L-Aħbar Tajba Skont Marku
9 Iżjed minn hekk, hu qalilhom: “Naċċertakom li fostkom hemm min mhux se jmut qabel ma jara s-Saltna t’Alla qed tmexxi.” 2 Sitt ijiem wara, Ġesù telaʼ fuq muntanja għolja u ħa miegħu lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni. Hu nbidel quddiemhom, 3 u ħwejġu saru bojod ħafna u bdew ileqqu. Ħadd fuq l-art ma jistaʼ jagħmilhom bojod hekk. 4 Ukoll, huma raw lil Elija u Mosè jitkellmu maʼ Ġesù. 5 Imbagħad Pietru qal lil Ġesù: “Rabbi,* hu privileġġ għalina li qegħdin hawn! Ħallina narmaw tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” 6 Fil-fatt, ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid, għax it-tlieta li huma kienu qed jibżgħu ħafna. 7 Imbagħad ġiet sħaba li għattiethom, u nstemaʼ leħen minnha li qal: “Dan hu Ibni l-maħbub. Isimgħu minnu.” 8 Imbagħad f’daqqa waħda ħarsu madwarhom u ma kien hemm ħadd magħhom ħlief Ġesù.
9 Hekk kif kienu neżlin minn fuq il-muntanja, hu kkmandahom b’mod sod biex ma jgħidu lil ħadd dwar dak li raw, sakemm hu, Bin il-bniedem, jiġi rxoxtat. 10 Huma ħadu dan il-kliem bis-serjetà,* imma ddiskutew bejniethom x’kien ifisser l-irxoxt tiegħu. 11 Huma bdew jistaqsuh: “Għala l-iskribi jgħidu li għandu jiġi Elija qabel il-Kristu?” 12 Qalilhom: “Elija żgur li ġej qabel u se jlesti kollox, imma dan x’għandu x’jaqsam maʼ dak li hemm miktub fuqi, Bin il-bniedem, jiġifieri li għandi ngħaddi minn ħafna tbatija u niġi ddiżonorat? 13 Imma jien ngħidilkom, Elija fil-fatt ġie, u huma għamlulu dak li riedu, eżatt bħalma hu miktub dwaru.”
14 Meta Ġesù u d-dixxipli waslu ħdejn id-dixxipli l-oħra, huma nnotaw li kien hemm folla kbira madwarhom, u kien hemm xi skribi jargumentaw magħhom. 15 Imma hekk kif il-folla kollha raw lil Ġesù, huma baqgħu sorpriżi u marru jiġru biex jilqgħuh. 16 Għalhekk staqsiehom: “Fuqiex kontu qed targumentaw?” 17 Wieħed mill-folla wieġbu: “Għalliem, jien ġibt it-tifel tiegħi għandek, għax għandu spirtu li mhux iħallih jitkellem. 18 Kull darba li jattakkah isabbtu mal-art, u t-tifel jibda joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jheżżeż snienu, u jiġi bla saħħa. Jien tlabt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh, imma ma setgħux.” 19 Ġesù wieġeb: “Ja nies* bla fidi, kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuh għandi.” 20 Għalhekk ġabulu t-tifel. Imma meta l-ispirtu ra lil Ġesù, ġiegħel lit-tifel jitriegħed ħafna.* Wara li waqaʼ mal-art, hu beda jitmiegħek bir-ragħwa ħierġa minn ħalqu. 21 Imbagħad Ġesù staqsa lil missieru: “Kemm ilu jiġrilu hekk?” Hu wieġbu: “Minn mindu kien żgħir. 22 Spiss l-ispirtu jitfgħu fin-nar u fl-ilma biex joqtlu. Imma jekk tistaʼ tagħmel xi ħaġa, ħenn għalina u għinna.” 23 Ġesù qallu: “Għala tgħid, ‘Jekk tistaʼ’? Għal dak li jkollu l-fidi kollox hu possibbli.” 24 Mill-ewwel, missier it-tifel għajjat: “Jien għandi fidi! Għinni jkolli iktar fidi!”
25 Ġesù nnota li l-folla kienet ġejja tgħaġġel lejhom, għalhekk ikkmanda b’mod sod l-ispirtu ħażin* u qallu: “Ja spirtu mutu u trux, nikkmandak biex toħroġ minnu u ma terġax tidħol fih.” 26 Wara li l-ispirtu għajjat u ġiegħel lit-tifel jitriegħed ħafna,* ħareġ minnu. U t-tifel deher qisu mejjet, tant li n-nies bdew jgħidu: “Dan miet!” 27 Imma Ġesù qabdu minn idu u qajmu, u dan qam bilwieqfa. 28 Għalhekk, wara li daħal ġo dar waħdu mad-dixxipli, staqsewh: “Għala ma stajniex inkeċċuh?” 29 Hu qalilhom: “Dan it-tip taʼ demonju ma jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb.”
30 Minn hemm, huma telqu u għaddew mill-Galilija, imma ma ried lil ħadd ikun jaf fejn qiegħed. 31 Għax hu kien qed jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Jien, Bin il-bniedem, se niġi ttradut u ningħata f’idejn l-għedewwa, u minkejja li se joqtluni, se niġi rxoxtat tlett ijiem wara.” 32 Madankollu, ma fehmux dak li qalilhom u bdew jibżgħu jistaqsuh.
33 Imbagħad waslu Kafarnahum. Issa meta kienu d-dar, hu staqsiehom: “Fuqiex kontu qed targumentaw aħna u ġejjin?” 34 Huma ma qalu xejn, għax kienu qed jargumentaw bejniethom dwar min minnhom kien l-aqwa. 35 Għalhekk, qagħad bilqiegħda, għajjat lit-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel, għandu jkun l-aħħar u jaqdi lil kulħadd.” 36 Imbagħad għajjat tifel żgħir, qiegħdu f’nofshom, poġġa jdejh fuq spallejn it-tifel, u qalilhom: 37 “Kull min jilqaʼ tifel żgħir bħal dan minħabba fija,* ikun qed jilqaʼ lili wkoll; u kull min jilqaʼ lili, ma jilqax lili biss imma wkoll lil Dak li bagħatni.”
38 Ġwanni qallu: “Għalliem, rajna lil xi ħadd ikeċċi d-demonji f’ismek u aħna pprovajna nwaqqfuh, għax mhux wieħed minna.” 39 Imma Ġesù qalilhom: “Tipprovawx twaqqfuh, għax ħadd ma jistaʼ jagħmel miraklu f’ismi u eżatt wara jibda jgħid affarijiet ħżiena dwari. 40 Għax min mhuwiex kontra tagħna hu magħna. 41 U kull min jagħtikom tazza ilma għax intom dixxipli taʼ Kristu, naċċertakom li żgur li se jiġi ppremjat. 42 Imma kull min ifixkel lil wieħed minn dawn it-tfal żgħar* li għandhom fidi fija, ikun aħjar għalih jekk jorbtulu m’għonqu ġebla taʼ mitħna li jdawwar ħmar u jitfgħuh il-baħar.
43 “Jekk idek tfixklek, aqtagħha barra. Aħjar tkun mingħajr id u tingħata l-ħajja milli jkollok idejk it-tnejn u tispiċċa f’Geħenna,* fin-nar li ma jistax jintefa. 44*—— 45 U jekk sieqek tfixklek, aqtagħha barra. Aħjar tkun mingħajr sieq u tingħata l-ħajja milli jkollok saqajk it-tnejn u tiġi mitfugħ f’Geħenna.* 46*—— 47 U jekk għajnek tfixklek, aqlagħha. Ikun aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna t’Alla* milli tiġi mitfugħ b’għajnejk it-tnejn f’Geħenna,* 48 fejn id-dud ma jmutx u n-nar ma jintefiex.
49 “Għax Alla se jitfaʼ n-nar fuq dawn in-nies, bħalma xi ħadd jitfaʼ l-melħ fuq l-ikel. 50 Il-melħ hu tajjeb, imma jekk jitlef it-togħma tiegħu, jistaʼ xi ħadd jerġaʼ jagħmlu jintiegħem bħall-melħ? Kunu bħall-melħ, u żommu l-paċi maʼ xulxin.”