LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g16 Nru. 2 pp. 3-7
  • Hi l-Bibbja sempliċement ktieb tajjeb?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hi l-Bibbja sempliċement ktieb tajjeb?
  • Stenbaħ!—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Bibbja tagħti dehen morali u spiritwali
  • Il-​Bibbja tispjega għala l-​bnedmin ibatu u jiġġieldu
  • Il-​Bibbja tagħti tama
  • X’Inhu Tajjeb u Ħażin: Dak li Tgħid il-Bibbja Nistgħu Nafdaw
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2024
  • Tagħlim Veru li Jogħġob lil Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sors Uniku taʼ Għerf Superjuri
    X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
  • “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
    “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2016
g16 Nru. 2 pp. 3-7
Raġel jaqra l-Bibbja

SUĠĠETT PRINĊIPALI

Hi l-​Bibbja sempliċement ktieb tajjeb?

Il-​Bibbja tlestiet xi elfejn sena ilu. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, numru bla għadd taʼ kotba nkitbu u ntesew. Imma mhux il-​Bibbja. Ikkunsidra dan li ġej.

  • Il-​Bibbja għaddiet minn ħafna attakki feroċi minn nies fil-​poter. Pereżempju, matul il-​Medju Evu, f’ċerti pajjiżi “Kristjani,” “li wieħed ikollu u jaqra l-​Bibbja fil-​vernakolu [il-​lingwa tan-​nies komuni] beda jiġi assoċjat iktar u iktar mal-​ereżija u n-​nuqqas taʼ qbil,” jgħid il-​ktieb An Introduction to the Medieval Bible. L-​iskulari li qalbu l-​Bibbja għall-​vernakolu jew li ħeġġew l-​istudju tal-​Bibbja ssograw ħajjithom. Uħud minnhom ġew maqtulin.

  • Minkejja l-​ħafna għedewwa tagħha, il-​Bibbja saret—u għadha—l-​iktar ktieb li tqassam fl-​istorja kollha. Hu stmat li ġew stampati xi ħames biljun kopja tal-​Bibbja kompluta jew partijiet minnha f’iżjed minn 2,800 lingwa. Dan hu kuntrast kbir meta mqabbel maʼ kotba dwar il-​filosofija, xjenza u oqsma simili, li jistaʼ jkollhom distribuzzjoni limitata u li jitilfu l-​valur tagħhom malajr.

  • Il-​Bibbja għenet biex ċerti lingwi li fihom ġiet tradotta jiġu ppreservati u żviluppati. It-​traduzzjoni bil-​Ġermaniż minn Martin Luther kellha influwenza kbira fuq dik il-​lingwa. L-​ewwel edizzjoni tal-​King James Version ġiet deskritta bħala “aktarx l-​iżjed ktieb li effettwa” l-​lingwa Ingliża.

  • Il-​Bibbja “effettwat profondament il-​kultura tal-​Punent, u b’hekk influwenzat l-​arti, il-​letteratura, il-​liġi, il-​politika, u l-​ħafna oqsma oħra minbarra t-​twemmin u l-​prattiki reliġjużi.” —The Oxford Encyclopedia of the Books of the Bible.

Dawn huma biss ftit mill-​fatti li jagħmlu l-​Bibbja differenti. Imma għala hi tant popolari? Għala ssograw ħajjithom għaliha n-​nies? Il-​ħafna raġunijiet jinkludu dan li ġej: Il-​Bibbja fiha tagħlim morali u spiritwali li jirrifletti għerf tal-​għaġeb. Il-​Bibbja tgħinna nifhmu l-​kaġun ewlieni għala l-​bnedmin ibatu u jiġġieldu. Iżjed minn hekk, twiegħed tmiem għal dawn il-​problemi, saħansitra turi kif dan se jseħħ.

FATTI INTERESSANTI

Bibbja miftuħa

Il-Bibbja hi magħmula minn 66 ktieb; dan il-​volum sagru tlesta f’perijodu taʼ madwar 1,600 sena.

Il-​Bibbja ġiet miktuba minn madwar 40 segretarju jew skrib uman, li wħud minnhom kienu wkoll bdiewa, sajjieda, imħallfin, slaten, u mużiċisti.

It-​tema prinċipali tal-​Bibbja hi s-​Saltna t’Alla, gvern fis-​sema li se jmexxi għal fuq l-​art. (Danjel 2:44; 7:13, 14) Is-​Saltna se tneħħi l-​ħażen, it-​tbatija, u l-​mewt billi tgħaqqad il-​bnedmin taħt is-​Sovran tagħna bi dritt—il-​Ħallieq, Alla Ġeħova. —1 Korintin 15:24-​26.

Il-​Bibbja tagħti dehen morali u spiritwali

L-​edukazzjoni sekulari hi importanti. Imma “edukazzjoni . . . li tpoġġi l-​ittri wara ismek . . . mhix garanzija taʼ intelliġenza morali,” qal editorjal tal-​gazzetta Kanadiża Ottawa Citizen. Tabilħaqq, ħafna nies taʼ skola għolja—inkluż mexxejja fin-​negozju u fil-​gvern—jiċċijtjaw, jingannaw, u jisirqu, u dan iwassal għal “kriżi serja fil-​fiduċja,” skont studju globali li sar minn Edelman, kumpanija taʼ relazzjonijiet pubbliċi.

Il-​Bibbja tiffoka fuq edukazzjoni morali u spiritwali. Tagħti dehen fis-​“sewwa u l-​ġustizzja u dak li hu rett, kulma għandek tagħmel biex timxi tajjeb.” (Proverbji 2:9) Biex nagħtu eżempju, raġel taʼ 23 sena, li se nsejħulu Stephen, kien priġunier fil-​Polonja. Waqt li kien il-​ħabs, beda jistudja l-​Bibbja u japprezza l-​pariri prattiċi tagħha. Hu kiteb: “Issa nifhem x’jiġifieri li ‘tonora lil missierek u lil ommok.’ Tgħallimt ukoll nikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħi, speċjalment ir-​rabja żejda.”—Efesin 4:31; 6:2.

Prinċipju li niżżel f’qalbu Stephen hu dak misjub fi Proverbji 19:11: “Id-​dehen taʼ bniedem itaffilu r-​rabja tiegħu, u hija ħaġa sabiħa min-​naħa tiegħu li jħalli nuqqas għaddej.” Issa, meta Stephen iħabbat wiċċu maʼ sitwazzjoni taʼ sfida, jipprova janalizzaha bil-​kalma u jipprova japplika l-​prinċipji Bibliċi rilevanti. “Sibt li l-​Bibbja hi l-​aqwa ktieb gwida,” qal hu.

Maria, li hi waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, ġiet insultata fil-​pubbliku minn mara preġudikata, li qajmet għagħa ġmielha. Imma minflok ma rritaljat, Maria baqgħet miexja bil-​kalma. Imbagħad il-​mara l-​oħra ddispjaċieha minħabba l-​aġir tagħha u fittxet lix-​Xhieda. Xi xahar wara, meta fl-​aħħar reġgħet rat lil Maria, għannqitha u talbet maħfra. Iżjed minn hekk, għarfet tajjeb li l-​ħlewwa u r-​rażan taʼ Maria rriflettew it-​twemmin tagħha. Ir-​riżultat? Dik li darba kienet preġudikata u ħames membri tal-​familja tagħha ddeċidew li jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova.

L-​għerf jintwera li hu sewwa mir-​riżultati tiegħu, qal Ġesù Kristu. (Luqa 7:35) Għalhekk, hemm ħafna provi li l-​prinċipji Bibliċi jaħdmu! Jgħinuna nkunu nies aħjar. Huma ‘jagħtu l-​għerf lil min hu bla esperjenza,’ “iferrħu l-​qalb,” u ‘jdawlu l-​għajnejn’ b’ċarezza morali u spiritwali.—Salm 19:7, 8.

Il-​Bibbja tispjega għala l-​bnedmin ibatu u jiġġieldu

Meta l-​investigaturi jistudjaw epidemija taʼ mard, jipprovaw isiru jafu xi kkaġunaha—minn fejn bdiet. L-​istess prinċipju japplika biex tifhem il-​“pjaga” tat-​tbatija u n-​nuqqas taʼ qbil fost il-​bnedmin. Għal darb’oħra, il-​Bibbja tipprovdi għajnuna liema bħalha, għax fiha hemm dokumentat l-​iktar storja bikrija tagħna, iż-​żmien meta beda l-​inkwiet tagħna.

Il-​ktieb tal-​Ġenesi jirrivela li l-​problemi tal-​bnedmin bdew meta l-​ewwel umani rribellaw kontra Alla. Fost affarijiet oħra, għażlu li jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin—dritt li jappartjeni biss lill-​Ħallieq tagħna. (Ġenesi 3:1-​7) B’dispjaċir, minn dak iż-​żmien ’l hawn, in-​nies in ġenerali adottaw l-​istess ħsieb indipendenti. Ir-​riżultati? L-​istorja umana hi waħda taʼ konflitt, oppressjoni, u nuqqas taʼ qbil morali u spiritwali, u mhux taʼ ħelsien u kuntentizza. (Ekkleżjasti 8:9) Bir-​raġun li l-​Bibbja tgħid: ‘Il-​bniedem . . . ma jistax jidderieġi l-​passi tiegħu.’ (Ġeremija 10:23) L-​aħbar it-​tajba hi li l-​esperiment diżastruż tal-​bniedem bl-​indipendenza morali wasal fi tmiemu.

Il-​Bibbja tagħti tama

Il-​Bibbja tassigurana li minħabba l-​imħabba li Alla għandu lejn dawk li jirrispettaw l-​awtorità u l-​livelli tiegħu, mhux se jittollera għal dejjem il-​ħażen u t-​tbatija li dan jikkaġuna. Dawk mill-​agħar “jieklu minn frott triqithom.” (Proverbji 1:30, 31) Mill-​banda l-​oħra, “il-​ġwejdin se jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” —Salm 37:11.

Bibbja miftuħa ħdejn kikkra kafè

“[Alla] jrid li bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità.”—1 Timotju 2:3, 4

Alla se jwettaq l-​iskop tiegħu għal art paċifika permezz “tas-​saltna t’Alla.” (Luqa 4:43) Din is-​Saltna hi gvern fuq id-​dinja kollha, u permezz tagħha Alla se jesprimi s-​sovranità li bi dritt għandu fuq l-​umanità. Ġesù assoċja s-​Saltna mal-​art tagħna, meta qal fit-​talba mudell tiegħu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int . . . fuq l-​art.”—Mattew 6:10.

Iva, is-​sudditi tas-​Saltna t’Alla se jagħmlu r-​rieda t’Alla, u jirrikonoxxu l-​Ħallieq—mhux kwalunkwe bniedem—bħala Mexxej bi dritt. Il-​korruzzjoni, ir-​regħba, l-​iżbilanċ ekonomiku, il-​preġudizzju razzjali, u l-​gwerer se jispiċċaw. Se jkun hawn letteralment dinja waħda, gvern wieħed, u livell morali u spiritwali wieħed.—Rivelazzjoni 11:15.

Is-​sigriet biex tara d-​dinja l-​ġdida hu l-​edukazzjoni. “[Alla] jrid li l-​bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità,” jgħid l-​1 Timotju 2:3, 4. Din il-​verità tinkludi t-​tagħlim tal-​Bibbja dwar dak li nistgħu nsejħu l-​kostituzzjoni tas-​Saltna—il-​liġijiet u l-​prinċipji li bihom se tmexxi, li eżempji tagħhom jistgħu jinstabu fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja li ta Ġesù Kristu. (Mattew, kapitli 5-​7) Meta taqra dawn it-​tliet kapitli, ipprova immaġina kif se tkun il-​ħajja meta kulħadd japplika l-​għerf taʼ Ġesù.

Għandna nkunu sorpriżi li l-​Bibbja hija l-​iktar ktieb imqassam madwar id-​dinja? Dażgur li le! It-​tagħlim tagħha għandu l-​karatteristika taʼ ispirazzjoni divina. U l-​fatt li hi mqassma mad-​dinja kollha jirrifletti x-​xewqa t’Alla li nies taʼ kull lingwa u nazzjon jitgħallmu dwaru u jibbenefikaw mill-​barkiet li s-​Saltna tiegħu se ġġib. —Atti 10:34, 35.

Is-sema bl-istilel

Il-Bibbja tgħid li s-smewwiet huma mmexxijin minn liġijiet

KTIEB LI JIKXEF IS-​SUPERSTIZZJONI

Nies tal-​qedem “kienu jemmnu li l-​univers kien ikkontrollat minn allat li jagħmlu li jfettlilhom,” tgħid l-​Encyclopedia of Science and Religion. Madankollu, il-​Bibbja tgħid li l-​univers huwa mmexxi minn liġijiet fiżiċi. Pereżempju, madwar 3,500 sena ilu, il-​Bibbja rreferiet għall-​“istatuti tas-​smewwiet [u] l-​art.” (Ġob 38:33) F’​Ġeremija 31:35 issemmi “l-​qamar u l-​kwiekeb bl-​istatuti tagħhom.” Nies li aċċettaw din il-​ħarsa kollha għerf kienu protetti minn qima falza u superstizzjoni.—Ġob 31:26-​28; Isaija 47:1, 13.

KTIEB LI HU ONEST

Kwalità li tiġbdek ħafna tal-​kittieba tal-​Bibbja hi l-​onestà tagħhom—anke meta jitkellmu dwar in-​nuqqasijiet tagħhom stess. Pereżempju, wara li s-​Sultan David ikkommetta adulterju maʼ mara jisimha Batxeba, hu stqarr mingħajr ħabi: ‘Dak li hu ħażin f’għajnejn [Alla] għamilt.’ (Salm 51:4) L-​appostlu Ġwanni ammetta li darbtejn inxteħet fl-​art biex iqim anġlu. L-​anġlu wieġeb: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! . . . Qim lil Alla!” (Rivelazzjoni 19:10; 22:8, 9) Sinċerità bħal din, li b’sogħba hi nieqsa minn skribi tal-​qedem, hi tipika taʼ kittieba Bibliċi.

KTIEB LI JIPPROMWOVI S-​SAĦĦA MENTALI

Il-​Bibbja tinkuraġġina biex nikkultivaw kwalitajiet li jwasslu għal saħħa mentali tajba, kwalitajiet bħall-​mogħdrija u l-​maħfra. “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-​qalb,” jgħid Efesin 4:32.

Skont pubblikazzjoni tal-​Mayo Clinic, fl-​Istati Uniti, “jekk ma tidrax taħfer, tistaʼ tkun int li se tweġġaʼ lilek innifsek.” L-​artiklu jispjega li meta taħfer jistaʼ jkollok “relazzjonijiet iktar b’saħħithom; iktar saħħa spiritwali u psikoloġika; inqas ansjetà, stress, u ostilità; pressjoni tad-​demm iktar baxxa; inqas sintomi taʼ dipressjoni; u riskju iktar baxx taʼ abbuż tal-​alkoħol u tad-​droga.”

KTIEB LI JITKELLEM DWAR MISTOQSIJIET IMPORTANTI TAL-​ĦAJJA

Embriju uman

Embriju uman

Ix-​xjenza għandha tweġibiet għal kull tip taʼ mistoqsija. Imma x-​xjenza, għalkemm hi informattiva, hi limitata. Il-​ktieb Biotechnology—Changing Life Through Science jistqarr: “Il-​biċċa l-​kbira tax-​xjentisti, tobba, u filosfi jaqblu li x-​xjenza ma tistax twieġeb mistoqsijiet etiċi, morali, jew reliġjużi.”

  • IX-​XJENZA TISTAʼ tagħtina formuli matematiċi għal liġijiet li jmexxu l-​univers, imma x-​xjenza ma tistax tgħidilna għala l-​univers jeżisti jew għala hu mmexxi minn liġijiet preċiżi.

  • IX-​XJENZA TISTAʼ tispjega kif jaħdmu l-​organi riproduttivi, imma ma tistax tispjega l-​moralità sesswali.

  • IX-​XJENZA TISTAʼ tiddeskrivi l-​iżvilupp taʼ embriju uman, imma ma tistax tieħu deċiżjonijiet morali fuq id-​dritt għall-​ħajja taʼ embriju.

Il-​Bibbja titkellem dwar dan u ħafna mistoqsijiet oħra importanti, u b’hekk tgħinna ‘nifhmu s-​sewwa u l-​ġustizzja u dak li hu rett, kulma għandna nagħmlu biex nimxu tajjeb.’—Proverbji 2:9.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja