Lir-Rumani
5 Issa li ġejna kkunsidrati ġusti minħabba l-fidi, nistgħu ngawdu l-paċi m’Alla permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 2 Il-fidi tagħna f’Ġesù tagħmilhielna possibbli li nkunu ħbieb m’Alla u li jkun ferħan bina.* Nistgħu nkunu ferħanin għax għandna t-tama li Alla jagħtina pożizzjoni għolja. 3 Mhux hekk biss, imma nistgħu nkunu ferħanin meta nbatu, għax nafu li t-tbatija tgħinna nissaportu. 4 Meta nissaportu, Alla jkun ferħan bina, u dan jagħtina tama. 5 Din it-tama mhux se tiddiżappuntana, għax permezz tal-ispirtu qaddis, Alla juri li jħobbna.
6 Waqt li konna għadna dgħajfin, Kristu miet fiż-żmien magħżul għal nies ħżiena. 7 Jistaʼ jkun li xi ħadd ikun lest li jmut għal min hu tajjeb, imma hu rari li xi ħadd imut għal min hu ġust. 8 Madankollu, Alla wriena li jħobbna għax waqt li konna għadna midinbin,* Kristu miet għalina. 9 Għalhekk, la ġejna kkunsidrati ġusti permezz tad-demm taʼ Ġesù, nistgħu nkunu iktar ċerti li se niġu salvati meta Alla jikkastiga lin-nies. 10 Għalkemm konna għedewwa t’Alla, sirna ħbieb tiegħu permezz tal-mewt taʼ Ibnu. Mela, kemm iktar nistgħu nkunu ċerti li se niġu salvati permezz tal-ħajja taʼ Ġesù, issa li sirna ħbieb t’Alla! 11 Aħna nifirħu b’dak li Alla għamel permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, għax permezz tiegħu aħna sirna ħbieb t’Alla.
12 Id-dnub* daħal fid-dinja permezz taʼ bniedem wieħed, u d-dnub ġab il-mewt. B’hekk il-bnedmin kollha jmutu, għax kollha jidinbu. 13 Id-dnub kien fid-dinja qabel ma kien hemm il-Liġi, imma ħadd ma jistaʼ jiġi kkunsidrat ħati tad-dnub jekk ma jkunx hemm liġi. 14 Il-mewt ikkontrollat lin-nies* minn Adam sa Mosè. Saħansitra kkontrollat lil dawk li ma dinbux bl-istess mod t’Adam, li kien jixbah lil dak li kellu jiġi iktar tard.
15 Ħafna nies mietu minħabba d-dnub taʼ bniedem wieħed, Adam, imma r-rigal t’Alla mhuwiex bħal dan id-dnub. Permezz taʼ dan ir-rigal b’xejn u l-qalb tajba kbira* t’Alla u taʼ bniedem wieħed, Ġesù Kristu, se jibbenefikaw ħafna nies. 16 Il-benefiċċji tar-rigal b’xejn t’Alla mhumiex bħall-konsegwenzi tad-dnub taʼ bniedem wieħed. Għax id-dnub wassal għal ġudizzju taʼ kundanna, imma r-rigal t’Alla, wara li saru ħafna dnubiet, wassal biex in-nies jiġu kkunsidrati innoċenti. 17 Il-mewt ikkontrollat lin-nies* permezz tad-dnub taʼ bniedem wieħed. Imma l-qalb tajba kbira t’Alla u r-rigal b’xejn tiegħu biex niġu kkunsidrati ġusti jgħinuna nkunu ċerti li se ngħixu grazzi għal bniedem wieħed, Ġesù Kristu, u mmexxu bħala rejiet.
18 Bħalma dnub wieħed ġab kundanna għan-nies kollha, azzjoni ġusta waħda wasslet biex in-nies kollha jiġu kkunsidrati ġusti u jkunu jistgħu jgħixu. 19 Bħalma bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna saru midinbin, bl-ubbidjenza taʼ bniedem wieħed ħafna se jsiru ġusti. 20 Il-Liġi ngħatat biex turi kemm in-nies huma midinbin. Imma hekk kif deher ċar kemm hemm dnubiet, Alla wera ħafna iktar qalb tajba kbira. 21 Id-dnub ikkontrolla lin-nies* u ġab il-mewt, imma l-qalb tajba kbira t’Alla ġġib il-ġustizzja. U din se twassal għall-ħajja taʼ dejjem permezz taʼ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna.