- 
	                        
            
            Tnax-il spijaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
- 
                            - 
                                        LEZZJONI 26 Tnax-il spijaL-Iżraelin telqu minn ħdejn il-Muntanja Sinaj u għaddew mid-deżert tal-Faran biex imorru f’post jismu Kades. Hemmhekk, Ġeħova qal lil Mosè: ‘Ibgħat 12-il spija, wieħed minn kull tribù, biex jitkixxfu l-art taʼ Kangħan, l-art li se nagħti lill-Iżraelin.’ Allura Mosè għażel 12-il raġel u qalilhom: ‘Morru Kangħan, u araw jekk l-art hijiex tajba biex niżirgħu u nkabbru l-ħxejjex. Araw ukoll jekk in-nies humiex b’saħħithom jew le, u jekk jgħixux fit-tined jew fil-bliet.’ Dawn it-12-il spija, inkluż Ġożwè u Kaleb, irħewlha lejn Kangħan. Wara 40 ġurnata, l-ispiji ġew lura u ġabu magħhom tin, rummien, u għeneb. Huma rrakkontaw hekk lil Mosè: ‘L-art hija tajba biex tagħti l-ikel, imma n-nies huma b’saħħithom u s-swar tal-bliet huma għoljin.’ Imbagħad Kaleb qal: ‘Żgur li nistgħu nirbħulhom. Ejja mmorru issa stess!’ Taf għala Kaleb qal hekk? Għax hu u Ġożwè kienu jafdaw f’Ġeħova. Imma l-għaxar spiji l-oħra qalu: ‘Le! In-nies t’hemmhekk huma kbar ħafna, bħal ġganti! Ħdejhom konna nidhru qisna ġurati.’ L-Iżraelin tilfu l-kuraġġ, u beżgħu. Bdew igergru u jgħidu lil xulxin: ‘Għala għandna mmorru f’dan il-pajjiż biex imbagħad joqtluna? Ejja nagħżlu mexxej ieħor u mmorru lura l-Eġittu.’ Ġożwè u Kaleb qalulhom: ‘Tiħduhiex kontra Ġeħova, u tibżgħux. Ġeħova se jieħu ħsiebna.’ Imma l-Iżraelin ma ridux jisimgħu. Anzi riedu joqtlu lil Ġożwè u lil Kaleb! Ġeħova x’għamel? Hu qal lil Mosè: ‘Wara dak kollu li għamilt mal-Iżraelin, huma xorta ma jridux jobduni. Għalhekk, se jibqgħu hawn fid-deżert għal 40 sena, u hawn se jispiċċaw imutu. It-tfal tagħhom biss flimkien maʼ Ġożwè u Kaleb se jgħixu fl-art li jien wegħedt li nagħtihom.’ “Għalfejn qed tibżgħu, intom taʼ fidi żgħira?”—Mattew 8:26 
 
- 
                                        
- 
	                        
            
            Huma ħaduha kontra ĠeħovaLezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
- 
                            - 
                                        LEZZJONI 27 Huma ħaduha kontra ĠeħovaFtit taż-żmien wara, waqt li l-Iżraelin kienu fid-deżert, Koraħ, Datan, Abiram, u 250 oħra ħaduha kontra Mosè u Aron. Dawn qalulhom: ‘Issaportejniekom biżżejjed! Għala għandek tkun int il-mexxej tagħna u Aron il-qassis il-kbir? Ġeħova mhuwiex biss miegħek u m’Aron, imma hu magħna wkoll.’ Ġeħova ma ħax gost. Għalih, dawn kienu qed jirribellaw kontrih! Mosè qal lil Koraħ u lil dawk li ngħaqdu miegħu: ‘Għada ejjew it-tabernaklu, u ġibu magħkom ir-reċipjenti għall-inċens mimlijin. Ġeħova se jurina lil min ikun għażel.’ L-għada, Koraħ u l-250 raġel marru biex jiltaqgħu maʼ Mosè ħdejn it-tabernaklu. Hemmhekk huma ħarqu l-inċens bħallikieku kienu qassisin. Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: ‘Infirdu minn maʼ Koraħ u l-irġiel tiegħu.’ Għalkemm Koraħ kien mar jiltaqaʼ maʼ Mosè ħdejn it-tabernaklu, Datan, Abiram, u l-familji tagħhom ma ridux imorru. Ġeħova qal lill-Iżraelin biex jersqu minn ħdejn it-tined taʼ Koraħ, Datan, u Abiram. L-Iżraelin resqu mill-ewwel. Datan, Abiram, u l-familji tagħhom ħarġu minn ġot-tined tagħhom. F’daqqa waħda, l-art infetħet u belgħethom kollha! Ħdejn it-tabernaklu niżel nar mis-sema u ħaraq lil Koraħ u lill-250 raġel. Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: ‘Ħu bastun mingħand il-kap taʼ kull tribù, u ikteb isem kull wieħed fuq il-bastun tiegħu. Imma fuq il-bastun tat-tribù taʼ Levi ikteb isem Aron. Poġġihom fit-tabernaklu, u l-bastun tar-raġel li jien nagħżel se joħroġ il-fjuri.’ L-għada, Mosè ħareġ il-bsaten kollha u wriehom lill-kapijiet tat-tribujiet. Il-bastun t’Aron kellu l-fjuri ħerġin minnu, u anki lewż misjur. B’dan il-mod, Ġeħova wera ċar li hu kien għażel lil Aron biex ikun il-qassis il-kbir. “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom.”—Ebrej 13:17 
 
-