Ġenesi
35 U Alla qal lil Ġakobb: “Qum, itlaʼ lejn Betel u għammar hemmhekk,+ u agħmel artal hemmhekk lill-Alla l-veru li deherlek meta kont qed taħrab minn ħuk Għesaw.”+
2 Imbagħad Ġakobb qal lin-nies taʼ daru u lil kulmin kien miegħu: “Neħħu l-allat barranin li għandkom f’nofskom+ u tnaddfu u biddlu ħwejjiġkom,+ 3 u ħa nqumu u nitilgħu lejn Betel. U hemmhekk nagħmel artal lill-Alla l-veru li wiġibni f’jum in-niket tiegħi+ billi kien miegħi fit-triq li mxejt.”+ 4 Għalhekk, lil Ġakobb tawh l-allat barranin kollha+ li kellhom f’idejhom u l-imsielet li kellhom f’widnejhom, u Ġakobb ħbiehom+ taħt is-siġra l-kbira li kienet qrib Sikem.
5 Wara dan telqu, u l-biżaʼ minn Alla waqaʼ fuq il-bliet li kienu madwarhom,+ u b’hekk ma ġrewx wara wlied Ġakobb. 6 Fl-aħħar, Ġakobb wasal Luż,+ li qiegħda fl-art taʼ Kangħan, jiġifieri, Betel, hu u n-nies kollha li kienu miegħu. 7 Imbagħad bena artal hemmhekk u semma dak il-post El-Betel,* għaliex hemmhekk l-Alla l-veru kien deherlu meta kien qed jaħrab minn ħuh.+ 8 Iktar tard Debora,+ il-mara li darba kienet treddaʼ lil Rebekka, mietet u ġiet midfuna fit-tarf taʼ Betel, taħt siġra kbira ħafna. Għalhekk, din semmieha Allon-bakut.*
9 Alla issa deher lil Ġakobb għal darb’oħra waqt li kien ġej mill-Fiddien-aram+ u bierku.+ 10 U Alla ssokta jgħidlu: “Int jismek Ġakobb.+ M’għandux jibqaʼ jismek Ġakobb, imma ismek se jsir Israel.” U beda jsejjaħlu Israel.+ 11 U Alla qallu wkoll: “Jien Alla li Jistaʼ Kollox.+ Nissel u oktor. Ġnus u ġemgħa taʼ ġnus għad joħorġu minnek, u slaten għad joħorġu minn ġenbejk.*+ 12 Inkwantu għall-art li jien tajt lil Abraham u lil Iżakk, se nagħtiha lilek, u lil nislek+ warajk se nagħti din l-art.”+ 13 Imbagħad Alla telaʼ ’l fuq minn quddiemu, mill-post fejn kien kellmu.+
14 Għaldaqstant, Ġakobb waqqaf kolonna fil-post fejn kien kellmu,+ kolonna tal-ġebel, u sawwab fuqha offerta tax-xorb u sawwab iż-żejt fuqha.+ 15 U Ġakobb kompla jsejjaħ isem il-post fejn kien kellmu Alla, Betel.+
16 Imbagħad telqu minn Betel. U, waqt li kien għad fadlilhom medda kbira t’art qabel jaslu Efrata,+ Rakele bdiet tiled, u kienet qed tbati ħafna biex teħles.+ 17 U ġara li, waqt li kienet qed issibha diffiċli biex teħles, il-majjistra qaltilha: “Tibżax, għax se jkollok dan l-iben ukoll.”+ 18 U r-riżultat kien li hekk kif kienet ħierġa ruħha*+ (għaliex mietet)+ semmietu Ben-oni;* imma missieru semmieh Benjamin.*+ 19 B’hekk, Rakele mietet u difnuha fit-triq li tagħti għal Efrata, jiġifieri, Betlehem.+ 20 Għalhekk, Ġakobb waqqaf kolonna fuq il-qabar tagħha. Din hi l-kolonna tal-qabar taʼ Rakele sa dan il-jum.+
21 Wara dan, Israel telaq u waqqaf it-tinda tiegħu lil hinn mit-torri t’Għeder.+ 22 U ġara li darba minnhom, waqt li Israel kien qed jgħix fit-tined+ f’dak il-pajjiż, Ruben mar u mtedd maʼ Bilħa, il-konkubina taʼ missieru, u Israel semaʼ b’dan.+
Mela wlied Ġakobb kienu tnax. 23 L-ulied minn Lea kienu Ruben,+ l-ewwel imwieled taʼ Ġakobb, Simegħon, Levi, Ġuda, Issakar, u Żebulun. 24 L-ulied minn Rakele kienu Ġużeppi u Benjamin. 25 U l-ulied minn Bilħa, il-qaddejja taʼ Rakele, kienu Dan u Naftali. 26 U l-ulied minn Żilfa, il-qaddejja taʼ Lea, kienu Gad u Aser. Dawn huma wlied Ġakobb li twildulu fil-Fiddien-aram.
27 Sa fl-aħħar, Ġakobb wasal għand missieru Iżakk f’Mamre,+ f’Kirjat-arba,+ jiġifieri, Ħebron, fejn Abraham kif ukoll Iżakk kienu għammru bħala barranin.+ 28 U jiem Iżakk kienu mija u tmenin sena.+ 29 Imbagħad Iżakk ħa l-aħħar nifs u miet u nġabar maʼ niesu, xiħ u mimli bl-għomor,+ u difnuh uliedu Għesaw u Ġakobb.+