LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 2/8 pp. 12-14
  • “Għotja Rjali” Mingħand Joachim Barrande

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Għotja Rjali” Mingħand Joachim Barrande
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Barrande Jibdel il-​Karriera Tiegħu
  • Preċiż u Dixxiplinat
  • Xi Ngħidu għall-​Evoluzzjoni?
  • Raġel Umli Jagħti “Għotja Rjali”
  • Meta l-Ġganti Kienu Jagħmru fl-Ewropa
    Stenbaħ!—2009
Stenbaħ!—2000
g00 2/8 pp. 12-14

“Għotja Rjali” Mingħand Joachim Barrande

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIR-​REPUBBLIKA ĊEKA

“IKTAR minn għotja rjali, dan hu l-​iktar att taʼ rispett galanti li ntgħamel mal-​ġens Ċek!” Ċertu ġurnalist hekk iddeskrivieh il-​wirt li rċieva l-​Mużew Nazzjonali Ċek mingħand Joachim Barrande, il-​paleontologu magħruf tas-​seklu 19. L-​“għotja rjali” li ta Barrande lin-​nies Ċeki kienet tikkonsisti minn kollezzjoni importanti taʼ iktar minn 1,200 kaxxa kbira. Dawn kienu mimlijin fossili, li hu kien qattaʼ snin sħaħ jagħmel kollezzjoni tagħhom, jistudjahom, u jikklassifikahom. Filwaqt li forsi int ma tħossx xi entużjażmu kbir minħabba kollezzjoni taʼ fossili antiki, għall-​paleontoloġi l-​għotja taʼ Barrande hija ħafna iktar prezzjuża minn xi teżor moħbi!

Paleontologu huwa xjenzat li juża l-​fdalijiet tal-​fossili biex jistudja dwar il-​ħajja f’perijodi ġeoloġiċi taʼ l-​imgħoddi. Il-​paleontoloġija hija xjenza relattivament ġdida. Matul il-​Medju Evu, il-​fossili kienu injorati bħala “skerz tan-​natura” jew kienu jaħsbuhom fdalijiet tad-​draguni. Madankollu, sas-​seklu 18 xi nies taʼ klassi għolja bdew jinteressaw ruħhom f’li jkollhom kollezzjoni tal-​fossili. Ix-​xjenzati f’ħafna pajjiżi wkoll bdew jinteressaw ruħhom fl-​istudju tal-​fossili. Joachim Barrande kien wieħed minnhom. X’nafu dwar Barrande, u x’ikkontribwixxa fil-​qasam tal-​paleontoloġija? Ladarba kien kontemporanju taʼ Charles Darwin, x’kienet il-​ħarsa taʼ Barrande dwar it-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni taʼ Darwin?

Barrande Jibdel il-​Karriera Tiegħu

Joachim Barrande twieled fl-​1799 f’Saugues, belt ċkejkna fin-​nofsinhar taʼ Franza. Hu studja l-​inġinerija f’Pariġi, u speċjalizza f’bini taʼ toroq u pontijiet. Fl-​istess ħin, hu ħa xi korsijiet fix-​xjenza naturali. Malajr beda jidher ċar li kellu talent f’dan il-​qasam. Wara li ggradwa, Barrande beda jaħdem bħala inġinier imma meta seraq l-​attenzjoni tal-​familja rjali Franċiża, ġie mistieden biex jgħallem lin-​neputi tas-​Sultan Karlu X. Is-​suġġett—xjenza naturali. Fl-​1830, bħala riżultat taʼ rivoluzzjoni fi Franza, il-​familja rjali ġiet eżiljata u eventwalment marret lejn il-​Boemja. Barrande ngħaqad magħhom hemm. Kien fi Praga, il-​kapitali tal-​Boemja, li Barrande reġaʼ qabad l-​inġinerija.

Bħala espert fil-​bini tat-​toroq u l-​pontijiet, Barrande ġie assenjat biex jistħarreġ il-​kampanja madwar Praga għal rotta tal-​ferrovija miġbuda miż-​żwiemel li kienet ġiet proposta. Waqt li kien għaddej fuq xogħlu, Barrande innota li kien hemm abbundanza taʼ fossili f’dawk l-​inħawi. Meta fliehom sew, baqaʼ mgħaġġeb bix-​xebh kbir li kien hemm bejn l-​istrati tal-​Boemja u l-​istrati tal-​Britannja. Billi l-​passjoni li kellu għax-​xjenzi naturali kienet reġgħet bdiet titkebbes, Barrande fl-​aħħar telaq l-​inġinerija u, għall-​44 sena taʼ wara, iddedika ħajtu għall-​istudju tal-​paleontoloġija u l-​ġeoloġija.

Il-klassi taʼ Barrande kienet il-​kampanja invażata bil-​fossili fil-​Boemja ċentrali. Kull ġurnata kien jiskopri affarijiet ġodda taʼ sbuħija u varjetà taʼ l-​għaġeb. Sa l-​1846 kien lest biex jippubblika l-​ewwel riżultati tar-​riċerka tiegħu. F’dan ix-​xogħol hu ddeskriva u kklassifika speċijiet ġodda taʼ trilobiti, li darba kienu jgħixu f’qiegħ il-​baħar.

Barrande kompla jżid mal-​kollezzjoni u jistudja l-​fossili. Imbagħad, fl-​1852, hu ppubblika l-​ewwel volum taʼ monografija, jew trattat, intitolat The Silurian System of Central Bohemia (Is-Sistema Silurjana tal-​Boemja Ċentrali).a L-​ewwel volum iddiskuta t-​trilobiti. Dan kien segwit minn volumi dedikati lill-​krustaċej, ħut qarquċi, ċefalopodi, bivalvi, u organiżmi fossilizzati oħrajn. F’ħajtu hu ppubblika 22 volum, li fihom iddeskriva fid-​dettall iktar minn 3,500 speċi. Xogħlu kien wieħed mill-​akbar monografi fil-​qasam tal-​paleontoloġija.

Preċiż u Dixxiplinat

Il-​metodi taʼ Barrande iddistingwewh minn riċerkaturi oħrajn. Max-​xogħol tiegħu bħala naturalista, hu inkluda d-​dixxiplina taʼ inġinier. Bħala disinjatur, ma kienx jiflaħ għall-​kalkoli jew it-​tpinġijiet mhux eżatti. Bħala paleontologu, hu ħadem iebes biex jikseb grad għoli ħafna taʼ preċiżjoni fit-​tpinġijiet tiegħu, billi kien jieħu battikata kbira biex jiżgura li kienu eżatti sa l-​iċken dettall. Hu personalment irtokka ħafna mit-​tpinġijiet li kienu inklużi fil-​monografija tiegħu, għalkemm l-​oriġinali kienu magħmulin minn artist professjonali.

Madankollu, il-​preċiżjoni taʼ Barrande ma kinitx biss fit-​tpinġijiet tiegħu. Wara li kull volum tal-​monografija tiegħu kien ikun ġie stampat, kien jiċċekkja l-​kitba personalment. Jekk ma kienx ikun sodisfatt, kien jibgħat il-​partijiet mhux sodisfaċenti lura biex jiġu stampati mill-​ġdid. Il-​mira taʼ Barrande kienet li jkun ċert li x-​xogħol kollu li jippubblika jkun eżatt kemm jistaʼ jkun. Hu rnexxielu jagħmel dan b’mod ammirevoli. Illum, kważi 150 sena wara, ir-​riċerkaturi għadhom jużaw is-​Silurian System bħala xogħol taʼ referenza.

Xi Ngħidu għall-​Evoluzzjoni?

Meta fl-​1859 ġie pubblikat il-​ktieb The Origin of Species taʼ Charles Darwin, ħafna xjenzati kienu ħfief biex jappoġġaw it-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni. Madankollu, Barrande m’għamilx hekk. Mill-​bidunett, hu rrifjuta t-​teorija taʼ l-​evoluzzjoni għax ma ra xejn fid-​dokumentar tal-​fossili li kkonvinċieh li din it-​teorija kienet vera. Barrande qal li l-​iskop taʼ xogħlu kien li “jiskopri r-​realtà mhux jibni teoriji mumentanji.” (Korsiv tagħna.) Tabilħaqq, f’kull volum tas-​Silurian System, fil-​paġna taʼ quddiem fejn jidher it-​titlu, hu niżżel il-​motto: “C’est ce que j’ai vu” (Dan hu dak li rajt).

Barrande innota li l-​iġsma taʼ ħafna annimali kienu fi stadji differenti taʼ żvilupp. Madankollu, hu kkonkluda b’mod korrett li dawn kienu mill-​istess speċi imma t’età differenti. Ma ra l-​ebda evidenza li tip wieħed t’annimal kien evolva f’ieħor. Billi ġabar il-​filosofija taʼ Barrande fi ftit kliem, il-​ktieb A Petrified World jgħid: “Ix-​xogħol kollu taʼ Barrande huwa . . . mibni fuq fatti, u din hija l-​iktar karatteristika prezzjuża tiegħu. F’dan l-​istadju taʼ riċerka bażika, m’hemmx wisaʼ għal spekulazzjoni jew suppożizzjoni jew ukoll għal teoriji ġenerali.”

Raġel Umli Jagħti “Għotja Rjali”

Minkejja li Barrande kellu ħafna suċċess, hu ma spiċċax vittma tan-​nassa tal-​kburija jew tad-​diżonestà. Għalkemm kien iħossu komdu maʼ l-​intellettwali taʼ l-​Ewropa u kien jitkellem b’diversi lingwi, hu baqaʼ jġib ruħu taʼ bniedem ordinarju. Tgħallem il-​lingwa Ċeka sabiex ikun eqreb tal-​poplu. Dan għenu f’xogħlu, billi setaʼ jikkomunika maʼ dawk li kienu jaħdmu fil-​barrieri tal-​ġebel u dawn għenuh jikseb kampjuni ġodda għall-​kollezzjoni tiegħu.

Barrande kien bniedem reliġjuż, u dak li sab fin-​natura saħħaħlu l-​fidi tiegħu f’Alla. Lill-​fossili sejħilhom “midaljuni taʼ l-​ewwel ħolqien.” Iktar minn hekk, fl-​introduzzjoni għal xogħlu, hu rrefera għall-​emozzjonijiet li qanqluh ikompli jistudja: “Huwa sentiment t’ammirazzjoni, sodisfazzjon, u rikonoxximent li jaħkem u jsaħħar lil dak li jiskopri jew jikkontempla parti mix-​xogħlijiet tal-​Ħallieq.”

Joachim Barrande miet fl-​1883, u warajh ħalla materjal xjentifiku taʼ valur li ma bħalu. Il-​mod preċiż kif għamel xogħlu huwa apprezzat minn xjenzati madwar id-​dinja kollha. Minħabba li xogħlu għamlu b’mod realistiku u fattwali, ir-​riċerkaturi tal-​lum għadhom jinqdew mill-​iskoperti li Joachim Barrande iddokumenta bir-​reqqa. Minn ħarsa xjentifika, ma kinitx esaġerazzjoni d-​deskrizzjoni tal-​wirt li ħalla Barrande bħala “iktar minn għotja rjali.”

[Nota taʼ taħt]

a “Silurjan” huwa l-​isem ġeoloġiku mogħti lil dak li hu maħsub li hu wieħed mill-​eqdem perijodi tal-​pjaneta tagħna.

[Stampi f’paġna 12, 13]

It-​tpinġijiet taʼ Barrande tat-​trilobiti, 1852

[Sors]

Skeċċijiet: S laskavým svolením Národní knihovny v Praze

[Sors tal-​istampa f’paġna 12]

Ritratt: Z knihy Vývoj české přírodovědy, 1931

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja