Il-Ħarsa tal-Bibbja
Alla Kif Iħares Lejn l-Affarijiet li Jgħinuk Tagħti Qima?
L-għajnuniet fiżiċi biex titlob huma komuni fil-Buddiżmu, fil-Ħinduiżmu, fl-Islam, fil-Ġudaiżmu, fir-reliġjon Kattolika Rumana, u fir-reliġjon Ortodossa tal-Lvant. Għalhekk, ħafna miljuni taʼ nies kważi f’kull pajjiż jemmnu li affarijiet bħal dawn jgħinuhom jitolbu ’l Alla, jirbħu l-approvazzjoni tiegħu, jew jiksbu barkiet. Il-Bibbja x’tgħallem?
L-UŻU taʼ l-affarijiet li jgħinuk titlob imur lura eluf taʼ snin. Per eżempju, fil-post fejn kien hemm Ninwe tal-qedem, xi arkeoloġi sabu statwa taʼ “żewġ nisa bil-ġwienaħ bil-wieqfa quddiem is-siġra sagra f’pożizzjoni taʼ talb; huma . . . kellhom [f’idhom] ix-xellugija girlanda jew kuruna tar-Rużarju.”—The Catholic Encyclopedia.
X’inhu l-iskop tal-kuruni tar-Rużarju? L-istess enċiklopedija twieġeb: “Kulmeta kwalunkwe talba trid tiġi ripetuta għal ħafna drabi hemm it-tendenza li jintuża xi apparat mekkaniku li jagħmilha iktar faċli milli kieku l-individwu jkollu joqgħod jgħodd fuq is-swabaʼ.”
Ir-roti tat-talb jagħmluha saħansitra iktar faċli biex it-talb jiġi ripetut. Kull dawra tar-rota, sew jekk bl-id, bir-riħ, bl-ilma, jew bl-elettriku, titqies bħala li hi ekwivalenti għal talba. Ir-roti tat-talb spiss huma użati flimkien maʼ mantras—versi u inkanteżmi mistiċi. Ikkunsidra kif iħossu Alla dwar dawn l-affarijiet.
“Toqgħodx Tirripeti l-Istess Ħaġa”
Ġesù Kristu, li hu rikonoxxut bħala profeta t’Alla anki minn miljuni taʼ nies li m’humiex Kristjani, spjega l-ħarsa tal-Ħallieq lejn it-talb ripetut, billi qal: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-istess ħaġa, bħalma jagħmlu n-nies tal-ġnus, għax dawn jimmaġinaw li se jinstemgħu għax jużaw ħafna kliem.”a—Mattew 6:7.
Għalhekk, ladarba Alla ma japprovax li “tirripeti l-istess ħaġa,” huwa loġiku nikkonkludu li l-użu t’oġġetti simili bħala għajnuna għal talb ripetut m’huwiex aċċettabbli? Fi qbil maʼ dan, il-Bibbja ma ssemmix li xi qaddej leali taʼ l-Alla l-veru qatt uża xi kuruna tar-Rużarju, rota tat-talb, jew xi oġġett ieħor għall-qima. Ir-raġunijiet jidhru iktar ċari meta nifhmu x’inhu t-talb u x’inhu l-iskop tiegħu.
Talb li Jogħġob lil Alla
Fit-talba mudell taʼ Ġesù, hu rrefera speċifikament għal Alla bħala “Missierna.” Iva, il-Ħallieq tagħna m’huwiex xi esseri mbiegħed jew qawwa misterjuża li għandha tiġi msikkta minn xi inkanteżmu, ritwal, jew mantra. Minflok, hu Missier kollu mħabba, u jridna nirrikonoxxuh b’dan il-mod u nħobbuh. “Jien inħobb lill-Missier,” qal Ġesù. (Ġwanni 14:31) Profeta f’Israel tal-qedem qal: “O Ġeħova, int Missierna.”—Isaija 64:8.
Kif nistgħu nersqu qrib lejn Ġeħova bħala Missierna tas-sema? (Ġakbu 4:8) Bħal f’kull relazzjoni, aħna nersqu eqreb lejn Alla permezz taʼ komunikazzjoni miż-żewġ naħat. Alla “jkellimna” permezz tal-paġni tal-Bibbja—il-Kelma miktuba tiegħu—li fiha jirrivela l-attivitajiet, il-personalità, u l-iskop tiegħu għalina. (2 Timotju 3:16) Min-naħa l-oħra, aħna nitkellmu m’Alla permezz tat-talb, jew billi meta nkellmuh nuruh qima. M’għandniex xi ngħidu, talb bħal dan għandu jkun sinċier u intimu, mhux formali jew bħala rutina.
Ikkunsidra dan: Ġo familja magħquda u kollha mħabba, tfal li huma normali u intelliġenti kif se jikkomunikaw mal-ġenituri tagħhom? Se jgħidu l-istess kliem jew frażijiet b’mod ripetut, forsi billi jgħoddu r-ripetizzjonijiet permezz taʼ xi teknika? Dażgur li le! Minflok, dawn bis-sinċerità kollha se jitkellmu bis-sens u bir-rispett.
It-talb lil Alla tistaʼ tgħid li għandu jkun l-istess. Tabilħaqq, nistgħu nitkellmu maʼ Missierna tas-sema dwar kull ħaġa li tikkonċernana. Filippin 4:6, 7 jgħid: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla . . . tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom.” Naturalment, meta aħna nkunu ansjużi fuq xi ħaġa, jistaʼ jkun li nitolbu spiss dwar il-kwistjoni. Imma dan mhux l-istess bħal meta tirripeti xi ħaġa kelma b’kelma.—Mattew 7:7-11.
Il-Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ talb li jogħġob lil Alla, inkluż salmi, jew għanjiet, u talb li qalu Ġesù nnifsu.b (Salmi 17 u 86, sopraskrizzjonijiet; Luqa 10:21, 22; 22:40-44) Tistaʼ taqra waħda mit-talb taʼ Ġesù fi Ġwanni kapitlu 17. Ħu ftit minuti biex taqraha. Hekk kif tagħmel dan, innota kif Ġesù fetaħ qalbu m’Alla. Ukoll, osserva l-mod kif talab mingħajr egoiżmu—kif it-talb tiegħu rrifletta l-imħabba profonda tiegħu għas-segwaċi tiegħu. “Missier Qaddis,” qal hu, ‘ħarishom minħabba l-Ħażin,’ Satana.—Ġwanni 17:11, 15.
Jidher il-kliem taʼ Ġesù xi ftit formali jew mekkaniku? Dażgur li le! X’eżempju mill-aqwa ħallielna! Iva, dawk kollha li jridu jersqu lejn l-Alla l-veru għandhom isiru jafuh sew bħala individwu. Imbagħad, motivati mill-imħabba bbażata fuq dak l-għarfien, huma għandhom jiċħdu drawwiet u prattiċi reliġjużi li ma jogħġbux lil Alla. Lil uħud bħal dawn, Ġeħova jgħidilhom: “Inkun missier għalikom, u intom tkunu għalija wlied subien u bniet.”—2 Korintin 6:17, 18.
[Noti taʼ taħt]
a Fit-talba mudell, Ġesù ma qalx: “Mela, itolbu, din it-talba,” għaliex kieku kien jikkontradixxi dak li kien għadu kif qal. Minflok, hu qal: “Hekk, mela, itolbu,” jiġifieri b’dan il-mod. (Mattew 6:9-13) Liema lezzjoni kien qed jipprova jgħallem? Bħalma turi t-talba mudell, aħna għandna nagħtu prijorità lill-interessi spiritwali qabel dawk materjali.
b Għalkemm is-salmi kienu kantati f’diversi okkażjonijiet, dawn ma kinux jitlissnu ripetutament bħal xi mantra, lanqas ma kienu jintużaw f’ritwali li jinvolvu l-kuruni tar-Rużarju jew ir-roti tat-talb.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
◼ Jistaʼ l-parir taʼ Ġesù kontra t-talb ripetut japplika għall-użu tal-kuruni tar-Rużarju u r-roti tat-talb?—Mattew 6:7.
◼ It-talb tagħna x’għandu jikxef dwar kif inħarsu lejn Alla?—Isaija 64:8.
◼ Jekk niċħdu twemmin reliġjuż falz, Alla kif se jħares lejna?—2 Korintin 6:17, 18.