L-Ewwel Ittra taʼ Ġwanni
3 Aħsbu dwar kemm iħobbna l-Missier. Fil-fatt isejħilna t-tfal tiegħu, u aħna vera t-tfal tiegħu. Imma d-dinja ma tafniex, għax ma saritx taf lilu. 2 Għeżież ħuti, għalkemm aħna t-tfal t’Alla, għadna ma nafux kif se nkunu. Li nafu hu li meta se jidher, aħna se nkunu bħalu, għax se narawh kif inhu. 3 Dawk kollha li għandhom din it-tama fih, għandhom jgħixu ħajja nadifa peress li hu nadif.*
4 Kull min jibqaʼ jagħmel id-dnub, ikun qed jikser il-liġi wkoll, għalhekk id-dnub hu l-ksur tal-liġi. 5 Intom tafu wkoll li hu deher biex ineħħi d-dnubiet tagħna, u hu qatt ma jidneb. 6 Kull min jibqaʼ miegħu ma jibqax jagħmel id-dnub; kull min jibqaʼ jagħmel id-dnub la rah u lanqas sar jafu. 7 Għeżież tfal tiegħi, tħallu lil ħadd iqarraq bikom. Dawk kollha li jibqgħu jagħmlu dak li hu ġust huma ġusti, bħalma Ġesù hu ġust. 8 Min jibqaʼ jagħmel id-dnub ikun qed jimita lix-Xitan, għax ix-Xitan ilu jidneb mill-bidu.* L-Iben t’Alla għalhekk ġie, biex jeqred dak li għamel ix-Xitan.
9 Kull min hu t-tifel t’Alla ma jibqax jagħmel id-dnub, għax il-qawwa* t’Alla hi fih, u ma jistax jibqaʼ jagħmel id-dnub, għax hu t-tifel t’Alla. 10 It-tfal t’Alla u t-tfal tax-Xitan jintgħarfu minn dan: Kull min ma jibqax jagħmel dak li hu ġust u ma jħobbx lil ħuh, ma jkunx qed jimita lil Alla. 11 Għax dan hu l-messaġġ li smajtu mill-bidu, li għandna nħobbu lil xulxin. 12 Aħna m’għandniex nagħmlu bħal Kajjin, li imita lix-Xitan* u qatel lil ħuh. U għala qatlu? Għax dak li għamel kien ħażin, imma li għamel ħuh kien tajjeb.
13 Ħuti, tiħduhiex bi kbira li d-dinja tobgħodkom. 14 Aħna konna bħallikieku mejtin, imma issa ħajjin peress li nħobbu lil ħutna. Min ma jħobbx lil ħuh jibqaʼ mejjet. 15 Kull min jobgħod lil ħuh hu qattiel, u intom tafu li ebda qattiel mhu se jgħix għal dejjem. 16 Aħna sirna nafu bl-imħabba, għax Ġesù Kristu ta ħajtu għalina, u aħna obbligati li nagħtu ħajjitna għal ħutna. 17 Imma kull min għandu biex jgħix u jara li ħuh qiegħed fil-bżonn u ma jurihx ħniena, kif jistaʼ jgħid li jħobb lil Alla? 18 Għeżież tfal tiegħi, m’għandkomx turu mħabba b’dak li tgħidu biss, imma turuha wkoll b’dak li tagħmlu, u din trid tkun sinċiera.
19 B’din l-imħabba nkunu nafu li għandna l-verità u nikkonvinċu lilna nfusna* li Alla jħobbna, 20 anki jekk qalbna tikkundannana. Ejja niftakru li Alla hu akbar minn qalbna* u jaf kollox. 21 Għeżież ħuti, jekk qalbna ma tikkundannaniex, nistgħu nitkellmu bil-libertà m’Alla; 22 u kulma nitolbuh se nirċivuh, għax qed nobdu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu. 23 Fil-fatt, il-kmandament tiegħu hu dan: li aħna jkollna fidi f’Ibnu* Ġesù Kristu u li nħobbu lil xulxin, bħalma kkmandana hu. 24 Iktar minn hekk, min jobdi l-kmandamenti t’Alla jibqaʼ m’Alla, u Alla jibqaʼ miegħu. Permezz tal-ispirtu qaddis li tana, aħna nafu li se jibqaʼ magħna.