LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 2/8 pp. 4-7
  • Il-Missirijiet—Għala Qed Jgħibu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Missirijiet—Għala Qed Jgħibu
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif il-​Kustodja bejn Tnejn ma Rnexxietx
  • Ġenituri mhux Miżżewġin
  • Għala l-​Ġuvintur Jitilqu
  • Għeneb Qares
  • Jistaʼ Wieħed Jaħrab Għalkollox mir-Responsabbiltà Tiegħu Bħala Missier?
    Stenbaħ!—2000
  • Familji bla Missier—Kif Jitwaqqaf Iċ-Ċiklu
    Stenbaħ!—2000
  • Familji bla Missier Sinjal taż-Żminijiet
    Stenbaħ!—2000
  • Ġenituri Waħedhom imma Ħafna Huma l-Isfidi
    Stenbaħ!—2002
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 2/8 pp. 4-7

Il-​Missirijiet—Għala Qed Jgħibu

“Qatt ma niftakar lil ommi u lil missieri jiġġieldu jew jargumentaw. Kulma naf hu li missieri kien hemm, u mbagħad—bumm!—darba minnhom ma kienx hemm iktar. Għadni s’issa ma nafx fejn hu missieri. Li naf hu li ma nħoss xejn għalih.”—Bruce.

“Kont l-​unika waħda fl-​iskola li ma kellix żewġ ġenituri u li ma kontx ngħix f’dar . . . Dejjem ħassejtni nispikka. Dejjem ħassejtni differenti ħafna mit-​tfal l-​oħra kollha taʼ mpari.”—Patricia.

IL-​KRIŻI tal-​familji bla missier għandha l-​għeruq tagħha fir-​rivoluzzjoni industrijali. Hekk kif l-​impjiegi fil-​fabbriki bdew iħajru lill-​irġiel biex jitbegħdu minn djarhom, l-​influwenza tal-​missier fil-​familja bdiet tbatti; l-​ommijiet bdew ikollhom sehem akbar fit-​trobbija tat-​tfal.a Xorta waħda, il-​biċċa l-​kbira tal-​missirijiet baqgħu mal-​familji tagħhom. Madankollu, matul nofs is-​snin 60 ir-​rata tad-​divorzji fl-​Istati Uniti bdiet tielgħa sew. L-​ostakli reliġjużi, ekonomiċi, u soċjali għad-​divorzju bdew jaqgħu fix-​xejn. Il-​pariri taʼ xi wħud li riduha t’esperti u li żguraw li d-​divorzju mhux talli ma kienx jagħmel ħsara lit-​tfal imma talli jistaʼ jagħmlilhom il-​ġid, inkuraġġew lil għadd straordinarju taʼ koppji biex jagħżlu d-​divorzju. Il-​ktieb Divided Families—What Happens to Children When Parents Part (Familji Maqsumin—X’Jiġrilhom it-​Tfal meta l-​Ġenituri Jinfirdu), taʼ Frank F. Furstenberg, Jr., u Andrew J. Cherlin jgħid: “Fil-​Belġju, Franza, u l-​Isvizzera r-​rati [tad-divorzju] rdoppjaw [mis-snin 60 ’l hawn], filwaqt li fil-​Kanada, l-​Ingilterra, u l-​Olanda żdiedu bit-​triplu.”

Għalkemm it-​tfal ġeneralment jibqgħu m’ommhom wara d-​divorzju, il-​biċċa l-​kbira tal-​missirijiet li jitilqu jkunu jridu jżommu relazzjoni maʼ wliedhom. Kustodja bejn tnejn hija soluzzjoni popolari waħda. Madankollu, ħaġa taʼ l-​iskantament, il-​biċċa l-​kbira tal-​missirijiet divorzjati ma tantx jibqgħu jagħmlu kuntatt maʼ wliedhom. Stħarriġ minnhom wera li tifel wieħed biss minn 6 jara lil missieru divorzjat kull ġimgħa. Kważi nofs it-​tfal kienu ilhom ma jaraw lil missierhom għal sena sħiħa!

Kif il-​Kustodja bejn Tnejn ma Rnexxietx

Biex koppji divorzjati jaqsmu l-​kustodja bejniethom, hemm bżonn taʼ kooperazzjoni u fiduċja enormi—kwalitajiet li taʼ spiss ikunu skarsi. Ir-​riċerkaturi Furstenberg u Cherlin poġġewha hekk: “Raġuni ewlenija għala l-​missirijiet jieqfu jaraw lil uliedhom hija li ma jkunu jridu jkollhom x’jaqsmu xejn mal-​mara li kellhom. U ħafna nisa jadottaw l-​istess attitudni lejn ir-​raġel li kellhom.”

Veru, ħafna missirijiet divorzjati jarawhom regolarment lil uliedhom. Imma peress li ma jkunux għadhom jinvolvu ruħhom fil-​ħajja taʼ kuljum taʼ wliedhom, ikun diffiċli għal xi wħud biex jaġixxu taʼ missirijiet meta jkunu magħhom. Ħafna jagħżlu l-​irwol taʼ sieħeb fil-​logħob, billi jqattgħu tistaʼ tgħid il-​ħin kollu tagħhom flimkien fir-​rikreazzjoni jew fix-​xiri. Ari, taʼ 14-il sena, jiddeskrivi ż-​żjajjar tiegħu taʼ tmiem il-​ġimgħa maʼ missieru, billi jgħid: “M’hemm l-​ebda skeda fissa, l-​ebda tip taʼ ‘Kun id-​dar sal-​ħamsa u nofs.’ M’hemmx tfixkil. Hemm il-​libertà. U missieri dejjem jixtrili r-​rigali.”—How It Feels When Parents Divorce (X’Jinħass meta l-​Ġenituri Jiddivorzjaw), taʼ Jill Krementz.

Missier taʼ mħabba għandu jkun ‘jaf jagħti lil uliedu ħwejjeġ tajba.’ (Mattew 7:11) Imma l-​ebda rigal ma jistaʼ jieħu post il-​gwida u d-​dixxiplina li huma meħtiġin. (Proverbji 3:12; 13:1) Meta wieħed ipartat l-​irwol taʼ ġenitur maʼ dak taʼ sieħeb fil-​logħob jew wieħed li jżur lit-​tfal, ir-​relazzjoni bejn il-​missier u t-​tfal bilfors li se tiddgħajjef. Studju wieħed ikkonkluda: “Id-​divorzju jistaʼ jkisser b’mod permanenti r-​relazzjoni taʼ bejn il-​missier u t-​tfal.”—Journal of Marriage and the Family (Ġurnal dwar iż-​Żwieġ u l-​Familja), Mejju 1994.

Peress li jkunu mweġġgħin u rrabjati minħabba li jiġu maqtugħin minn ħajjet it-​tfal—jew forsi sempliċement għax ikunu indifferenti—xi rġiel jabbandunaw lill-​familji tagħhom, billi jonqsu li jagħtu l-​appoġġ finanzjarju meħtieġ.b (1 Timotju 5:8) “Ma nistax naħseb f’xi ħaġa li togħġobni f’missieri,” jgħid ġuvni diżappuntat. “Verament ma jinvolvi ruħu f’xejn, lanqas imantnina jew jagħmel xi ħaġa, u din inqisha xi ħaġa diżgustanti.”

Ġenituri mhux Miżżewġin

L-​għadd straordinarju taʼ trabi mweldin b’mod illeġittimu kkaġuna l-​akbar żjieda fl-​għadd taʼ tfal bla missier. ‘Fl-​Istati Uniti, madwar terz tat-​tfal kollha issa qed jitwieldu barra miż-​żwieġ,’ jgħid il-​ktieb Fatherless America (L-Amerka bla Missier). Minn kważi 500,000 tarbija li kull sena titwieled lil dawk taʼ bejn il-​15 u d-​19-il sena, 78 fil-​mija jitwieldu lil adolexxenti mhux miżżewġin. Madankollu, it-​tqala fost l-​adolexxenti hija problema globali. U l-​programmi li jgħallmu dwar il-​kontraċezzjoni jew li jinkuraġġixxu l-​astinenza ma tantx swew biex ibiddlu l-​imġiba sesswali taʼ l-​adolexxenti.

Il-ktieb Teenage Fathers, by Bryan E. Robinson, jispjega: “It-​tqala barra miż-​żwieġ m’għadhiex iġġorr il-​mistħija u l-​umiljazzjoni li kienet fis-​snin 60, minħabba l-​attitudnijiet soċjali iktar liberi lejn is-​sess u t-​tqala qabel iż-​żwieġ. . . . Ukoll iż-​żgħażagħ tal-​lum huma bombardjati l-​ħin kollu bis-​sesswalità permezz tar-​reklami, il-​mużika, il-​films, u t-​televiżjoni. Il-​medja Amerikana lill-​adolexxenti tgħidilhom li s-​sess huwa romantiku, eċċitanti, u stimulanti mingħajr ma qatt turi l-​konsegwenzi veri li jiġu minn imġiba sesswali spontanja u irresponsabbli.”

Ħafna żgħażagħ jidhru li m’huma konxji xejn tal-​konsegwenzi tas-​sess illeċitu. Innota xi ftit mill-​kummenti li samaʼ l-​awtur Robinson: “‘Ma kinitx tidher it-​tip [li tinqabad tqila]’; ‘Konna nagħmlu s-​sess darba fil-​ġimgħa biss’; jew ‘Ma kontx naħseb li setgħet tinqabad tqila l-​ewwel darba.’” M’għandniex xi ngħidu, xi ġuvintur jafu sew li s-​sess jistaʼ jirriżulta fi tqala. Il-​ktieb Young Unwed Fathers josserva: ‘Għal ħafna subien [fil-qalba tal-​bliet], is-​sess huwa simbolu importanti taʼ l-​istatus soċjali lokali; il-​konkwisti sesswali jsiru kwistjoni taʼ kisbiet. Ħafna mit-​tfajliet joffru s-​sess bħala rigal meta jinnegozjaw għall-​attenzjoni taʼ xi ġuvni.’ F’ċerti klikek li jinsabu fil-​qalba tal-​bliet, subien li ma jkunux saru missirijiet taʼ xi tarbija jistgħu saħansitra jiġu mgħajrin talli jkunu “verġni”!

Is-sitwazzjoni tkompli tikrieh meta tikkunsidra r-​riżultati taʼ studju li sar fl-​1993 fil-​Kalifornja fuq ommijiet taʼ l-​età taʼ l-​iskola. Jirriżulta li żewġ terzi tal-​bniet ħarġu tqal, mhux minn għarajjes adolexxenti, imma minn irġiel taʼ fuq l-​20 sena! Fil-​fatt, xi studji jindikaw li ħafna ommijiet adolexxenti mhux miżżewġin ikunu vittmi taʼ relazzjoni sesswali bħala minorenni—jew anki t’abbuż fuq it-​tfal. Esplojtazzjoni mifruxa bħal din tikxef kemm is-​soċjetà taʼ żmienna saret marida u perversa.—2 Timotju 3:13.

Għala l-​Ġuvintur Jitilqu

Ġuvintur adolexxenti li jkunu saru missirijiet rari jerfgħu r-​responsabbiltà taʼ wliedhom għal żmien twil. Ġuvni wieħed, li l-​għarusa tiegħu ħarġet tqila, qal: “Kulma għedtilha kien, ‘Ċaw ċaw.’” Madankollu, bħalma jenfasizza artiklu f’Family Life Educator, “il-​biċċa l-​kbira tal-​missirijiet żgħażagħ jesprimu xewqa kbira li jkollhom relazzjoni mill-​qrib maʼ wliedhom.” Skond studju minnhom taʼ missirijiet żgħażagħ mhux miżżewġin, 70 fil-​mija kienu jżuru lil uliedhom darba fil-​ġimgħa. “Madankollu,” iwissi l-​artiklu, “hekk kif it-​tfal jibdew jikbru, l-​ammont taʼ żjajjar jonqos.”

Missier taʼ 17-il sena ġabar fil-​qosor ir-​raġuni b’dan il-​kliem: “Kieku kont naf kemm kien se jkun diffiċli, qatt ma kont inħalli l-​affarijiet jaslu s’hawn.” Ftit huma ż-​żgħażagħ li għandhom il-​maturità emozzjonali jew l-​esperjenza biex jifilħu għall-​ħtiġijiet involuti fl-​irwol taʼ ġenitur. U ħafna minnhom lanqas għandhom l-​edukazzjoni jew l-​abbiltajiet meħtiġin biex wieħed jaqlaʼ l-​għajxien. Minflok ma jkampaw maʼ l-​umiljazzjoni li jġib il-​falliment, ħafna rġiel żgħażagħ sempliċement jitilqu lil uliedhom. “Ħajti maqluba taʼ taħt fuq,” jistqarr missier żagħżugħ. Ieħor jilmenta: ‘Bilkemm naf nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Lanqas naf x’nagħmel li kieku kelli nieħu ħsieb t’[ibni] wkoll.’

Għeneb Qares

Fi żminijiet Bibliċi l-​Lhud kellhom qawl: “Il-​ġenituri kielu l-​għeneb qares, imma t-​tfal ħadu t-​togħma qarsa.” (Eżekjel 18:​2, Today’s English Version) Alla qal lil-​Lhud li ma kienx hemm għalfejn jiġri hekk, li l-​iżbalji tal-​passat ma kellhomx għalfejn jiġu ripetuti fil-​futur. (Eżekjel 18:3) Minkejja dan, miljuni taʼ tfal illum qishom qed iduqu l-​imrar taʼ “l-​għeneb qares” tal-​ġenituri tagħhom—billi jkollhom ibatu għall-​immaturità, in-​nuqqas taʼ responsabbiltà, u l-​fallimenti matrimonjali tal-​ġenituri tagħhom. Ir-​riċerka tipprovdi provi biżżejjed li t-​tfal li jitilgħu bla missier huma esposti għal ruxxmata taʼ riskji fiżiċi u emozzjonali. (Ara l-​kaxxa f’paġna 7.) L-​iktar li hu taʼ dwejjaq huwa l-​fatt li l-​wirt taʼ familja bla missier taʼ spiss jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra—ċiklu kontinwu taʼ wġigħ u miżerja.

Lil familji bla missier hemm jistenniehom biss il-​falliment? Lanqas xejn. Fil-​fatt, l-​aħbar tajba hi li ċ-​ċiklu taʼ familji bla missier jistaʼ jitwaqqaf. L-​artiklu tagħna li jmiss se jiddiskuti kif.

[Noti taʼ taħt]

a Taʼ interess, qabel l-​industrijalizzazzjoni, il-​manwali dwar it-​trobbija tat-​tfal fl-​Istati Uniti ġeneralment kienu jkunu indirizzati lill-​missirijiet, mhux lill-​ommijiet.

b Skond ir-​riċerkaturi Sara McLanahan u Gary Sandefur, fl-​Istati Uniti, ‘madwar 40 fil-​mija tat-​tfal li teoretikament huma eliġibbli għall-​manteniment tat-​tfal lanqas biss jingħataw [b’ordni tal-​qorti] l-​manteniment. Kwart taʼ dawk li tittieħed id-​deċiżjoni favur tagħhom ma jirċievu xejn. Inqas minn terz tat-​tfal jirċievu s-​somma sħiħa li suppost jingħataw.’

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

IR-​RISKJI TAʼ LI TITRABBA BLA MISSIER

It-​tfal jiffaċċjaw riskji serji meta jitrabbew bla missier. Għalkemm xi wħud jistgħu jħossuhom imweġġgħin meta jikkunsidraw I-informazzjoni li ġejja, il-​fatt li jkunu konxji tar-​riskji huwa I-ewwel pass biex jevitaw jew għall-​inqas inaqqsu I-ħsara. Irridu nirrealizzaw ukoll li I-istudji bbażati fuq l-​istatistiċi japplikaw għal gruppi mhux għal individwi. Ħafna tfal jikbru f’familji bla missier mingħajr ma jesperjenzaw problemi bħal dawn. Bħalma se juri I-aħħar artiklu tagħna, I-intervent tal-​ġenituri u I-applikar tal-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jagħmlu ħafna biex inaqqsu dawn id-​diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu. Ikkunsidra, mela, xi ftit mir-​riskji possibbli li jistgħu jiffaċċjaw tfal bla missier.

◼ Perikli Akbar t’Abbuż Sesswali

Ir-​riċerka turi biċ-​ċar li n-​nuqqas taʼ missier iżid ir-​riskju t’abbuż sesswali fuq it-​tfal. Studju minnhom wera li minn 52,000 każ t’abbuż fuq it-​tfal, “72 fil-​mija kienu jinvolvu tfal li kienu jgħixu f’familja mingħajr wieħed mill-​ġenituri bijoloġiċi jew it-​tnejn li huma.“ II-ktieb Fatherless America jiddikjara: ‘Fis-​soċjetà tagħna, ir-​riskju li qed jiżdied t’abbuż sesswali fit-​tfulija ġej primarjament mill-​fatt li l-​preżenza tal-​missirijiet miżżewġin qed tonqos a qed tiżdied il-​preżenza taʼ missirijiet tar-​rispett, ġuvintur li jkunu qed joħorġu maʼ l-​ommijiet, u rġiel oħra li m’humiex parti mill-​familja jew dawk li jkunu qed jgħixu mal-​familja għal ċertu żmien biss.’

◼ Riskju Akbar t’Attività Sesswali minn Kmieni

Minħabba li x’aktarx ikun hemm inqas superviżjoni mill-​ġenituri f’dar li fiha ġenitur wieħed, iż-​żgħar taʼ spiss ikollhom iktar opportunitajiet biex jieħdu sehem f’kondotta immorali. Inqas taħriġ mill-​ġenituri jistaʼ jkun ukoll fattur ieħor. “Tfajliet li m’għandhomx missier f’ħajjithom ikollhom darbtejn u nofs iktar ċans li joħorġu tqal,“ jgħid id-​Dipartiment tas-​Servizzi Umani u tas-​Saħħa taʼ l-​Istati Uniti.

◼ Faqar

Studju fost tfajliet adolexxenti suwed fl-​Afrika t’Isfel ikkonkluda li l-​faqar huwa konsegwenza komuni taʼ meta wħud mhux miżżewġin isiru ġenituri. “F’xi 50% tal-​każi,“ jgħidu l-​awturi taʼ l-​istudju, “l-​adolexxent x’aktarx li ma jerġax lura lejn l-​iskola.” Ħafna ommijiet mhux miżżewġin jispiċċaw f’ħajja taʼ prostituzzjoni a traffikar tad-​droga. Is-​sitwazzjoni għandha mnejn ma tantx hija aħjar f’pajjiżi tal-​Punent. Fl-​Istati Uniti, “10 fil-​mija tat-​tfal f’familji b’żewġ ġenituri kienu fil-​faqar [fl-1995], meta tqabbilhom maʼ 50 fil-​mija f’familji b’kapijiet nisa.“—America’s Children: Key National Indicators of WellBeing 1997.

◼ Abbandun

Minħabba li jkunu mġagħlin ifendu għal rashom, xi ġenituri waħedhom ma jlaħħqux mar-​responsabbiltajiet tagħhom a ma jkunux jistgħu jqattgħu ħin biżżejjed maʼ wliedhom. Waħda divorzjata tiftakar: “Kont qed naħdem matul il-​ġurnata u mmur l-​iskola bil-​lejl—kont qed ninfileġ. M’hemm l-​ebda dubju li kont qed nittraskura lit-​tfal.”

◼ Ħsara Emozzjonali

Ċerti esperti jsostnu li t-​tfal malajr jirkupraw wara divorzju. Għall-​kuntrarju taʼ dan, xi riċerkaturi, bħal Dr. Judith Wallerstein, sabu li d-​divorzju lit-​tfal iħallilhom feriti emozzjonali li jibqgħu għal żmien twil. “Iktar minn terz taʼ l-​irġiel u n-​nisa żgħażagħ taʼ bejn id-​dsatax u d-​disgħa u għoxrin sena jkollhom ftit jew xejn ambizzjoni, għaxar snin wara li l-​ġenituri jiddivorzjaw. Ikunu qed jgħixu ħajjithom mingħajr ma jkollhom l-​ebda miri definiti ... u jkunu jħossuhom li m’huma tajbin għal xejn.” (Second Chances, minn Dr. Judith Wallerstein u Sandra Blakeslee) Ġie osservat li ħafna tfal involuti f’divorzju kienu jbatu minn stima baxxa tagħhom infushom, dipressjoni, imġiba delinkwenti, u rabja persistenti.

Il-​ktieb SingleParent Family jgħid: “Bosta studji juru li s-​subien li jitrabbew mingħajr preżenza maskili qawwija f’ħajjithom ma jkunux ċerti dwar il-​maskilità tagħhom, ikollhom stima baxxa tagħhom infushom, u, iktar ’il quddiem f’ħajjithom ikollhom diffikultà biex jifformaw relazzjonijiet intimi. Il-​problemi li jistgħu jiżviluppaw il-​bniet minħabba li jkunu jgħixu mingħajr figura maskili ġeneralment ma jkunux jidhru sa l-​adolexxenza jew iktar tard, u jinkludu li bħala adulti jkollhom diffikultà biex jiżviluppaw relazzjonijiet taʼ suċċess kemm maʼ rġiel u kemm maʼ nisa.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja