LEZZJONI 4
Min Hu Ġesù Kristu?
1. Il-ħajja taʼ Ġesù kif bdiet?
Liema kwalitajiet ġibdu n-nies lejn Ġesù?—MATTEW 11:29; MARKU 10:13-16.
Għall-kuntrarju taʼ kwalunkwe uman ieħor, Ġesù għex fis-sema bħala anġlu qabel ma twieled fuq l-art. (Ġwanni 8:23) Hu kien l-ewwel ħolqien t’Alla, u għen fil-ħolqien tal-affarijiet l-oħrajn kollha. Hu l-uniku wieħed maħluq direttament minn Ġeħova, u għalhekk bix-xieraq jissejjaħ l-Iben “uniġenitu” t’Alla. (Ġwanni 1:14) Ġesù qeda bħala l-Kelliemi t’Alla, u għalhekk hu jissejjaħ ukoll “il-Kelma.”—Aqra Proverbji 8:22, 23, 30; Kolossin 1:15, 16.
2. Ġesù għala ġie fuq l-art?
Alla bagħat lil Ibnu fuq l-art billi ttrasferixxa lil ħajtu mis-sema għal ġol-ġuf taʼ verġni Lhudija jisimha Marija. Għalhekk, Ġesù ma kellux missier uman. (Luqa 1:30-35) Ġesù ġie fuq l-art (1) biex jgħallem il-verità dwar Alla, (2) biex iħallilna eżempju taʼ kif nagħmlu r-rieda t’Alla anke meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli, u (3) biex jagħti l-ħajja perfetta tiegħu bħala “fidwa.”—Aqra Mattew 20:28.
3. Għala għandna bżonn fidwa?
Fidwa hi l-prezz imħallas biex tinħeles persuna mit-theddida tal-mewt. (Eżodu 21:29, 30) Il-mewt u x-xjuħija ma kinux parti mill-iskop oriġinali t’Alla għall-umanità. Kif nafuh dan? Alla qal lill-ewwel bniedem, Adam, li jekk hu jagħmel dak li l-Bibbja ssejjaħlu “dnub,” kien se jmut. Allura kieku Adam ma dinibx, qatt ma kien imut. (Ġenesi 2:16, 17; 5:5) Skont il-Bibbja, il-mewt ‘daħlet’ fid-dinja tal-bnedmin permezz t’Adam. B’hekk, Adam għadda lid-dixxendenti tiegħu kollha d-dnub u l-piena li jġib miegħu, il-mewt. Għandna bżonn fidwa biex teħlisna mill-piena tal-mewt li writna mingħand Adam.—Aqra Rumani 5:12; 6:23.
Min setaʼ jħallas il-fidwa biex jeħlisna mill-mewt? Meta mmutu, inħallsu biss il-piena tad-dnubiet tagħna stess. L-ebda bniedem imperfett ma jistaʼ jħallas għad-dnubiet t’oħrajn.—Aqra Salm 49:7-9.
4. Ġesù għala miet?
Kuntrarju għalina, Ġesù kien perfett. Għalhekk, ma kellux għalfejn imut minħabba d-dnubiet tiegħu stess għax qatt ma dineb. Minflok, Ġesù miet minħabba d-dnubiet t’oħrajn. Alla wera mħabba straordinarja għall-umanità billi bagħat lil Ibnu biex imut għalina. Anki Ġesù wera mħabba għalina billi obda lil Missieru u ta ħajtu għad-dnubiet tagħna.—Aqra Ġwanni 3:16; Rumani 5:18, 19.
Ara l-vidjow Ġesù għala miet?
5. Ġesù x’qed jagħmel issa?
Meta kien fuq l-art, Ġesù fejjaq lill-morda, irxoxta lill-mejtin, u salva lin-nies li kienu fil-periklu. B’hekk, wera dak li se jagħmel fil-futur għall-umanità ubbidjenti kollha. (Mattew 15:30, 31; Ġwanni 5:28) Wara li Ġesù miet, Alla rxoxtah bħala spirtu. (1 Pietru 3:18) Ġesù mbagħad stenna fuq il-leminija t’Alla sakemm Ġeħova tah il-qawwa biex jaħkem bħala Sultan fuq l-art kollha. (Ebrej 10:12, 13) Ġesù issa qed jaħkem bħala Sultan fis-sema, u s-segwaċi tiegħu qed iħabbru din l-aħbar tajba mad-dinja kollha.—Aqra Danjel 7:13, 14; Mattew 24:14.
Ġesù dalwaqt se juża l-qawwa tiegħu bħala Sultan biex itemm is-sofferenza kollha u lil dawk li jikkaġunawha. Dawk kollha li jeżerċitaw il-fidi f’Ġesù billi jobduh se jgawdu ħajja f’ġenna fuq l-art.—Aqra Salm 37:9-11.