Dar Maqsuma—L-Impatt tad-Divorzju fuq l-Adoloxxenti
L-ESPERTI ħasbu li kienu jafu x’parir għandhom jagħtu. ‘Għandkom bżonn tiffokaw fuq l-hena tagħkom,’ huma taw parir lil ġenituri li kellhom żwiġijiet mimlijin inkwiet, u malajr żiedu: ‘Tinkwetawx dwar it-tfal. Jgħaddilhom malajr. Hu iktar faċli għalihom li jkampaw mad-divorzju milli jgħixu maʼ żewġ ġenituri li ma jistgħux jingwalawha maʼ xulxin!’
Madankollu, xi wħud li jagħtu l-pariri u li darba tgħidx kemm faħħru d-divorzju biddlu d-diska. ‘Id-divorzju hu gwerra,’ jgħidu huma issa. ‘La naħa u lanqas oħra ma titlaq mingħajr ma tweġġaʼ lin-naħa l-oħra; l-istess japplika għat-tfal.’
Il-Ħrafa li d-Divorzju Hu Faċli
L-istorja li ġejja tistaʼ tkun kummiedja popolari fuq it-TV. Il-missier u l-omm jiddivorzjaw. L-omm tieħu l-kustodja tat-tfal u mbagħad tiżżewweġ armel li għandu t-tfal tiegħu stess. Ġimgħa wara l-oħra l-familja mhix imlaqqgħa tajjeb tiffaċċja dilemma assurda waħda wara l-oħra—kull waħda minnhom solvuta fi 30 minuta eżatti b’sens t’umoriżmu spirtu pront matul il-kummiedja.
Forsi kummiedja bħal din fuq it-TV tkun tad-daħq. Imma d-divorzju fil-ħajja reali mhuwiex xi kummiedja. Għall-kuntrarju, il-proċess hu taʼ wġigħ. “Id-divorzju jinvolvi li tieħu azzjoni legali,” jikteb M. Gary Neuman fil-ktieb tiegħu Emotional Infidelity. “Xi ħadd itellaʼ l-qorti lil ħaddieħor. Malli tiddeċiedi li tiddivorzja, tkun qed iċċedi l-kontroll fuq uliedek. Iċċedi wkoll il-kontroll fuq il-finanzi tiegħek, u forsi saħansitra fejn se tgħix. Forsi tasal għal qbil fil-qorti, imma forsi ma tasalx. Fl-aħħar mill-aħħar, stranġier imsejjaħ imħallef jistaʼ jkun il-wieħed li jgħidlek kemm spiss se tara lil uliedek u kemm tistaʼ żżomm mill-flus tiegħek. Sfortunatament, dan l-istranġier ma jaħsibx eżattament bħalek.”
Spiss, id-divorzju sempliċement jibdel sett taʼ problemi maʼ sett ieħor. Tabilħaqq, kollox jistaʼ jitbiddel, mill-arranġamenti taʼ kif wieħed jgħix sal-istat finanzjarju—u x’aktarx mhux għall-aħjar. U mbagħad hemm l-impatt li d-divorzju għandu fuq it-tfal.
Id-Divorzju u l-Adoloxxenti
Id-divorzju jistaʼ jifnihom lit-tfal, hi x’inhi l-età tagħhom. Xi wħud isostnu li l-adoloxxenti jmorru aħjar. Huma jirraġunaw li wara kollox l-adoloxxenti huma iktar maturi u xorta waħda ftit baqgħalhom biex jisseparaw mill-ġenituri tagħhom. Madankollu, ir-riċerkaturi jaraw naħa waħda tal-munita. Huma sabu li minħabba dawn l-istess fatturi, id-divorzju l-agħar li jistaʼ jolqot hu lill-adoloxxenti.a Ikkunsidra dan li ġej:
◼ Hekk kif ikunu qed jikbru, l-adoloxxenti jkollhom nuqqas kbir taʼ sigurtà, forsi saħansitra iktar minn meta kienu tfal. Tħallix l-inklinazzjoni tagħhom lejn l-indipendenza tidħaq bik—l-adoloxxenti jeħtieġu l-ankra tal-istabbilità tal-familja iktar minn qatt qabel.
◼ F’dak l-istess żmien fil-ħajja, meta l-adoloxxenti jkunu qed jitgħallmu jagħmlu ħbiberiji maturi, id-divorzju jgħallimhom ikunu xettiċi dwar valuri bħalma huma l-fiduċja, il-lealtà, u l-imħabba. Iktar tard, bħala adulti, għandhom mnejn jevitaw għalkollox relazzjonijiet mill-qrib.
◼ Waqt li hu komuni li t-tfal taʼ kull età juru xi jkunu qed iħossu, hu iktar probabbli li l-adoloxxenti jagħmlu dan b’modi perikolużi, inkluż id-delinkwenza, l-abbuż tal-alkoħol, u l-abbuż tad-drogi.
B’dan ma rridux ngħidu li l-adoloxxenti li l-ġenituri tagħhom iddivorzjaw huma kundannati emozzjonalment jew xort’oħra. Huma jistgħu jirnexxu, speċjalment jekk ikollhom relazzjoni maż-żewġ ġenituri.b Madankollu, ma jkunx għaqli li taħseb li d-divorzju se jkun dejjem, bħalma xi wħud jistgħu jgħidu, ‘aħjar għat-tfal’ jew li se jtemm it-tensjoni kollha taʼ bejn il-miżżewġin. Fil-fatt, xi wħud sabu li jkollhom iktar iħabbtu wiċċhom mal-parti l-oħra fiż-żwieġ li hi “intollerabbli” wara d-divorzju milli qabel u dwar kwistjonijiet ferm iktar serji, bħalma huma l-appoġġ finanzjarju jew il-kustodja tat-tfal. F’każi bħal dawn, id-divorzju ma jtemmx il-problemi tal-familja; sempliċement jiħodhom fil-qorti.
It-Tielet Għażla
X’jiġri jekk qiegħed fi żwieġ mimli inkwiet u ħsibt dwar id-divorzju? Dan l-artiklu ppreżenta raġunijiet konvinċenti biex tikkunsidrahom mill-ġdid. Id-divorzju ma jsolvix il-problemi kollha fiż-żwieġ.
Imma tifhimx ħażin: It-tweġiba mhijiex li sempliċement tittollera żwieġ li jmur ħażin. Hemm għażla oħra—Jekk fiż-żwieġ tiegħek għandek l-inkwiet, għala ma taħdimx biex ittejbu? Twarrabx din l-idea bl-għaġla billi tgħid li l-problemi fiż-żwieġ tiegħek ma jistgħux jissolvew. Staqsi lilek innifsek dawn il-mistoqsijiet:
◼ ‘Liema kwalitajiet għall-ewwel ġibduni lejn il-parti l-oħra fiż-żwieġ? M’għadhomx hemm, sa ċertu punt, dawn il-kwalitajiet?’—Proverbji 31:10, 29.
◼ ‘Jistgħu s-sentimenti li kelli qabel iż-żwieġ jerġgħu jitkebbsu?’—L-Għanja taʼ Salamun 2:2; 4:7.
◼ ‘Minkejja dak li għamlet il-parti l-oħra fiż-żwieġ, x’nistaʼ nagħmel jien biex napplika s-suġġerimenti misjubin f’paġni 3 sa 9 taʼ din ir-rivista?’—Rumani 12:18.
◼ ‘Nistaʼ nispjega lill-parti l-oħra fiż-żwieġ (wiċċ imb wiċċ jew bil-kitba) sempliċement kif nixtieq li titjieb ir-relazzjoni tagħna?’—Ġob 10:1.
◼ ‘Nistgħu noqogħdu bilqiegħda maʼ ħabib matur li jistaʼ jgħinna nagħmlu miri realistiċi biex intejbu ż-żwieġ tagħna?’—Proverbji 27:17.
Il-Bibbja tgħid: “Min hu prudenti jqis il-passi tiegħu.” (Proverbji 14:15) Dan il-prinċipju ma japplikax biss meta tkun qed tagħżel lil min se tiżżewweġ imma wkoll meta tikkunsidra x’għandek tagħmel dwar relazzjoni fiż-żwieġ li qed teħżien. Tabilħaqq, bħalma tistaʼ tara f’paġna 9 taʼ din ir-rivista, familji li jirnexxu jkollhom il-problemi wkoll—id-differenza qiegħda fil-mod kif jittrattawhom.
Biex nagħtu tixbiha: Immaġina li tlaqt fuq vjaġġ twil bil-karozza. Żgur li se tiltaqaʼ mal-problemi int u sejjer, inkluż maltemp qalil, traffiku ġġammjat, u barrikati. Kultant, tistaʼ saħansitra tintilef. X’se tagħmel? Iddur u tmur lura jew issib mod kif tegħleb l-ostaklu u tibqaʼ sejjer? Dakinhar li żżewwiġt, int tlaqt fuq vjaġġ li żgur kellu jkollu l-problemi tiegħu, għax il-Bibbja tgħid li “dawk li jiżżewġu jkollhom l-uġigħ u n-niket.” (1 Korintin 7:28, The New English Bible) Il-mistoqsija mhijiex jekk ikollokx problemi imma kif se tiffaċċjahom meta jkollok. Tistaʼ ssib mod kif tegħleb l-ostaklu u tibqaʼ sejjer? Anki jekk tħoss li m’hemm ebda tama għaż-żwieġ tiegħek, se tipprova tikseb l-għajnuna?—Ġakbu 5:14.
Istituzzjoni Divina
Iż-żwieġ hu istituzzjoni divina u għandu jittieħed bis-serjetà kollha. (Ġenesi 2:24) Meta l-problemi jkunu jidhru li ma tistax issib tarfhom, ftakar il-punti diskussi f’dan l-artiklu.
1. Ipprova erġaʼ kebbes l-imħabba li darba ħassejt.—L-Għanja taʼ Salamun 8:6.
2. Iddeċiedi x’tistaʼ tagħmel int biex tagħmel iż-żwieġ tiegħek aħjar, u mbagħad agħmlu.—Ġakbu 1:22.
3. B’mod ċar imma b’rispett għid lill-parti l-oħra fiż-żwieġ—jew wiċċ imb wiċċ jew bil-kitba—liema titjib tħoss li jeħtieġ isir fiż-żwieġ.—Ġob 7:11.
4. Ikseb l-għajnuna. M’għandekx għalfejn issalva ż-żwieġ tiegħek waħdek!
[Noti taʼ taħt]
a Dan l-artiklu jiffoka fuq l-adoloxxenti, imma d-divorzju jeffettwa lit-tfal żgħar ukoll. Għal iktar informazzjoni, ara l-ħarġiet tal-Awake! tat-8 taʼ Diċembru, 1997, paġni 3-12, u tat-22 t’April, 1991, paġni 3-11.
b Irridu nammettu li dan ma jkunx dejjem possibbli, speċjalment jekk ġenitur ikun abbanduna lill-familja jew ikun b’xi mod ieħor irresponsabbli b’mod ovvju jew saħansitra perikoluż.—1 Timotju 5:8.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 19]
‘DIN ID-DARBA JIRNEXXILI’
Xi studji juru li t-tieni żwiġijiet għandhom rata iktar għolja taʼ falliment mill-ewwel żwiġijiet, u t-tielet żwiġijiet imorru saħansitra agħar. Fil-ktieb tiegħu Emotional Infidelity, M. Gary Neuman jindika raġuni waħda għal dan. “Jekk ikollok xi diffikultajiet fl-ewwel żwieġ tiegħek,” jikteb hu, “ma jkunx għaliex għamilt għażla ħażina dwar lil min iżżewwiġt. Il-problema hija int. Int sirt tħobb lil din il-persuna. Int ħdimt maʼ din il-persuna biex toħloq kulma għandek jew m’għandekx.” X’inhi l-konklużjoni taʼ Neuman? “Ikun aħjar li teħles mill-problema u żżomm il-parti l-oħra fiż-żwieġ milli teħles mill-parti l-oħra fiż-żwieġ u żżomm il-problema.”
[Kaxxa f’paġna 21]
JEKK ŻWIEĠ JINTEMM
Il-Bibbja tirrikonoxxi li ċirkustanzi estremi jistgħu jwasslu għad-divorzju.c Jekk dan hu l-każ fil-familja tiegħek, kif tistaʼ tgħinhom ikampaw lit-tfal adoloxxenti tiegħek?
Għid lill-adoloxxenti tiegħek x’inhu jiġri. Jekk inhu possibbli, iż-żewġ ġenituri għandhom jagħmlu dan. Flimkien, ħallu l-adoloxxenti tagħkom ikun jaf li d-deċiżjoni biex tiddivorzjaw hi finali. Assigurawh li m’għandux ħtija u li se jkompli jkun maħbub miż-żewġ ġenituri.
Itlaq mill-kamp tal-battalja—il-gwerra spiċċat. Xi ġenituri jibqgħu jiġġieldu, ħafna wara d-divorzju. Huma jsiru, kif ipoġġiha wieħed espert, “divorzjati legalment imma għadhom ġellieda konnessi emozzjonalment li ma kellhomx il-ħila jaslu għal qbil paċifiku.” Dan mhux biss iċaħħad lill-adoloxxenti mill-ġenituri tagħhom—ladarba l-missier u l-omm dejjem jidhru li huma maqbudin f’konflitt jew ieħor—imma wkoll jinkuraġġihom biex iġelldu lil ġenitur kontra l-ieħor sabiex jieħdu dak li jridu. Pereżempju, tifel jistaʼ jgħid lil ommu: “Missieri jħallini ndum barra kemm irrid. Int għala ma tħallinix?” Billi ma tkunx trid li binha jmur fil-“kamp tal-għadu,” l-omm iċċedi.
Ħalli lill-adoloxxenti tiegħek jitkellem. L-adoloxxenti għandhom mnejn jirraġunaw, ‘Jekk il-ġenituri tiegħi m’għadhomx iħobbu lil xulxin, għandhom mnejn ma jibqgħux iħobbu lili’ jew ‘Jekk il-ġenituri tiegħi kisru r-regoli, jien għala ma nistax niksirhom?’ Biex ittaffi l-biżaʼ tal-adoloxxenti tiegħek u biex tikkoreġi l-irraġunar żbaljat, agħtih ħafna opportunitajiet biex jitkellem. Imma oqgħod attent: Tibdilx l-irwoli u tfittixx lill-adoloxxenti tiegħek għal appoġġ emozzjonali. Dan hu ibnek, mhux il-ħabib tal-qalb tiegħek.
Inkuraġġixxi lill-adoloxxenti biex ikollu relazzjoni tajba mal-eks raġel jew l-eks mara tiegħek. Il-persuna li ddivorzjajt m’għadhiex is-sieħba fiż-żwieġ tiegħek imma għadha omm ibnek. Diskors kontra dik il-persuna jagħmel il-ħsara. Il-ktieb Teens in Turmoil—A Path to Change for Parents, Adolescents, and Their Families jgħid: “Jekk il-ġenituri jagħżlu li jużaw lil uliedhom bħala arma fil-kamp tal-battalja tad-divorzju, huma għandhom jistennew li jaħsdu dak li jiżirgħu.”
Ħu ħsieb tiegħek innifsek. Kultant, se tħossok li ma tiflaħx iżjed. Imma ċċedix. Żomm rutina tajba. Jekk int Kristjan, ibqaʼ involvi ruħek f’attivitajiet spiritwali. Meta tagħmel hekk, int u l-adoloxxenti tiegħek se tiġu megħjunin iżżommu l-bilanċ.—Salm 18:2; Mattew 28:19, 20; Ebrej 10:24, 25.
[Nota taʼ taħt]
c Skont il-Bibbja, huma biss ir-relazzjonijiet sesswali barra ż-żwieġ li jipprovdu bażi adegwata biex jintemm żwieġ, bl-opportunità li dak li jkun jerġaʼ jiżżewweġ. (Mattew 19:9) Jekk ikun hemm l-infedeltà, jiddependi mill-parti innoċenti—mhux mill-membri tal-familja jew oħrajn—biex tiddeċiedi jekk id-divorzju jkunx l-aħjar għażla.—Galatin 6:5.
[Stampa f’paġna 20]
Aħdem biex iżżomm l-impenn li għamilt dakinhar tat-tieġ tiegħek
[Stampa f’paġna 21]
Jekk għandek parti mill-kustodja, inkuraġġixxi lill-adoloxxenti tiegħek biex ikollu relazzjoni tajba mal-eks raġel jew l-eks mara tiegħek