Meta d-Dnub Jintemm
“AĦNA nitwieldu bid-dnub?” Dik il-mistoqsija ħawdet lil student gradwat, fl-Istati Uniti, ftit wara li beda jistudja l-Bibbja. Minħabba l-isfond Ħindu tiegħu, l-idea tad-dnub li jintiret kienet xi ħaġa ġdida għalih. Imma jekk id-dnub tabilħaqq jintiret, hu rraġuna, li tiċħad jew li tinjora r-realtà tiegħu jkun inutli. Kif jistaʼ xi ħadd isib it-tweġiba għal din il-mistoqsija?
Jekk jintiret, id-dnub bil-fors li beda minn xi mkien. Kien l-ewwel bniedem maħluq mill-agħar, biex b’hekk għadda karatteristiċi ħżiena għal fuq uliedu? Jew id-difett żviluppa iktar tard? Eżattament meta beda d-dnub? Mill-banda l-oħra, jekk id-dnub huwa biss entità jew prinċipju esterni ħżiena, nistgħu aħna qatt nittamaw li nakkwistaw il-ħelsien minnu?
Skond it-twemmin tal-Ħindu, is-sofferenza u l-ħażen imorru id f’id mal-ħolqien. “Is-sofferenza [jew il-ħażen],” jinnota studjuż tal-Ħindu, “bħal rewmatiżmu kroniku, jimxi biss minn post għal ieħor imma ma jistax jiġi eliminat għal kollox.” Il-ħażen ċertament li kien parti mid-dinja taʼ l-umanità matul l-istorja dokumentata. Jekk kien jeżisti qabel id-dokumenti storiċi tal-bniedem, tweġibiet taʼ min jorbot fuqhom dwar l-oriġini tiegħu jridu bil-fors jiġu minn sors ogħla mill-bniedem. It-tweġibiet iridu jiġu mingħand Alla.—Salm 36:10 [Salm 36:9, New World Translation].
Il-Bniedem—Maħluq Mingħajr Dnub
Deskrizzjonijiet tal-ħolqien tal-bniedem mogħtijin fil-Vedas huma figurattivi, jammetti l-filosfu tal-Ħindu Nikhilananda. B’mod simili, il-biċċa l-kbira tar-reliġjonijiet tal-Lvant jipprovdu biss spjegazzjonijiet mitoloġiċi dwar il-ħolqien. Madankollu, hemm raġunijiet kemm loġiċi u kemm xjentifiċi biex nemmnu r-rakkont tal-Bibbja dwar il-ħolqien taʼ l-ewwel bniedem.a L-ewwel kapitlu stess jistqarr: “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom.”—Ġenesi 1:27.
X’ifisser li wieħed jiġi maħluq “fuq xbihat Alla”? Sempliċement dan: Il-bniedem kien magħmul fuq xbiha t’Alla, billi għandu kwalitajiet divini—bħalma huma l-ġustizzja, l-għerf, u l-imħabba—li jiddistingwuh mill-annimali. (Qabbel Kolossin 3:9, 10.) Dawn il-kwalitajiet tawh l-abbiltà li jagħżel li jagħmel it-tajjeb jew il-ħażin, billi għamluh aġent morali ħieles. Ma kienx hemm dnub fl-ewwel bniedem, l-ebda ħażen jew sofferenza f’ħajtu, meta ġie maħluq.
Fuq ir-raġel Adam, Alla Jehovah poġġa dan il-kmand: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tistaʼ tiekol, imma mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:16, 17) Kieku għażlu li jobdu, Adam u martu, Eva, setgħu jġibu tifħir u unur lill-Ħallieq tagħhom u jibqgħu ħelsin mid-dnub. Mill-banda l-oħra, att taʼ diżubbidjenza kien se jindika n-nuqqas tagħhom li jilħqu l-livelli perfetti t’Alla u kien se jagħmilhom imperfetti—midinbin.
Adam u Eva ma kinux maħluqin b’natura divina. Madankollu, huma attwalment kellhom xi ftit kwalitajiet divini u l-kapaċità li jagħmlu deċiżjonijiet morali. Billi kienu ħolqien t’Alla, huma kienu mingħajr dnub, jew perfetti. (Ġenesi 1:31; Dewteronomju 32:4) Il-fatt li nħolqu ma ħarbatx l-armonija li kien hemm bejn Alla u l-univers għal annati sħaħ sa dak in-nhar. Kif, allura, beda d-dnub?
L-Oriġini Tad-Dnub
Id-dnub seħħ l-ewwel darba fil-qasam taʼ l-ispirti. Qabel il-ħolqien taʼ l-art u tal-bniedem, Alla kien ħalaq ħlejjaq spirti intelliġenti—l-anġli. (Ġob 1:6; 2:1; 38:4-7; Kolossin 1:15-17) Wieħed minn dawn l-anġli kien minfuħ wisq bis-sbuħija u bl-intelliġenza tiegħu stess. (Qabbel Eżekjel 28:13-15.) Mill-istruzzjoni li Alla ta lil Adam u Eva biex jipproduċu t-tfal, dan l-anġlu setaʼ jara li dalwaqt l-art kollha kemm hi kienet se timtela b’nies twajbin, ilkoll kemm huma jaduraw lil Alla. (Ġenesi 1:27, 28) Dan il-ħlejqa spirtu xtaq il-qima tagħhom għalih innifsu. (Mattew 4:9, 10) Il-fatt li baqaʼ jberren fuq din ix-xewqa wasslu biex jieħu korsa żbaljata.—Ġakbu 1:14, 15.
Waqt li kellem lil Eva permezz taʼ serp, l-anġlu ribelluż qal li billi pprojbixxa li jieklu l-frott mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, Alla kien qed iżomm lura għarfien li hi kienet intitolata għalih. (Ġenesi 3:1-5) Dak li qal kien gidba malizzjuża—att taʼ dnub. Billi stqarr din il-gidba, l-anġlu għamel lilu nnifsu midneb. Bħala riżultat taʼ dan, beda jissejjaħ ix-Xitan, kalunnjatur, u Satana, avversarju t’Alla.—Apokalissi 12:9.
L-argument persważiv taʼ Satana kellu effett negattiv fuq Eva. Billi poġġiet il-fiduċja tagħha fil-kliem tat-Tentatur, hi ħalliet lilha nfisha tiġi sedotta u tiekol ftit mill-frott tas-siġra pprojbita. Żewġha, Adam, ngħaqad magħha f’li jieklu l-frotta, u t-tnejn li huma b’hekk saru midinbin. (Ġenesi 3:6; 1 Timotju 2:14) B’mod ċar, billi għażlu li ma jobdux lil Alla, l-ewwel ġenituri tagħna ma laħqux il-marka tal-perfezzjoni u għamlu lilhom infushom midinbin.
Xi ngħidu dwar in-nisel t’Adam u Eva? Il-Bibbja tispjega: “Kien permezz taʼ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Il-liġi taʼ l-eredità kienet diġà bdiet isseħħ. Adam ma setax jgħaddi għal fuq uliedu dak li ma kellux. (Ġob 14:4) Billi tilfu l-perfezzjoni, l-ewwel koppja kienu midinbin meta wliedhom ġew ikkonċeputi. Bħala riżultat, ilkoll kemm aħna—mingħajr eċċezzjoni—writna d-dnub. (Salm 51:5; Rumani 3:23) Imbagħad, id-dnub ma pproduċa xejn ħlief ħażen u sofferenza. Iktar minn hekk, minħabba f’dan, aħna lkoll nixjieħu u mmutu, “għax il-ħlas tad-dnub hu l-mewt.”—Rumani 6:23.
Il-Kuxjenza ‘Takkuża’ Jew ‘Tiskuża’
Ikkunsidra wkoll l-effett tad-dnub fuq l-imġiba taʼ l-ewwel par uman. Huma għattew partijiet minn ġisimhom u pprovaw jaħbu lilhom infushom minn Alla. (Ġenesi 3:7, 8) Id-dnub b’hekk ġagħalhom iħossu ħtija, anzjetà, u mistħija. L-umanità llum hija familjari ħafna maʼ dawn l-emozzjonijiet.
Min ma kellux sentimenti skomdi minħabba li żamm lura qalb tajba minn xi ħadd fil-bżonn jew min ma ħassx rimors talli qal kliem li qatt ma messu ntqal? (Ġakbu 4:17) Għala għandna sentimenti inkwetanti bħal dawn? L-appostlu Pawlu jispjega li ‘l-Liġi hija miktuba f’qalbna.’ Dment li l-kuxjenza tagħna ma tkunx saret xierfa, kwalunkwe vjolazzjoni taʼ dik il-liġi tipproduċi tqanqil intern. B’dan il-mod il-vuċi tal-kuxjenza ‘takkużana’ jew ‘tiskużana.’ (Rumani 2:15; 1 Timotju 4:2; Titu 1:15) Kemm jekk nirrealizzawh dan u kemm jekk le, aħna għandna sens ġewwieni tal-ħażin, tad-dnub!
Pawlu kien jaf sew bit-tendenzi midinbin tiegħu. “Meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin,” hu ammetta. “Skond il-bniedem taʼ ġewwa togħġobni l-liġi taʼ Alla; iżda nilmaħ fil-membri taʼ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi taʼ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi.” Għalhekk Pawlu staqsa: “Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?”—Rumani 7:21-24.
Ħelsien Mid-Dnub—Kif?
“Il-ħelsien, fit-tradizzjoni tal-Ħindu,” jgħid wieħed studjuż, “huwa ħelsien minn twelid u mwiet ripetuti.” Bħala soluzzjoni, il-Buddiżmu b’mod simili jipponta lejn in-Nirvana—stat li ma tkunx konxju tar-realtà esterna. Billi ma fehemx il-kunċett tad-dnub li jintiret, il-Ħinduiżmu jwiegħed biss ħarba mill-eżistenza.
Mill-banda l-oħra, il-mezz taʼ ħelsien tal-Bibbja jirriżulta fit-tneħħija attwali tal-kundizzjoni midinba. Wara li staqsa kif jistaʼ jiġi salvat mid-dnub, l-appostlu Pawlu jkompli jwieġeb: “Niżżi ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu Sidna!” (Rumani 7:25) Iva, is-salvazzjoni tiġi mingħand Alla permezz taʼ Ġesù Kristu.
Skond l-Evanġelju taʼ Mattew, “Bin il-bniedem,” Ġesù Kristu, ġie “biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” (Mattew 20:28) Bħalma hu ddokumentat fl-1 Timotju 2:6, Pawlu kiteb li Ġesù “ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa [‘li tikkorrispondi,’ NW] għal kulħadd.” Il-kelma “fidwa” tfisser li tħallas il-prezz għall-fidwa taʼ l-imjassrin. Il-fatt li din hija fidwa li tikkorrispondi jenfasizza l-effikaċja tal-prezz f’li jiġi bbilanċjat il-miżien legali tal-ġustizzja. Imma kif setgħet il-mewt taʼ bniedem wieħed tiġi kkunsidrata “fidwa għal kulħadd”?
Adam biegħ lill-umanità kollha, inkluż lilna, għal ġod-dnub u l-mewt. Il-prezz, jew piena, li ħallas kien il-ħajja umana perfetta tiegħu. Biex tpatti għal dan, ħajja umana perfetta oħra—fidwa li tikkorrispondi—kellha titħallas. (Eżodu 21:23; Dewteronomju 19:21; Rumani 5:18, 19) Ladarba l-ebda bniedem imperfett ma setaʼ jipprovdi din il-fidwa, Alla, fl-għerf infinit tiegħu, fetaħ triq biex noħorġu minn din id-dieqa. (Salm 49:8, 9 [Salm 49:6, 7, NW]) Hu ttrasferixxa l-ħajja perfetta taʼ l-Iben uniġenitu tiegħu mis-smewwiet għal ġol-ġuf taʼ verġni fuq l-art, billi ħallieh jitwieled bħala raġel perfett.—Luqa 1:30-38; Ġwann 3:16-18.
Sabiex iwettaq ix-xogħol taʼ li jifdi lill-umanità, Ġesù kellu jżomm l-integrità tiegħu ż-żmien kollu li kien fid-dinja. Hu dan għamlu. Imbagħad miet mewta taʼ sagrifiċċju. B’dan il-mod Ġesù aċċerta li l-valur taʼ ħajja umana perfetta—tiegħu stess—kellu jkun disponibbli biex jitħallas bħala fidwa ħalli jeħles lill-umanità.—2 Korintin 5:14; 1 Pietru 1:18, 19.
Dak Li L-Fidwa Taʼ Kristu Tistaʼ Tagħmel Għalina
Is-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalina minn issa stess. Billi neżerċitaw fidi fih, aħna nistgħu ngawdu waqfa nadifa quddiem Alla u nistgħu niġu taħt il-ħarsien mimli mħabba u teneru taʼ Jehovah. (Atti 10:43; Rumani 3:21-24) Minflok ma nħallu li tegħlibna l-ħtija għad-dnubiet li stajna għamilna, aħna nistgħu liberament infittxu l-maħfra mingħand Alla fuq il-bażi tal-fidwa.—Isaija 1:18; Efesin 1:7; 1 Ġwann 2:1, 2.
Fil-ġejjieni, il-fidwa se tagħmel possibbli l-fejqan komplet tal-kundizzjoni marida taʼ l-umanità kkawżata mid-dnub. L-aħħar ktieb tal-Bibbja jiddeskrivi “xmara taʼ l-ilma tal-Ħajja” ħierġa ’l barra mit-tron t’Alla. Matul ix-xtut tax-xmara hemm siġar mimlijin bil-frott li għandhom weraq li “huma duwa tajba għall-ġnus.” (Apokalissi 22:1, 2) Simbolikament, il-Bibbja hawnhekk titkellem dwar il-provvediment meraviljuż tal-Ħallieq biex jeħles lill-umanità mid-dnub u l-mewt għal dejjem fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù.
Il-viżjonijiet profetiċi tal-ktieb t’Apokalissi dalwaqt se jiġu mwettqin. (Apokalissi 22:6, 7) Imbagħad dawk kollha taʼ qalb tajba se jsiru perfetti, billi ‘jkunu meħlusin mill-jasar tat-taħsir.’ (Rumani 8:20, 21) M’għandux dan iqanqalna biex nitgħallmu iżjed dwar Alla Jehovah u l-Iben leali tiegħu, Ġesù Kristu, li sar il-fidwa?—Ġwann 17:3. (w97 7/15)
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation?, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 6]
Adam ġab id-dnub u l-mewt fuq l-umanità
[Stampa f’paġna 7]
Is-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù jġib ħelsien mid-dnub u l-mewt