ servizz, ’il fuq minn 6,000,000 Xhud taʼ Jehovah komplew jistinkaw fix-​xogħol tal-​ħsad figurattiv fost il-​popolazzjoni dinjija taʼ 6,000,000,000 ruħ. Ħafna minn dawn huma “mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” Għalhekk, dak li ħeġġiġna biex nagħmlu Ġesù, li ‘nitolbu lil Sid il-​ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-​ħsad tiegħu,’ għadu jgħodd għal żmienna bħalma kien jgħodd sekli ilu.—Mattew 9:​36, 38.

2. X’inhu li jiġbed l-​attenzjoni tan-​nies fuqna?

2 Alla Jehovah, is-​Sid tal-​ħsad, wieġeb it-​talba biex jibgħat iktar ħaddiema. U x’ferħ li tieħu sehem f’dan ix-​xogħol tal-​ħsad immexxi minn Alla! Għalkemm ħdejn il-​ġnus aħna ftit fin-​numru, is-​sehem żeluż tagħna fl-​attività taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna u fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli jiġbed l-​attenzjoni tad-​dinja fuqna. F’ħafna pajjiżi, taʼ spiss nissemmew fuq il-​mezzi tax-​xandir. Meta f’xi film fuq it-​televixin tinstemaʼ l-​qanpiena tal-​bieb taʼ barra, faċli tismaʼ l-​kumment li ġew ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Iva, l-​attività Kristjana tagħna bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad figurattiv hi magħrufa sew f’dan is-​seklu 21.

3. (a) Kif nafu li l-​attività taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna li saret fl-​ewwel seklu ġiet notata? (b) Għala nistgħu ngħidu li għandna l-​appoġġ taʼ l-​anġli fil-​ministeru tagħna?

3 Id-​dinja wkoll innotat l-​attività taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna li kienet issir fl-​ewwel seklu u ppersegwitat lill-​proklamaturi taʼ l-​aħbar tajba. B’hekk, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Jien naħseb li lilna l-​appostli Alla xeħitna għall-​aħħar wara kulħadd bħallikieku telaqna għall-​mewt; għax sirna spettaklu għad-​dinja, għall-​anġli u għall-​bnedmin.” (1 Korintin 4:9) Bl-​istess mod, il-​perseveranza tagħna bħala proklamaturi tas-​Saltna minkejja l-​persekuzzjoni tiġbed l-​attenzjoni tad-​dinja fuqna u hija importanti għall-​anġli. Apokalissi 14:6 jgħid: “[Jien, l-​appostlu Ġwanni] rajt anġlu ieħor jittajjar fl-​għoli tas-​sema, bl-​Evanġelju taʼ dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-​art, lil kull ġens, tribù, lsien u poplu.” Iva, aħna għandna l-​appoġġ taʼ l-​anġli fil-​ministeru tagħna—fix-​xogħol tagħna tal-​ħsad!—Lhud 1:​13, 14.

‘Isiru Jobogħdukom’

4, 5. (a) Ġesù liema twissija tahom lid-​dixxipli tiegħu? (b) Il-​qaddejja t’Alla taʼ llum għala ‘huma mibgħudin’?

4 Meta l-​appostli taʼ Ġesù ntbagħtu bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad, huma taw kas it-​twissija li tahom biex ikunu “għaqlin bħas-​sriep u safjin bħall-​ħamiem.” Ġesù żied: “Oqogħdu attenti mill-​bnedmin! Għax għad jerħukom f’idejn il-​qrati, jagħtukom is-​swat fis-​sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-​pagani. . . . U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.”—Mattew 10:​16-22.

5 Illum ‘isiru jobogħduna’ għaliex “id-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin,” Satana x-​Xitan, l-​għadu ewlieni t’Alla u tal-​poplu Tiegħu. (1 Ġwann 5:19) L-​għedewwa josservaw l-​għana spiritwali tagħna imma ma jagħtux il-​kredtu lil Jehovah. Dawk li jopponuna jaraw it-​tbissima fuq xofftejna hekk kif nieħdu sehem ferħanin fix-​xogħol tal-​ħsad. Huma jibqgħu mgħaġġbin bl-​unità tagħna! Fil-​fatt, meta jmorru f’xi pajjiż ieħor, kontra qalbhom ikollhom jirrikonoxxu li x-​Xhieda taʼ Jehovah qed jagħmlu eżatt l-​istess xogħol li qed isir f’pajjiżhom. M’għandniex xi ngħidu, nafu li fiż-​żmien tiegħu, Jehovah, l-​appoġġ u s-​sors taʼ l-​unità tagħna, se jkun magħruf anki fost l-​għedewwa tagħna.—Eżekjel 38:​10-12, 23.

6. Liema ċertezza għandna hekk kif nieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ħsad, imma liema mistoqsija tqum?

6 Sid il-​ħsad ta lil Ibnu, Ġesù Kristu, “kull setgħa fis-​sema u fl-​art.” (Mattew 28:18) B’hekk, Jehovah juża lil Ġesù biex jidderieġi x-​xogħol tal-​ħsad permezz taʼ l-​anġli tas-​sema u “l-​ilsir leali u diskret” midluk tiegħu hawnhekk fuq l-​art. (Mattew 24:​45-​47, NW; Apokalissi 14:​6, 7) Imma kif nistgħu nkampaw maʼ l-​oppożizzjoni taʼ l-​għadu u fl-​istess ħin nibqgħu ferħanin hekk kif inkomplu nagħfsu ’l quddiem fix-​xogħol tal-​ħsad?

7. Liema attitudni għandna nfittxu li jkollna meta jopponuna jew jippersegwitawna?

7 Meta nħabbtu wiċċna maʼ xi oppożizzjoni jew saħansitra persekuzzjoni diretta, ejja nfittxu l-​għajnuna t’Alla biex b’hekk inżommu l-​istess attitudni bħal dik taʼ Pawlu. Hu kiteb: “Iżebilħuna, u nbierku; jaħqruna, u nistabru; jgħidu fuqna, u nwieġbu bil-​ħlewwa.” (1 Korintin 4:​12, 13) Dan l-​ispirtu, flimkien mat-​tattika li nużaw fil-​ministeru pubbliku, xi kultant ibiddel l-​attitudni taʼ dawk li jopponuna.

8. Liema assiguranza tieħu mill-​kliem taʼ Ġesù kif imniżżel f’Mattew 10:28?

8 Lanqas it-​theddida tal-​mewt ma tberrdilna l-​ħeġġa bħala ħaddiema fix-​xogħol tal-​ħsad. Aħna nxandru l-​messaġġ tas-​Saltna bla biżaʼ u bil-​miftuħ kemm jistaʼ jkun. U mill-​kliem taʼ Ġesù nieħdu din l-​assiguranza inkuraġġanti: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-​ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-​ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jistaʼ jeqred kemm ir-​ruħ u kemm il-​ġisem [“f’Geħenna,” NW].” (Mattew 10:28) Aħna nafu li Missierna tas-​sema hu d-​Donatur tal-​ħajja. Hu jippremja lil dawk li jżommu l-​integrità tagħhom lejh u jagħfsu ’l quddiem lealment fix-​xogħol tal-​ħsad.

Messaġġ li Jsalva l-​Ħajjiet

9. Xi wħud kif wieġbu għall-​kliem t’Eżekjel, u dan kif jitqabbel maʼ dak li qed jiġri llum?

9 Meta l-​profeta Eżekjel iddikjara bi qlubija l-​messaġġi taʼ Jehovah lil “ġens taʼ nies rashom iebsa”—is-​saltniet taʼ Iżrael u Ġuda—xi individwi ħadu gost jisimgħu x’kellu xi jgħid. (Eżekjel 2:3) Jehovah qal: “Int bħal għannej l-​imħabba għalihom, b’vuċi ħelwa u daqq jagħtik pjaċir.” (Eżekjel 33:32) Madankollu, għalkemm kliem Eżekjel kien jogħġobhom, huma m’aġixxewx fuq dak li qalilhom. X’qed jiġri llum? Meta l-​fdal midlukin u sħabhom jiddikjaraw b’kuraġġ il-​messaġġi taʼ Jehovah, xi wħud jieħdu pjaċir jisimgħu dwar il-​barkiet tas-​Saltna, imma la juru apprezzament, la jsiru dixxipli, u lanqas jissieħbu fix-​xogħol tal-​ħsad.

10, 11. Fl-ewwel nofs tas-​seklu 20, x’kien isir biex il-​messaġġ tagħna li jsalva l-​ħajjiet jintgħamel pubbliku, u b’liema riżultati?

10 Mill-​banda l-​oħra, ħafna wieġbu b’mod pożittiv għax-​xogħol tal-​ħsad u ħadu sehem fix-​xandir tal-​messaġġi t’Alla. Per eżempju, matul serje taʼ konvenzjonijiet Kristjani li saru bejn l-​1922 u l-​1928, ġew imħabbrin b’mod ċar messaġġi taʼ ġudizzju kontra s-​sistema t’affarijiet mill-​agħar taʼ Satana. L-​istazzjonijiet tar-​radju xandru dawn id-​denunzji li kienu preżentati f’dawk l-​assembleat. Imbagħad, in-​nies t’Alla qassmu miljuni taʼ kopji stampati taʼ dawn id-​denunzji.

11 Fl-​aħħar tas-​snin 30 tas-​seklu l-​ieħor, sar possibbli li tingħata xiehda b’mod ieħor—permezz taʼ mixjiet taʼ informazzjoni. Għall-​ewwel, in-​nies taʼ Jehovah kienu jilbsu kartelluni li kienu jirreklamaw it-​taħditiet pubbliċi. Iktar tard, kienu jġorru kartelluni b’messaġġi bħal “Ir-​Reliġjon hija nasba u ingann” u “Aqdi lil Alla u lil Kristu s-​Sultan.” Meta kienu jgħaddu mit-​toroq, huma kienu jiġbdu l-​attenzjoni taʼ kulmin kien ikun għaddej. ‘Dan sewa ħafna biex ix-​Xhieda taʼ Jehovah jsiru ċ-​ċentru taʼ l-​attenzjoni pubblika u biex jimliehom bil-​kuraġġ,’ qal ħu li kien jieħu sehem regolarment f’dan ix-​xogħol fit-​toroq traffikużi taʼ Londra, fl-​Ingilterra.

12. Minbarra l-​messaġġi tal-​ġudizzju t’Alla, lejn xiex ġbidna l-​attenzjoni fil-​ministeru tagħna, u issa min ngħaqad flimkien biex jippriedka l-​aħbar tajba?

12 Hekk kif niddikjaraw il-​messaġġi tal-​ġudizzju t’Alla, aħna niġbdu l-​attenzjoni wkoll lejn l-​aspetti pożittivi li huma parti mill-​messaġġ tas-​Saltna. L-​ippridkar tagħna bi qlubija fix-​xena dinjija jgħinna nfittxu lil dawk li jixirqilhom. (Mattew 10:11) Il-​biċċa l-​kbira mill-​aħħar membri tal-​klassi midluka wieġbu għas-​sejħa qawwija li saret fil-​ħsad matul is-​snin 20 u 30. Imbagħad, fil-​konvenzjoni taʼ l-​1935, ħarġet l-​aħbar meraviljuża dwar futur mimli barkiet għal “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra” fuq art magħmula ġenna. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16) Dawn taw kas il-​messaġġi tal-​ġudizzju t’Alla u ngħaqdu mal-​midlukin biex jippridkaw l-​aħbar tajba li ssalva l-​ħajjiet.

13, 14. (a) Liema faraġ nistgħu nieħdu minn Salm 126:​5, 6? (b) X’se jiġri jekk inkomplu niżirgħu u nsaqqu?

13 Il-​kliem li nsibu f’Salm 126:​5, 6 huwa taʼ faraġ kbir għall-​ħaddiema t’Alla li qed jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ħsad, speċjalment għal dawk li jgħaddu minn persekuzzjoni. Naqraw: “Dawk li jiżirgħu fid-​dmugħ jaħsdu bl-​għana taʼ ferħ. Huma u sejrin, imorru jibku, iġorru ż-​żerriegħa għaż-​żrigħ. Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana taʼ ferħ, iġorru l-​qatet f’idejhom.” Il-​kliem tas-​salmista dwar iż-​żrigħ u l-​ħsad jagħti stampa taʼ kif Jehovah ħa ħsieb il-​membri tal-​fdal li reġgħu lura mill-​jasar f’Babilonja tal-​qedem u berikhom. Huma kienu ferħanin ħafna bil-​ħelsien tagħhom, imma setgħu bkew meta ġew biex jiżirgħu ż-​żerriegħa fl-​art imħarbta li damet ma tinħadem 70 sena, kemm damu eżiljati. Madankollu, dawk li komplew jiżirgħu u jibnu gawdew il-​frott tax-​xogħol tagħhom u ħarġu sodisfatti.

14 Min-​naħa tagħna nistgħu nxerrdu d-​dmugħ meta nkunu għaddejjin minn xi prova jew meta aħna jew sħabna fit-​twemmin insofru minħabba t-​tjieba. (1 Pietru 3:14) Għall-​bidu, ix-​xogħol tagħna tal-​ħsad għandu mnejn jidher kemxejn iebes għax ma jkollna xejn x’nuru għall-​isforzi tagħna fil-​ministeru. Imma jekk inkomplu niżirgħu u nsaqqu, Alla se jkabbar, u taʼ spiss iktar milli nistennew. (1 Korintin 3:6) Dan jintwera tajjeb mir-​riżultati li jkollna fit-​tqassim taʼ Bibbji u pubblikazzjonijiet Skritturali.

15. Agħti eżempju taʼ kemm huma siewja l-​pubblikazzjonijiet Kristjani fix-​xogħol tal-​ħsad.

15 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ wieħed raġel jismu Jim. Meta mietet ommu, maʼ l-​affarijiet tagħha sab kopja tal-​ktieb Life​—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? a Mimli interess hu qara l-​ktieb. F’diskussjoni li kellu maʼ Xhud li avviċinatu fit-​triq, Jim aċċetta li jerġgħu jżuruh, u dan wassal għal studju tal-​Bibbja. Jim għamel progress spiritwali mgħaġġel, iddedika lilu nnifsu lil Jehovah, u tgħammed. Hu qal lil membri oħra tal-​familja x’kien tgħallem, u b’hekk oħtu u ħuh saru wkoll Xhieda taʼ Jehovah. Iktar tard Jim kellu l-​privileġġ li jaqdi bħala volontier full-time ġewwa Betel f’Londra.

Persegwitati imma Ferħanin

16. (a) Għala kellna suċċess fix-​xogħol tal-​ħsad? (b) Ġesù liema twissija ta dwar l-​effett taʼ l-​aħbar tajba, imma b’liema attitudni għandna navviċinaw lin-​nies?

16 Għala kien hemm dan is-​suċċess fix-​xogħol tal-​ħsad? Għaliex il-​Kristjani midlukin u sħabhom taw kas l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù: “Dak li jien ngħidilkom fid-​dlam għiduh fid-​dawl, u dak li ngħidilkom f’widnejkom xandruh minn fuq il-​bjut.” (Mattew 10:27) Madankollu, nistgħu nistennew it-​tbatija għax Ġesù wissa: “L-​aħwa jwasslu lil xulxin għall-​mewt u l-​missier lil ibnu, u l-​ulied iqumu kontra l-​ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-​mewt.” Ġesù kompla jgħid: “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-​paċi fuq l-​art! Ġejt inġib mhux il-​paċi, imma s-​sejf.” (Mattew 10:​21, 34) Ġesù ma kellux l-​intenzjoni li jkisser il-​familji. Imma xi kultant l-​aħbar tajba kellha dan l-​effett. L-​istess jiġri fil-​każ tal-​qaddejja t’Alla llum. Meta nżuru l-​familji, ma tkunx l-​intenzjoni tagħna li ndaħħluhom f’xi ħaġa li tistaʼ toħloq firda. Ix-​xewqa tagħna hi li kulħadd iħaddan l-​aħbar tajba. Għalhekk, aħna nipprovaw navviċinaw lill-​membri kollha tal-​familja b’qalb tajba, b’mod simpatiku li jagħmel il-​messaġġ tagħna sabiħ għal dawk “disposti sewwa għall-​ħajja taʼ dejjem.”—Atti 13:​48, NW.

17. Dawk li jappoġġaw is-​sovranità t’Alla kif inhuma differenti minn oħrajn, u x’eżempju għandna taʼ dan?

17 Il-​messaġġ tas-​Saltna jagħmel lil dawk li jappoġġaw is-​sovranità t’Alla differenti minn oħrajn. Per eżempju, ikkunsidra kif fi żmien is-​Soċjaliżmu Nazzjonali fil-​Ġermanja, l-​adoraturi sħabna spikkaw bħala differenti billi ‘taw lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.’ (Luqa 20:25) B’kuntrast mal-​mexxejja reliġjużi u l-​Kristjani taʼ l-​isem imseħbin mal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu, il-​qaddejja taʼ Jehovah ħadu waqfa soda, u rrifjutaw li jmorru kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja. (Isaija 2:4; Mattew 4:​10; Ġwann 17:16) Il-​Professoressa Christine King, l-​awtriċi tal-​ktieb The Nazi State and the New Religions, osservat: “Il-​gvern [Nazista] kontra x-​Xhieda biss ma kellux suċċess, għax għalkemm qatel eluf, ix-​xogħol baqaʼ sejjer u f’Mejju taʼ l-​1945, il-​moviment tax-​Xhieda taʼ Jehovah kien għadu jeżisti, waqt li s-​Soċjaliżmu Nazzjonali le.”

18. Liema attitudni juru n-​nies taʼ Jehovah minkejja l-​persekuzzjoni?

18 L-​attitudni li juru x-​Xhieda taʼ Jehovah meta jħabbtu wiċċhom mal-​persekuzzjoni hija sinifikanti tabilħaqq. Waqt li l-​awtoritajiet sekulari jistgħu jibqgħu impressjonati bil-​fidi tagħna, huma jesprimu l-​istagħġib tagħhom għan-​nuqqas taʼ rieda ħażina jew mibegħda min-​naħa tagħna. Per eżempju, ix-​Xhieda li baqgħu ħajjin fl-​Olokawst taʼ spiss jesprimu l-​ferħ u l-​kuntentizza tagħhom hekk kif jiftakru f’dak li għaddew minnu. Huma jafu li Jehovah tahom qawwa iktar min-​normal. (2 Korintin 4:7) Dawk midlukin fostna għandhom iċ-​ċertezza li ‘għandhom isimhom miktub fis-​smewwiet.’ (Luqa 10:20) Is-​sabar tagħhom inissel tama li ma tiddiżappuntahomx, u l-​ħaddiema leali fix-​xogħol tal-​ħsad li għandhom il-​prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-​art għandhom konvinzjoni simili.—Rumani 5:​4, 5.

Ipperseveraw fix-​Xogħol tal-​Ħsad

19. Liema metodi effettivi ntużaw fil-​ministeru Kristjan?

19 Kemm Jehovah se jħallina ndumu naħdmu fix-​xogħol tal-​ħsad figurattiv għad irridu naraw. Sadattant, irridu nżommu f’moħħna li l-​ħaddiema tal-​ħsad għandhom metodi speċifiċi kif iwettqu xogħolhom. Bl-​istess mod, aħna nistgħu nibqgħu ċerti li meta nużaw b’mod leali l-​metodi taʼ ppridkar li diġà ġew provati u testjati se nkunu effettivi. Pawlu qal lil sħabu l-​Kristjani: “Bil-​qawwa kollha nitlobkom: ixbhu lili.” (1 Korintin 4:16) Meta Pawlu ltaqaʼ maʼ l-​anzjani tal-​kongregazzjoni t’Efesu f’Miletu, hu fakkarhom li hu ma kienx żamm lura milli jgħallimhom “fil-​beraħ [“pubblikament,” NW], u minn dar għal dar.” (Atti 20:​20, 21, KŻ) Is-​sieħeb taʼ Pawlu, Timotju, kien tgħallem x’kienu l-​metodi taʼ l-​appostlu, u għalhekk setaʼ jgħin lill-​Korintin isiru familjari magħhom. (1 Korintin 4:17) Alla bierek il-​metodi użati minn Pawlu biex jgħallem, saħansitra bħalma se jbierek il-​perseveranza tagħna fl-​ippridkar pubbliku taʼ l-​aħbar tajba minn dar għal dar, fiż-​żjajjar lura, fl-​istudji tal-​Bibbja fid-​djar, u kulfejn nistgħu nsibu n-​nies.—Atti 17:17.

20. Ġesù kif wera li kien hemm ħsad spiritwali kbir xi jsir, u dan kif wera li kien minnu f’dawn l-​aħħar snin?

20 Wara li ta xiehda lil mara Samaritana ħdejn Sikar fis-​sena 30 E.K., Ġesù tkellem dwar il-​ħsad spiritwali. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-​għelieqi bjadu għall-​ħsad! Ġa l-​ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-​frott għall-​ħajja taʼ dejjem, biex min jiżraʼ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad.” (Ġwann 4:​34-36) Forsi Ġesù kien diġà ra l-​effett li kienet ħalliet il-​laqgħa li kellu mal-​mara Samaritana, għax ħafna kienu qed jemmnu fih minħabba x-​xiehda tagħha. (Ġwann 4:39) F’dawn l-​aħħar snin, diversi pajjiżi neħħew ir-​restrizzjonijiet li kienu imponew fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah jew tawhom rikonoxximent legali, u b’hekk infetħu għelieqi ġodda għall-​ħsad. Ir-​riżultat taʼ dan hu li bħalissa għaddej ħsad spiritwali abbundanti. Fil-​fatt, madwar id-​dinja, qed ikollna barkiet kbar hekk kif inkomplu nieħdu sehem bil-​ferħ fil-​ħsad spiritwali.

21. Għala għandna raġun nagħfsu ’l quddiem bħala ħaddiema ferħanin fix-​xogħol tal-​ħsad?

21 Meta l-​uċuħ tar-​rabaʼ jkunu laħqu u waslu għall-​ħsad, il-​ħaddiema jridu jaġixxu b’urġenza. Iridu jaħdmu bla tnikkir. Illum, aħna rridu naħdmu iebes u b’sens t’urġenza għaliex qed ngħixu fiż-​“żmien taʼ l-​aħħar.” (Danjel 12:4) Iva, aħna nħabbtu wiċċna maʼ provi, imma l-​ħsad li qed isir t’adoraturi taʼ Jehovah huwa l-​akbar li qatt kien hawn. Għalhekk, dan hu żmien taʼ ferħ. (Isaija 9:2 [9:​3, NW]) Mela, bħala ħaddiema ferħanin ejja nagħfsu ’l quddiem fix-​xogħol tal-​ħsad!

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat u mqassam mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Int Kif Twieġeb?

• Sid il-​ħsad kif wieġeb għat-​talba għal iktar ħaddiema?

• Għalkemm ‘aħna mibgħudin,’ liema attitudni nżommu?

• Għala nibqgħu ferħanin avolja niġu persegwitati?

• Għala għandna nipperseveraw fix-​xogħol tal-​ħsad b’sens t’urġenza?

[Stampi f’paġna 16, 17]

Dawk li qed jieħdu sehem fil-​ħsad spiritwali għandhom l-​appoġġ taʼ l-​anġli

[Stampa f’paġna 18]

Il-​mixjiet taʼ informazzjoni ġibdu l-​attenzjoni taʼ ħafna wħud għall-​messaġġ tas-​Saltna

[Stampa f’paġna 18]

Aħna niżirgħu u nsaqqu, imma Alla hu li jkabbar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja