Isaija
16 Ibagħtu muntun lill-mexxej tal-pajjiż,
Minn Sela jgħaddi mid-deżert
Lejn il-muntanja tal-belt taʼ Sijon.
2 Bħalma għasfur jiġi mkeċċi mill-bejta tiegħu,
Hekk se jiġrilhom in-nies taʼ Mowab ħdejn l-ilmijiet baxxi tal-Arnon.
3 “Agħtu pariri, agħmlu li ddeċidejtu.
Fl-aqwa tal-ġurnata agħtuhom protezzjoni b’dell li jkun skur daqs il-lejl.
Aħbu lil dawk imxerrdin, u tittradixxux lil dawk li qed jaħarbu.
4 Jalla l-imferrxin tiegħi jgħixu fik, Mowab.
Sir post fejn jinħbew fik minħabba dak li jeqred.
Min jaħqar lil oħrajn se jiġi fi tmiemu,
Il-qerda se tispiċċa,
U dawk li jgħaffġu fuq oħrajn mhux se jibqgħu jeżistu fuq l-art.
5 Imbagħad re mill-familja taʼ David se jpoġġi fuq it-tron.
Hu se jkun leali u t-tmexxija tiegħu se tkun soda u bbażata fuq l-imħabba u lealtà;*
Hu se jiġġudika b’mod ġust u jagħmel ġustizzja malajr.
6 Aħna smajna kemm huma kburin in-nies taʼ Mowab.
Smajna li huma suppervi, kburin, u rrabjati ħafna;
Imma l-paroli fil-vojt tagħhom se jiġi fix-xejn.
7 Għalhekk, dawk kollha f’Mowab se jibku għal Mowab;
Ilkoll se jibku fuq li jibku.
Dawk li huma msawtin se jagħmlu d-dwejjaq minħabba ċ-ċapep taż-żbib taʼ Kir-ħareset.
8 Għax l-għelieqi taʼ Ħesbon nixfu,
U anki d-dielja taʼ Sibma.
Il-mexxejja tal-poplu għaffġu fuq il-friegħi tagħha mimlijin għeneb
Li kienu jaslu sa Ġagħżer,
U xterdu fid-deżert.
Il-friegħi tagħha nfirxu u waslu sal-baħar.
9 Hu għalhekk li se nibki minħabba d-dielja taʼ Sibma bħalma nibki għal Ġagħżer.
Bid-dmugħ tiegħi se nxarrabkom għasra, Ħesbon u Elegħale,
Għax m’għadux jinstemaʼ l-għajjat minħabba l-frott tas-sajf tagħkom u l-ħsad tagħkom.*
10 Il-ferħ ittieħed mill-ġnien tas-siġar tal-frott,
U m’hemmx għanjiet taʼ ferħ jew għajjat fl-għelieqi tad-dwieli.
Ħadd mhu qed jagħsar l-għeneb fil-post fejn jingħasar l-għeneb.
Għax jien waqqaft l-għajjat.
11 Bħal kordi t’arpa qed nitriegħed minn ġewwa
Minħabba li jien imdejjaq għal Mowab,
U jien imdejjaq ħafna minħabba Kir-ħareset.
12 Anki meta n-nies taʼ Mowab jagħmlu sforz kbir biex iqimu fil-post taʼ qima u jmorru jitolbu fis-santwarju tagħhom, dan se jkun għalxejn.
13 Hekk kien qal Ġeħova dwar Mowab. 14 U issa Ġeħova jgħid: “Fi żmien tliet snin, bħas-snin taʼ ħaddiem mikri,* il-glorja taʼ Mowab se tkun iddiżonorata, se jkun hemm konfużjoni sħiħa, u dawk li jibqgħu se jkunu vera ftit u dgħajfa.”