Numri
23 Imbagħad Balgħam qal lil Balak: “Ibnili f’dan il-post sebaʼ artali u ppreparali sebaʼ barrin u sebaʼ mtaten.” 2 Balak minnufih għamel bħalma qallu. U huma t-tnejn offrew barri u muntun fuq kull artal. 3 Imbagħad Balgħam qal lil Balak: “Oqgħod ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħek, u jien immur. Forsi Ġeħova jidhirli. Kulma jgħidli, ngħidhulek.” Għalhekk, mar fuq għolja.
4 Imbagħad Alla kkomunika maʼ Balgħam, u Balgħam qallu: “Jien qegħedt is-sebaʼ artali f’ringieli, u offrejt barri u muntun fuq kull artal.” 5 Ġeħova qal lil Balgħam x’għandu jgħid* u qallu: “Mur lura għand Balak, u għidlu dak li se ngħidlek.” 6 Għalhekk, mar lura u ra lil Balak u l-kapijiet kollha taʼ Mowab weqfin ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħu. 7 Imbagħad qal dan il-messaġġ:
“Balak ir-re taʼ Mowab ġabni minn Aram,
Mill-muntanji tal-Lvant:
‘Ejja biex tisħet lil Ġakobb għalija.
Iva, ejja kkundanna lil Iżrael.’
8 Kif nistaʼ nisħet lil dawk li Alla ma seħitx?
U kif nistaʼ nikkundanna lil dawk li Ġeħova ma kkundannax?
9 Mill-quċċata tal-blat narahom,
U minn fuq l-għoljiet narahom.
Bħala poplu huma jgħixu hemmhekk għalihom,
Ma jgħoddux lilhom infushom mal-popli l-oħra.
10 Min jistaʼ jgħodd lil Ġakobb li hu daqs it-trab,
Jew saħansitra jgħodd kwart minn Iżrael?
Ħa mmut bħall-ġusti,
U ħa jkun tmiemi bħal tagħhom.”
11 Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “X’għamiltli? Jien ġibtek biex tisħet lill-għedewwa tiegħi, imma int m’għamilt xejn ħlief berikthom.” 12 Hu wieġbu: “Mhux kulma Ġeħova jgħidli* rrid ngħid?”
13 Balak qallu: “Jekk jogħġbok, ejja miegħi f’post ieħor minn fejn tistaʼ tarahom. Se tara biss parti minnhom; ma tarahomx kollha. Isħithom għalija minn hemmhekk.” 14 Għalhekk, ħadu fl-għalqa taʼ Sofim, fuq il-quċċata tal-Pisga, u bena sebaʼ artali u offra barri u muntun fuq kull artal. 15 U Balgħam qal lil Balak: “Oqgħod hawnhekk ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħek sakemm nara x’jgħidli Alla hemmhekk.” 16 U Ġeħova kkomunika maʼ Balgħam u qallu x’għandu jgħid.* Imbagħad qallu: “Mur lura għand Balak, u għidlu dak li għedtlek.” 17 Għalhekk, wasal ħdejh u ra li kien qiegħed jistenna ħdejn l-offerta tal-ħruq tiegħu, u miegħu kien hemm il-kapijiet taʼ Mowab. Balak staqsieh: “X’qal Ġeħova?” 18 Imbagħad Balgħam qal dan il-messaġġ:
“Qum, Balak, u ismaʼ.
Ismagħni bin Siffur.
Jgħid hu xi ħaġa u ma jagħmilhiex?
Jgħid kelma u ma jżommhiex?
20 Jien qiegħed hawn biex inbierek,
Issa Hu bierek, u jien ma nistaʼ nbiddel xejn.
21 Hu ma jittollera ebda magħmul kontra Ġakobb,
U ma jippermetti ebda inkwiet kontra Iżrael.
Ġeħova l-Alla tiegħu hu miegħu,
Hu jiġi mfaħħar bħala re fosthom.
22 Alla ħariġhom mill-Eġittu.
Hu qisu l-qrun taʼ barri salvaġġ għalihom.
23 Għax m’hemmx sinjali taʼ qerda kontra Ġakobb,
Lanqas teħbir kontra Iżrael.
Issa jistaʼ jintqal dwar Ġakobb u Iżrael:
‘Araw Alla x’għamel!’
24 Hawn poplu li se jqum bħal iljun,
U bħall-iljun iqum.
Hu ma jimteddx qabel ma jiekol dak li jkun ikkaċċja,
U jixrob id-demm tal-maqtulin.”
25 Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “Jekk ma tistax tisħtu, almenu tbirkux.” 26 Balgħam wieġbu: “M’għedtlekx jien li kulma jgħidli Ġeħova se nagħmel?”
27 Balak qal lil Balgħam: “Jekk jogħġbok, ejja ħa nieħdok post ieħor. Forsi jkun sewwa f’għajnejn l-Alla l-veru li int tisħithom għalija minn hemmhekk.” 28 Allura Balak ħa lil Balgħam fuq il-quċċata taʼ Pegħor, li tħares lejn il-Ġesimon.* 29 Imbagħad Balgħam qal lil Balak: “Ibnili f’dan il-post sebaʼ artali u ppreparali sebaʼ barrin u sebaʼ mtaten.” 30 Għalhekk, Balak għamel bħalma qallu, u offra barri u muntun fuq kull artal.