-
Ir-rabja tiegħu wasslitu biex joqtolLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 4
Ir-rabja tiegħu wasslitu biex joqtol
Wara li Adam u Eva tkeċċew mill-ġnien tal-Għeden, huma kellhom ħafna tfal. L-ewwel tifel tagħhom, Kajjin, sar bidwi, u t-tieni tifel, Abel, sar ragħaj.
Darba waħda, Kajjin u Abel taw offerti lil Ġeħova. Taf x’inhi offerta? Hi rigal speċjali. Ġeħova kien ferħan bl-offerta taʼ Abel, imma ma kienx ferħan b’taʼ Kajjin. Minħabba f’hekk, Kajjin irrabja ħafna. Ġeħova wissa lil Kajjin li r-rabja tiegħu setgħet twasslu biex jagħmel xi ħaġa ħażina. Imma Kajjin ma semax minnu.
Minflok, Kajjin qal lil Abel: ‘Ejja fl-għalqa miegħi.’ Xħin kienu waħedhom fl-għalqa, Kajjin attakka lil ħuh u qatlu. Ġeħova x’għamel dwar dan? Ġeħova kkastiga lil Kajjin billi bagħtu ’l bogħod mill-familja tiegħu. Kajjin qatt ma kien se jitħalla jerġaʼ jiġi lura.
X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Aħna għandna mnejn nibdew inħossuna rrabjati jekk l-affarijiet ma jmorrux kif naħsbu li għandhom imorru. Jekk inħossu r-rabja tikber fina—jew jekk oħrajn jiftħulna għajnejna għax jinnotaw ir-rabja tagħna—aħna għandna mill-ewwel nikkontrollaw u nbiddlu l-mod kif inħossuna qabel ma r-rabja tikkontrolla lilna.
Talli Abel ħabb lil Ġeħova u għamel it-tajjeb, Ġeħova qatt mhu se jinsieh. Alla se jirxoxta lil Abel meta Hu jagħmel l-art ġenna.
“Mur l-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-għotja tiegħek.”—Mattew 5:24
-
-
L-arka taʼ NoèLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
-
-
LEZZJONI 5
L-arka taʼ Noè
Maż-żmien, kien hemm ħafna nies fuq l-art. Ħafna minnhom kienu ħżiena. Anke xi anġli fis-sema saru ħżiena. Huma telqu l-post tagħhom fis-sema biex jiġu hawn fuq l-art. Taf għala għamlu hekk? Biex b’hekk huma setgħu jinbidlu fi rġiel umani u jiżżewġu nisa.
In-nisa kellhom ulied subien minn dawn l-anġli. Dawn is-subien kibru u kienu b’saħħithom ħafna u saru bulijiet. Huma kienu jweġġgħu lin-nies. Ġeħova ma setax iħalli l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk. Allura, iddeċieda li jeqred lin-nies ħżiena b’dulluvju.
Imma kien hemm raġel li kien differenti. Hu kien iħobb lil Ġeħova. Kien jismu Noè. Hu kellu mara u tliet subien, Sem, Ħam, u Ġafet, u kull wieħed minnhom kellu mara. Ġeħova qal lil Noè biex jibni arka kbira, li hi kaxxa kbira tal-injam li tistaʼ tifflowtja fuq l-ilma, biex hu u l-familja tiegħu jkunu jistgħu jsalvaw mid-Dulluvju. Ġeħova qal ukoll lil Noè biex idaħħal ħafna annimali ġewwa l-arka biex huma wkoll jibqgħu ħajjin.
Noè mill-ewwel beda jibni l-arka. Hu u l-familja tiegħu damu madwar 50 sena biex jibnuha. Huma bnew l-arka eżatt kif kien qalilhom Ġeħova. Matul dak iż-żmien, Noè wissa lin-nies dwar li kien ġej Dulluvju. Imma ħadd ma semaʼ minnu.
Fl-aħħar, kien wasal il-ħin biex jidħlu fl-arka. Ejja naraw x’ġara mbagħad.
“Għax bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-preżenza taʼ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:37
-