Mara għaqlija tirrispetta l-kuxjenza tagħha
IL-ĦARSA TAL-BIBBJA
L-abort
Kull sena, iktar minn ħamsin miljun tarbija fil-ġuf tintemmilhom ħajjithom permezz t’abort—ammont li hu akbar mill-popolazzjoni taʼ ħafna pajjiżi.
Hija għażla personali jew kwistjoni morali?
DAK LI JGĦIDU N-NIES
In-nisa jagħmlu abort minħabba raġunijiet differenti. Fost ir-raġunijiet hemm problemi ekonomiċi, problemi maʼ tal-familja, ix-xewqa li jkollhom iktar libertà biex ikunu jistgħu jistudjaw jew biex ikollhom karriera, jew ma jkunux iridu jrabbu t-tarbija waħedhom. Madankollu, oħrajn jikkunsidraw l-abort bħala xi ħaġa ħażina moralment—abbuż mill-fiduċja li tingħata lil mara tqila.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
F’għajnejn Alla, il-ħajja—b’mod partikulari l-ħajja tal-bniedem—hi sagra. (Ġenesi 9:6; Salm 36:9) Dan il-prinċipju japplika għal tarbija li tikber fil-ġuf, li Alla ddisinjah biex ikun post taʼ protezzjoni għat-tarbija li tkun qed tiżviluppa. “Int żammejtni mistur f’żaqq ommi,” qal kittieb Bibliku. Hu żied jgħid: “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi, dwar iż-żmien meta ġew ifformati.”—Salm 139:13, 16.
Il-ħarsa t’Alla dwar il-ħajja taʼ tarbija fil-ġuf tinsab ukoll fil-Liġi li hu ta lill-ġens tal-Iżrael u fil-kuxjenza li tana. Il-Liġi t’Alla kienet tgħid li individwu li jattakka mara tqila u joqtol lit-tarbija f’ġufha kellu jingħata l-piena tal-mewt—il-qattiel kellu jħallas ħajja b’ħajja. (Eżodu 21:22, 23) Ovvjament, l-imħallfin kellhom jikkunsidraw il-mottivi u ċ-ċirkustanzi.—Numri 35:22-24, 31.
In-nies għandhom ukoll kuxjenza. Meta mara tagħti kas il-kuxjenza, jew il-vuċi ġewwinija, tagħha billi tirrispetta l-ħajja tat-tarbija f’ġufha, il-kuxjenza tagħha ma tniggiżhiex.a Mill-banda l-oħra, jekk tinjoraha, tistaʼ mhux biss tniggiżha imma anki tikkundannaha. (Rumani 2:14, 15) Fil-fatt, ir-riċerka turi li n-nisa li jagħmlu abort ikollhom ukoll riskju akbar taʼ ansjetà u dipressjoni.
Imma xi ngħidu jekk li trabbi tarbija jidher diffiċli wisq, speċjalment jekk it-tqala ma tkunx ippjanata? Innota l-wegħda assiguranti li Alla wiegħed lil dawk li jgħixu mal-livelli tiegħu: “Ma’ min hu tajjeb inti timxi bit-tajjeb, maʼ min hu bla ħtija inti timxi bla ħtija.” (Salm 18:26, Il-Bibbja, Għaqda Biblika Maltija) Naqraw ukoll: “Ġeħova jħobb il-ġustizzja, u lil-leali tiegħu ma jitlaqhomx.”—Salm 37:28.
“Il-kuxjenza tagħhom qed tixhed magħhom u, fi ħsibijiethom stess, qed jiġu akkużati jew skużati.”—Rumani 2:15.
Xi ngħidu jekk għamilt abort?
DAK LI JGĦIDU N-NIES
Ruth, omm waħedha, qalet: “Diġà kelli tlett itfal żgħar u ħassejt li ma stajtx nieħu ħsieb erbgħa. Madankollu, wara li għamilt abort, ħassejt li kont għamilt xi ħaġa orribbli.”b Imma għamlet hi xi ħaġa li Alla ma jistax jaħfer?
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
Ġesù Kristu kellu l-istess ħsieb t’Alla meta qal: “Ma ġejtx insejjaħ lin-nies sewwa imma lill-midinbin għall-indiema.” (Luqa 5:32) Iva, meta verament jiddispjaċina għal dnub li nkunu għamilna u nindmu, u nitolbu ’l Alla biex jaħfrilna, hu jagħmel dan minn qalbu—anki jekk ikunu dnubiet serji. (Isaija 1:18) “Qalb maqsuma u mgħaffġa, O Alla, int ma tistmerrhiex,” jgħid Salm 51:17.
Apparti kuxjenza nadifa, Alla lil dak li jindem jagħtih ukoll il-paċi tal-moħħ dment li jdur lejh bit-talb b’mod umli. “B’talb u b’suppliki flimkien maʼ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom,” jgħid Filippin 4:6, 7.c Wara li Ruth studjat il-Bibbja u fetħet qalbha m’Alla, hi kisbet paċi ġewwinija. Hi tgħallmet li Alla għandu “l-maħfra vera.”—Salm 130:4.
“[Alla] m’għamlilniex skond dnubietna; lanqas ġab fuqna dak li ħaqqna għall-iżbalji tagħna.”—Salm 103:10.
a Il-fatt li jistaʼ jkun hemm riskju għas-saħħa tal-omm jew tat-tarbija mhijiex raġuni biex isir abort. Jekk waqt it-twelid taʼ tarbija l-koppja jkollha tagħżel bejn il-ħajja tal-omm u tat-tarbija, il-koppja għandha tiddeċiedi. Madankollu, f’ħafna pajjiżi żviluppati, il-mediċina tant għamlet progress li sitwazzjoni bħal din saret rari ħafna.
b L-isem ġie mibdul.
c It-tama tal-irxoxt tistaʼ tgħin ukoll biex dak li jkun ikollu l-paċi ġewwinija. Ara l-artiklu “Mistoqsijiet mill-qarrejja” fil-ħarġa tat-Torri tal-Għassa tal-15 t’April 2009, li jiddiskuti prinċipji Bibliċi li għandhom x’jaqsmu mal-possibbiltà li jkun hemm irxoxt taʼ trabi li jmutu fil-ġuf.