Tfal fuq l-Internet—Dak li Għandhom Ikunu Jafu l-Ġenituri
GĦAL xi żmien, kien jidher li s-sigurtà taʼ l-Internet kienet sempliċement kwistjoni taʼ fejn iżżomm il-kompjuter. Żomm il-kompjuter f’post pubbliku, konna naħsbu, u hemm inqas ċans li wliedek jidħlu f’Web sites perikolużi. Waqt li dan għadu validu—is-sens komun jgħidilna li m’għandniex nagħtu aċċess għall-Internet lit-tfal fil-privatezza tal-kmamar tas-sodda tagħhom—din il-prekawzjoni m’hijiex l-unika waħda meħtieġa biex it-tfal ikunu protetti. Illum, konnessjonijiet bla wajers jagħmluha possibbli għaż-żgħażagħ biex jieħdu l-Internet magħhom kulfejn imorru. Anki ħafna telefons ċellulari għandhom aċċess għall-Internet. Imbagħad hemm l-Internet cafés, l-Internet kiosks li huma kaxxi bħal tat-telefon li jipprovdu aċċess għall-Internet, libreriji, jew bħas-soltu, id-dar taʼ xi ħabib. B’dawn il-possibbiltajiet kollha, huwa faċli tara kif ġenitur jistaʼ ma jkunx jaf kif uliedu qed jużaw l-Internet.
Ikkunsidra ftit mill-attivitajiet fuq l-Internet li ħafna żgħażagħ huma miġbudin lejhom u ara x’inhuma l-perikli li jistgħu jġibu magħhom.
E-MAILS
X’inhuma? Messaġġi miktubin li jintbagħtu b’mod elettroniku.
X’ġibda għandhom? L-e-mail hu mod veloċi u li ma jiswiex flus kif il-ħbieb u l-familji jistgħu jżommu kuntatt.
Dak li għandek tkun taf. L-ittri li ma tkunx qed tistenniehom, spiss imsejħin spam jew junk, m’humiex sempliċi affarijiet li jdejquk. Spiss ikun fihom kontenut li jħajjar sesswalment jew li jkun tassew oxxen. Links [indirizzi li jiħduk f’siti oħrajn] ġol-messaġġi jistgħu jitolbu lil min ikun qed juża l-Internet—anki tifel innoċenti—biex jikxef informazzjoni persunali, li tistaʼ twassal biex tinsteraqlu l-identità. Min iwieġeb għal dawn l-e-mails—anki jekk jitlob b’mod sod biex ma jibqax jirċivihom—ikun qed jikkonferma li l-indirizz taʼ l-e-mail huwa attiv, u dan jistaʼ jwassal biex jintbagħtulu iktar e-mails li ma jkunx iridhom.
WEB SITES
X’inhuma? Kollezzjonijiet taʼ paġni elettroniċi maħluqin u miżmumin minn organizzazzjonijiet, istituzzjonijiet taʼ l-edukazzjoni, negozji, u individwi.
X’ġibda għandhom? Hemm miljuni taʼ siti disponibbli, li jipprovdu liż-żgħażagħ opportunitajiet bla limitu biex jixtru, jagħmlu riċerka, iżommu kuntatt mal-ħbieb, u jilagħbu jew iniżżlu logħob tal-kompjuter u mużika.
Dak li għandek tkun taf. Il-Web ġiet sfruttata minn kull tip taʼ individwi bla morali. Ħafna Web sites juru nies li qed jieħdu sehem f’attivitajiet sesswali, u huwa faċli li tidħol f’dawn is-siti aċċidentalment. Per eżempju, fl-Istati Uniti, 90 fil-mija miż-żgħażagħ taʼ bejn l-età taʼ 8 snin u 16-il sena qalu li mingħajr ma riedu raw il-pornografija fuq l-Internet—fil-maġġorparti meta kienu qed jagħmlu l-ħowmwerk!
Il-Web tagħmilha wkoll faċli għaż-żgħażagħ biex jidħlu f’siti li jinkuraġġuhom jilagħbu l-logħob taʼ l-ażżard. Fil-Kanada, kważi 1 minn kull 4 ġuvnotti fl-iskola sekondarja li ħadu sehem fi stħarriġ ammettew li huma żaru siti bħal dawn, u nistgħu nifhmu għala l-esperti jinsabu inkwetati ladarba huwa faċli ħafna li l-logħob taʼ l-ażżard fuq l-Internet isir vizzju. Imbagħad hemm l-hekk imsejħin siti pro-ana li jfaħħru ħafna “l-istil taʼ ħajja anoreksiku.”a Sadanittant, siti li jqanqlu l-mibegħda jimmiraw lejn gruppi reliġjużi żgħar u etniċi. Xi siti jgħallmu lil dak li jkun kif jagħmel il-bombi, iħallat il-velenu, u kif jagħmel ħidma terroristika. Tpinġija taʼ vjolenza estrema u xeni mdemmijin huma komuni ħafna fil-logħob taʼ l-Internet.
CHAT ROOMS
X’inhuma? Spazji elettroniċi għal konversazzjoni ħajja bil-kitba li ġeneralment tkun tiffoka fuq suġġett jew interess speċifiku.
X’ġibda għandhom? Uliedek għandhom mnejn jikkomunikaw m’għadd taʼ individwi li forsi qatt ma jkunu ltaqgħu magħhom imma li jkollhom interessi bħal taʼ xulxin.
Dak li għandek tkun taf. Il-predaturi spiss jidħlu f’dawn iċ-chat rooms bit-tama li jħajru lit-tfal biex ikollhom attività sesswali fuq l-Internet jew saħansitra biex jiltaqgħu magħhom fir-realtà għal dan l-iskop. Ikkunsidra x’ġara meta waħda mill-awturi tal-ktieb What in the World Are Your Kids Doing Online? kienet qed tagħmel riċerka dwar is-sigurtà taʼ l-Internet. Bħala parti mir-riċerka tagħha, hi ppretendiet li kienet tifla taʼ 12-il sena fuq l-Internet. “Kważi mill-ewwel,” jirrapporta l-ktieb, “ġiet mistiedna minn xi ħadd biex tidħol f’chat room privata. Hi qalet li ma kinitx taf kif setgħet tidħol fiha u l-ħabib il-ġdid tagħha, li kien ħerqan biex jgħinha, qalilha kif tagħmel dan il-proċess pass pass. Imbagħad ried ikun jaf jekk riditx li jagħmlu s-sess [fuq l-Internet].”
INSTANT MESSAGES
X’inhuma? Konversazzjonijiet ħajjin bil-kitba bejn żewġ individwi jew iktar.
X’ġibda għandhom? Min juża l-instant messages, jistaʼ jagħżel minn lista taʼ kuntatti li jkun ħoloq hu maʼ min minn sħabu se jitkellem. Mhux taʼ b’xejn li studju li sar fil-Kanada jirrapporta li 84 fil-mija minn dawk li għandhom 16 u 17-il sena jibagħtu messaġġi bħal dawn lil sħabhom u dan jagħmluh għal iktar minn siegħa kuljum.
Dak li għandek tkun taf. Konversazzjonijiet bl-instant messages jistgħu jtellfu lil uliedek jekk huma suppost ikunu qed jistudjaw jew jieħdu sehem f’attività oħra li teħtieġ il-konċentrazzjoni. Barra minn hekk, kif tistaʼ tkun ċert dwar maʼ min qed jikkomunikaw uliedek? Wara kollox, int ma tistax tismaʼ l-konversazzjoni.
BLOGS
X’inhuma? Djarji fuq l-Internet.
X’ġibda għandhom? Dawn jagħtu l-opportunità liż-żgħażagħ biex jiktbu dwar il-ħsibijiet, dak li jħobbu, u l-attivitajiet tagħhom. Ħafna minn dawn il-blogs iħallu l-wisaʼ għall-qarrejja biex jitfgħu l-kummenti tagħhom, u ħafna tfal tgħidx kemm jifirħu meta jaraw li xi ħadd wieġeb għall-kitba tagħhom.
Dak li għandek tkun taf. Blog tkun miftuħa għall-pubbliku. Xi żgħażagħ, mingħajr ma jaħsbuha, jikxfu informazzjoni li tistaʼ tintuża biex tiġi identifikata l-familja, l-iskola, jew l-indirizz tad-dar tagħhom. Fattur ieħor: Il-blogs jistgħu jħassru r-reputazzjonijiet, inkluż tal-wieħed li jkun għamel il-blog. Per eżempju, xi nies li jħaddmu lil oħrajn jikkonsultaw il-blog taʼ l-applikant meta jikkunsidraw jekk għandhomx jimpjegaw lill-individwu.
NETWORKS SOĊJALI FUQ L-INTERNET
X’inhuma? Siti li jippermettu liż-żgħażagħ joħolqu Web page (paġna fuq l-Internet) u jżejnuha bi stampi, vidjos, u blogs.
X’ġibda għandhom? Iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jesprimu l-identità tagħhom minħabba li joħolqu u jsebbħu l-Web page tagħhom. In-networks soċjali fuq l-Internet jippermettu liż-żgħażagħ biex jiltaqgħu maʼ ħafna “ħbieb” ġodda.
Dak li għandek tkun taf. Tfajla jisimha Joanna tgħid, “Sit tan-network soċjali hu bħal party fuq l-Internet. Tistaʼ tiltaqaʼ maʼ nies li huma verament tal-biżaʼ.” L-informazzjoni persunali li titpoġġa fuq in-networks soċjali tistaʼ tiġi sfruttata minn żgħażagħ u adulti li huma bla skrupli. Għalhekk, l-espert tas-sigurtà fuq l-Internet Parry Aftab isejjaħ lil dawn is-siti bħala “ħwienet fejn il-predaturi sesswali jistgħu jsibu dak kollu li jridu.”
Iktar minn hekk, il-ħbiberiji fuq l-Internet għandhom ħabta jkunu superfiċjali. Fil-paġni tagħhom tal-Web, xi żgħażagħ jakkumulaw għadd taʼ kuntatti fuq l-Internet li qatt ma jkunu ltaqgħu magħhom wiċċ imbwiċċ, sempliċement biex jidhru popolari m’oħrajn li jżuru s-sit tagħhom. Fil-ktieb tagħha Generation MySpace, Candice Kelsey kitbet li dak li qed jiġri verament hu li “t-tfal qed jiġġudikaw kemm hu taʼ valur individwu bħala ħabib tagħhom minn kemm jingħoġob min-nies.” Hi żżid: “Meta jiġġudikaw in-nies skond il-lista taʼ kuntatti li jkollhom it-tfal isiru entitajiet mhux umani u titpoġġa pressjoni kbira ħafna fuqhom biex jippreżentaw ruħhom bi kwalunkwe mod li jagħmilhom iktar popolari.” Għalhekk, il-ktieb What in the World Are Your Kids Doing Online? jistaqsi l-mistoqsija valida: “Kif tistaʼ turi biċ-ċar lil uliedek li għandhom bżonn jiżviluppaw l-empatija u l-mogħdrija meta d-dinja elettronika tippermettilhom jiltaqgħu man-nies u jarmuhom mingħajr ma jinteressaw ruħhom fihom bħala individwi?”
Dawn is-sitt eżempji huma biss ftit mill-attivitajiet fuq l-Internet li jinteressaw liż-żgħażagħ illum. Jekk int ġenitur, x’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi lil uliedek mill-perikli li hemm fuq l-Internet?
[Nota taʼ taħt]
a Ħafna mis-siti u l-organizzazzjonijiet pro-ana jgħidu li ma jinkuraġġux l-anoreksja. Madankollu, xi wħud minnhom jippreżentaw l-anoreksja bħala għażla taʼ stil taʼ ħajja minflok bħala marda. Siti bħal dawn għandhom postijiet taʼ diskussjoni li jipprovdu informazzjoni dwar kif dak li jkun jistaʼ jaħbi kemm jiżen verament u dwar kif jistaʼ jaħbi mill-ġenituri drawwiet irregulari taʼ l-ikel.
[Kumment f’paġna 4]
Fl-Indja, iż-żjieda f’daqqa fl-ammont taʼ wħud li jużaw l-Internet—sa 54 fil-mija f’sena waħda biss—fil-maġġorparti hija minħabba ż-żgħażagħ
[Kumment f’paġna 7]
“Ġenitur għandu mnejn iħares lejn Web cam (kamera li tużaha fuq l-Internet) bħala mod faċli u li ma jiswiex flus kif uliedu jistgħu jikkomunikaw maʼ sħabhom jew mal-qraba, imma predatur iħares lejha bħala tieqa miftuħa fil-kamra tas-sodda tat-tfal.”—Robert S. Mueller III, direttur tad-Dipartiment Federali taʼ l-Investigazzjoni