LEZZJONI 3
Adam u Eva m’obdewx lil Alla
Darba waħda, meta Eva kienet waħedha, kellimha serp. Dan qal: ‘Veru li Alla mhux se jħallikom tieklu mis-siġar kollha?’ Eva wieġbet: ‘Nistgħu nieklu mis-siġar kollha ħlief minn waħda. Jekk nieklu minn dik is-siġra aħna mmutu.’ Is-serp qalilha: ‘Żgur li ma tmutux. Infatti, jekk tieklu minnha, intom tkunu bħal Alla.’ Kien veru dan? Le, din kienet gidba. Imma Eva emmnitha. Iktar ma ħarset lejn il-frott, iktar beda jħajjarha. Hi kielet mill-frott u tat ftit minnu lil Adam. Hu kien jaf li kien se jmut jekk ma jobdix lil Alla. Imma Adam xorta kiel mill-frott.
Dakinhar filgħaxija, Ġeħova kellem lil Adam u Eva. Hu staqsiehom għala m’obdewhx. Eva waħħlet fis-serp, u Adam waħħal f’Eva. Talli Adam u Eva m’obdewhx, Ġeħova keċċiehom ’il barra mill-ġnien. Biex jagħmel ċert li ma jerġgħux jidħlu hemm, hu poġġa anġli u xabla taqbad bin-nar iddur fl-entratura.
Ġeħova qal li dak il-wieħed li gideb lil Eva kien se jiġi kkastigat ukoll. Ma kienx is-serp innifsu li kellem lil Eva. Is-sriep, Ġeħova ma ħalaqhomx jitkellmu. Kien anġlu ħażin li għamel lis-serp jitkellem. Hu għamel hekk biex iqarraq b’Eva. Dan l-anġlu hu Satana x-Xitan. Fil-futur, Ġeħova se jeqred lil Satana ħalli hu ma jkunx jistaʼ jkompli jqarraq bin-nies biex jagħmlu affarijiet ħżiena.
“Ix-Xitan . . . kien qattiel meta beda, u ma żammx sħiħ fil-verità, għax il-verità mhix fih.”—Ġwanni 8:44