Numri
24 Meta Balgħam ra li kien tajjeb f’għajnejn Ġeħova li jbierek lil Iżrael, ma reġax telaq biex ifittex xi sinjali tal-qerda, imma dawwar wiċċu lejn id-deżert. 2 Meta Balgħam ħares u ra lil Iżrael ikkampjat skont it-tribujiet tiegħu, l-ispirtu t’Alla niżel fuqu. 3 Imbagħad qal dan il-messaġġ:
“Dan hu l-kliem tiegħi, Balgħam bin Begħor,
Il-kliem taʼ raġel li nfetħulu għajnejh,
4 Il-kliem taʼ min qed jismaʼ dak li jgħid Alla,
Li ra viżjoni taʼ Dak li Jistaʼ Kollox,
Li miel b’għajnejh miftuħin:
5 Kemm huma sbieħ it-tined tiegħek Ġakobb,
Il-postijiet fejn tgħix Iżrael!
6 Bħall-widien infirxu ’l bogħod,
Bħal ġonna ħdejn ix-xmara,
Bħal pjanti tas-sabbara li ħawwel Ġeħova,
Bħal siġar taċ-ċedri ħdejn l-ilmijiet.
7 L-ilma jibqaʼ jqattar miż-żewġ bramel tal-ġilda tiegħu,
U d-dixxendenti tiegħu qegħdin miżrugħin ħdejn ħafna ilmijiet.
Ir-re tiegħu wkoll ikun aqwa minn Agag,
U t-tmexxija tiegħu se tiġi mfaħħra.
8 Alla ħarġu mill-Eġittu;
Hu bħall-qrun taʼ barri salvaġġ għalihom.
Hu jeqred lill-popli, lil dawk li jaħqruh,
Igerrem għadamhom, u jfarrakhom bil-vleġeġ tiegħu.
9 Hu nxteħet, imtedd bħall-iljun,
U bħal iljun, min jissogra jqajmu?
Dawk li jberkuk huma mberkin,
U dawk li jisħtuk huma misħutin.”
10 Imbagħad Balak irrabja ħafna maʼ Balgħam u ċapċap idejh bi stmerrija u qal lil Balgħam: “Jien ġibtek hawn biex tisħet lill-għedewwa tiegħi, imma int ħlief berikthom m’għamiltx dawn it-tliet darbiet. 11 Itlaq issa lejn darek. Jien kien beħsiebni nonorak, imma Ġeħova ċaħħdek mill-unur.”
12 Balgħam wieġeb lil Balak: “Għedtilhom jien lill-messaġġiera li int bgħatt, 13 ‘Kieku Balak kellu jagħtini daru mimlija fidda u deheb, jien minn rajja* ma nistaʼ nagħmel xejn iktar milli jikkmandani Ġeħova, kemm tajjeb u kemm ħażin. Se ngħid biss dak li jgħidli Ġeħova.ʼ 14 U issa jien se mmur għand il-poplu tiegħi. Ejja ħa ngħidlek x’se jagħmillu dan il-poplu lill-poplu tiegħek fil-futur.”* 15 Għalhekk, hu qal dan il-messaġġ:
“Dan hu l-kliem tiegħi, Balgħam bin Begħor,
Il-kliem taʼ raġel li nfetħulu għajnejh,
16 Il-kliem taʼ min qed jismaʼ dak li jgħid Alla,
Il-wieħed li għandu l-għarfien tal-Iktar Għoli,
Li ra viżjoni taʼ Dak li Jistaʼ Kollox
Waqt li miel b’għajnejh miftuħin:
17 Narah, imma mhux issa;
Narah, imma mhux għalissa.
Toħroġ stilla minn Ġakobb,
U jqum xettru minn Iżrael.
U hu żgur li jaqsam ras Mowab
U l-iskutella taʼ ras il-gwerriera vjolenti kollha.
18 U Edom isir wirt,
Iva, Segħir isir il-wirt tal-għedewwa tiegħu,
Waqt li Iżrael ikun qed juri l-kuraġġ.
19 U minn Ġakobb ikun hemm wieħed li jrażżan,
U hu jeqred lil kull min jibqaʼ ħaj fil-belt.”
20 Meta ra lill-Għamalekin, Balgħam kompla jgħid il-messaġġ tiegħu:
“L-Għamalekin kienu l-ewwel mill-popli,
Imma fl-aħħar se jinqerdu għalkollox.”
21 Meta ra lill-Kenin, hu kompla jgħid il-messaġġ tiegħu:
“F’post sigur tgħix, u fuq il-blata qiegħda l-bejta tiegħek.
22 Imma xi ħadd se jaħraq lill-Kenin.*
Kemm fadal biex l-Assirja tieħdok fil-jasar?”
23 U kompla jgħid il-messaġġ tiegħu:
“Gwaj! Min se jibqaʼ ħaj meta Alla jagħmel dan?
Imma anki hu jinqered għalkollox.”
25 Imbagħad Balgħam mar lura lejn pajjiżu. Balak ukoll mar għal triqtu.