L-1 Suġġeriment—Kul bil-Għaqal
“Kul ikel. Tikolx iżżejjed. Kul l-iktar ħaxix.” B’dan il-ftit kliem, l-awtur Michael Pollan jiġbor parir sempliċi dwar id-dieta li hu bbażat fuq l-esperjenza. X’ried ifisser b’dan il-kliem?
◯ Kul ikel frisk. Kul ikel “taʼ veru”—ikel magħmul minn qamħ sħiħ, ikel frisk li n-nies ilhom jieklu għal eluf taʼ snin—minflok ikel proċessat li nsibu llum il-ġurnata. Ikel li tixtri minn barra, li jkun imsajjar u lest, kif ukoll ikel li tiekol minn restoranti tal-fast food, normalment ikun fih livelli għoljin taʼ zokkor, melħ, u xaħam. Dawn l-ingredjenti huma assoċjati maʼ mard tal-qalb, puplesija, kanċer, u mard serju ieħor. Meta tkun qed issajjar, minflok taqli pprova sajjar fuq il-fwar, aħmi, u ixwi. Ipprova uża iktar ħwawar sabiex tnaqqas mill-melħ. Kun ċert li l-laħam ikun misjur sew, u qatt tiekol ikel li jkun ħżien.
◯ Tikolx iżżejjed. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrapporta żieda allarmanti madwar id-dinja fir-rata taʼ nies b’piż żejjed jew li għandhom problema t’obeżità. Dan spiss hu r-riżultat taʼ ikel żejjed. Fi studju li sar instab li f’xi partijiet tal-Afrika, “hemm iktar tfal li għandhom piż żejjed milli tfal li huma malnutriti.” Tfal li jkollhom problema taʼ obeżità jkunu f’riskju li jkollhom problemi taʼ saħħa, inkluż id-dijabete, kemm issa u kemm fil-futur. Ġenituri, agħtu eżempju tajjeb lil uliedkom billi tillimitaw il-porzjonijiet tagħkom stess.
◯ Kul l-iktar ħaxix. Ikla bilanċjata jkun fiha iktar varjetà taʼ frott, ħaxix, u ikel magħmul minn qamħ sħiħ milli ikel bil-lamtu bħal, pereżempju, patata, ross, ħobż, u għaġin. Darba jew darbtejn fil-ġimgħa pprova kul ħut minflok laħam. Naqqas l-ikel irfinut bħalma hu l-għaġin, il-ħobż abjad, u r-ross abjad għax ħafna min-nutriment tagħhom ikun intilef. Iżda evita dieti popolari li jistgħu jkunu taʼ periklu. Ġenituri, ipproteġu s-saħħa taʼ wliedkom billi tgħinuhom jibdew iħobbu ikel sustanzjuż. Pereżempju, jekk ikunu jridu jieklu xi ħaġa ħafifa bejn ikla u oħra, agħtuhom ġewż, frott frisk li jkun maħsul sew, u ħaxix, minflok xi pakkett krisps jew ħelu.
◯ Ixrob ħafna likwidi. L-adulti u t-tfal għandhom bżonn jixorbu kuljum ħafna ilma u likwidi oħrajn li ma jkunx fihom zokkor. Ixrob iktar meta t-temp ikun sħun u meta tkun qed tagħmel xi xogħol taʼ strapazz u eżerċizzju. Dawn il-likwidi jgħinuk fid-diġestjoni, inaddfulek ġismek minn elementi tossiċi, jgħinuk biex ikollok ġilda aħjar, u biex titlef il-piż. Dawn jgħinuk tħossok u tidher aħjar. Evita li tixrob ammont eċċessiv t’alkoħol u ħafna xorb li jkun fih iz-zokkor. Flixkun luminata kuljum jistaʼ jżidlek kważi 7 kilogrammi f’sena mal-piż tiegħek.
F’xi pajjiżi, tistaʼ tkun biċċa xogħol iebsa u li tiswa ħafna flus li tikseb ilma nadif. Madankollu, hu vitali li tixrob. Ilma kontaminat ikollu bżonn jitgħalla jew jiġi purifikat b’xi kimiċi. Jingħad li l-ilma maħmuġ joqtol iktar nies mill-gwerer u mit-terremoti. Fil-fatt, hu rrapportat li joqtol 4,000 tifel u tifla kuljum. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tissuġġerixxi li t-trabi jingħataw biss ħalib tal-omm matul l-ewwel sitt xhur taʼ ħajjithom. Imbagħad, minn tal-inqas sal-età taʼ sentejn, jingħataw il-ħalib tal-omm, flimkien maʼ xi ikel ieħor.