Isaija
22 Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju dwar il-Wied tal-Viżjoni:*
Xi ġralek biex in-nies kollha tiegħek telgħu fuq il-bjut?
2 Il-belt tiegħek kienet mimlija konfużjoni,
Storbju, u kburija.
Dawk li nqatlu ma nqatlux bix-xabla,
Lanqas ma mietu fil-battalja.
3 Id-dittaturi kollha tiegħek ħarbu flimkien.
In-nies qabduhom bħala priġunieri mingħajr ma użaw il-qaws.
Dawk kollha li nstabu ttieħdu bħala priġunieri,
Avolja kienu ħarbu ’l bogħod ħafna.
4 Għalhekk jien għedt: “Tħarsux lejja.
U jien se nibki fuq li nibki.
Tinsistux biex tfarrġuni
Minħabba l-qerda tal-poplu tiegħi,*
5 Għax hija ġurnata taʼ konfużjoni, telfa, u paniku
Fil-Wied tal-viżjoni.
Dan ġej mingħand is-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati.
Is-sur qed jitwaqqaʼ,
U l-biki tan-nies għall-għajnuna qed jinstemaʼ mill-muntanja.
6 In-nies t’Għelam ġabru l-barżakka tal-vleġeġ
U saqu l-karrijiet u ż-żwiemel tal-gwerra,
U n-nies taʼ Kir ippreparaw* it-tarka.
Se jkunu mimlijin bil-karrijiet tal-gwerra,
Iż-żwiemel se jieħdu posthom f’bieb il-belt,
8 U se titneħħa l-protezzjoni taʼ Ġuda.
“Dakinhar int se tafda fl-armi li jinżammu fid-Dar tal-Foresta, 9 u intom se taraw ħafna xquq kbar fil-Belt taʼ David u se tiġbru l-ilma mill-għadira t’isfel. 10 Intom se tgħoddu d-djar taʼ Ġerusalemm u se twaqqgħu d-djar biex issaħħu s-sur. 11 Se tagħmlu ġibjun bejn iż-żewġt iswar għall-ilma tal-għadira l-qadima, imma mhux se tafdaw fil-Ħallieq Grandjuż tagħha, u mhux se taħsbu fil-Wieħed li għamilha żmien twil ilu.
12 Dakinhar, is-Sid taʼ Kollox, Ġeħova tal-armati,
Se jgħidilkom biex tibku u tkunu mdejqin,
Biex tqaxxru xagħarkom u tilbsu l-ixkora.
13 Imma minflok, qed tiċċelebraw u tifirħu,
Qed toqtlu l-baqar u n-nagħaġ,
Qed tieklu l-laħam u tixorbu l-inbid.
Intom tgħidu, ‘Ejja nieklu u nixorbu, għax għada se mmutu.’”
14 Imbagħad smajt lil Ġeħova tal-armati jgħid: “‘Dan l-iżball mhux se jinħafrilkom sakemm tmutu,’ jgħid is-Sid taʼ Kollox, Ġeħova tal-armati.”
15 Is-Sid taʼ Kollox, Ġeħova tal-armati jgħid: “Mur għand il-prokuratur Sebna, li jieħu ħsieb il-palazz, u għidlu, 16 ‘X’int tagħmel hawn, u xi dritt għandek biex tqattaʼ post għad-dfin tiegħek hawn?’ Hu qed iqattaʼ l-post tad-dfin tiegħu fuq għolja; hu qed iqattaʼ qabar għalih innifsu fi rdum. 17 ‘Ġeħova se jaqbdek qabda sew u jwaddbek ’l isfel b’mod vjolenti. 18 Hu żgur se jagħmlek kobba ssikkata u jwaddbek bħal ballun f’art kbira. Hemmhekk se tmut, u hemmhekk se jibqgħu l-karrijiet glorjużi tiegħek. Dan se jkun taʼ diżunur għad-dar tas-sid tiegħek. 19 U jien se nneħħik mill-post tiegħek u se nkeċċik mill-pożizzjoni li għandek.
20 “‘Dakinhar jien se nsejjaħ lill-qaddej tiegħi Eljakim it-tifel taʼ Ħilkija, 21 u se llibbsu l-libsa tiegħek, u norbot sew madwaru t-terħa tiegħek, u nagħtih l-awtorità tiegħek. Hu se jkun bħal missier għan-nies li joqogħdu Ġerusalemm u għall-poplu taʼ Ġuda. 22 Jien se npoġġilu fuq spallejh iċ-ċavetta tad-dar taʼ David. Ħadd mhu se jagħlaq il-bibien li jiftaħ; u ħadd mhu se jiftaħ il-bibien li jagħlaq. 23 Jien se nsammru bħal musmar f’ħajt sod, u hu jsir bħala tron t’unur għad-dar taʼ missieru. 24 L-unur* kollu tad-dar taʼ missieru se jkun imdendel miegħu, u d-dixxendenti u t-tfal* se jistrieħu fuqu bħalma r-reċipjenti żgħar, ir-reċipjenti forma taʼ skutella, u l-ġarar kbar jistrieħu fuq il-musmar.
25 “Ġeħova tal-armati jgħid: ‘Dakinhar il-musmar li hu msammar f’ħajt sod se jitneħħa, jiġi mqaċċat, u jaqaʼ, u t-tagħbija li kellu fuqu se taqaʼ u titkisser, għax Ġeħova stess qalu dan.’”