Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi)
3 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Sardi iktiblu: Dawn huma l-affarijiet li jgħid dak li għandu s-sebaʼ spirti t’Alla u s-sebaʼ stilel: ‘Jien naf x’għamilt, u għalkemm għandek reputazzjoni* li int ħaj, int mejjet. 2 Allura oqgħod attent u saħħaħ l-affarijiet li kważi mietu, għax rajt li int m’għamiltx l-affarijiet kollha li Alla jridek tagħmel. 3 Għalhekk, kompli żomm f’moħħok* dak li rċivejt u li smajt, ibqaʼ agħmlu, u indem. Għax jekk ma tqumx, se niġi bħal ħalliel, u int żgur mhux se tkun taf fi xħin se niġi.
4 “‘Minkejja dan, għandek xi wħud* f’Sardi li ma niġġsux il-ħwejjeġ tagħhom, u se jimxu miegħi lebsin ħwejjeġ bojod, għax jistħoqqilhom. 5 Iva, min jirbaħ id-dinja se jilbes ħwejjeġ bojod, u jien żgur ma nħassarlux ismu mill-ktieb tal-ħajja, imma se ngħid li nafu quddiem Missieri u quddiem l-anġli tiegħu. 6 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li jgħid l-ispirtu lill-kongregazzjonijiet.’
7 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Filadelfja iktiblu: Dan jgħid dak li hu qaddis, li hu veru, li għandu ċ-ċavetta taʼ David, u li jekk jiftaħ bieb ħadd ma jistaʼ jagħlqu u jekk jagħlqu ħadd ma jistaʼ jiftħu: 8 ‘Jien naf x’għamilt, għalkemm m’għadx għandek qawwa, naf li int obdejt il-kelma tiegħi u li wrejt li int leali lejja.* Jien ftaħtlek bieb quddiemek li ħadd ma jistaʼ jagħlqu. 9 Dawk li huma mis-sinagoga taʼ Satana u li jgħidu li huma Lhud, imma mhumiex u qed jigdbu, se nġegħelhom jiġu, imilu ħdejn saqajk, u jkunu jafu li nħobbok. 10 Peress li ssaportejt bħalma għamilt jien, se nipproteġik fiż-żmien tal-prova meta niġi biex nittestja lin-nies kollha fuq l-art. 11 Jien ġej malajr. Għalhekk, ibqaʼ żomm sod maʼ dak li għandek ħalli ħadd ma jiħodlok il-premju* tiegħek.
12 “‘Lil min jirbaħ id-dinja, jien se nagħmlu kolonna fit-tempju t’Alla tiegħi, u xejn mhu se jneħħih minn hemm. Jien se nikteb fuqu l-isem t’Alla tiegħi, l-isem tal-belt tal-Alla tiegħi, li hi Ġerusalemm il-Ġdida li tinżel mis-sema mingħand l-Alla tiegħi, u l-isem il-ġdid tiegħi. 13 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet.’
14 “Lill-anġlu tal-kongregazzjoni f’Laodiċija iktiblu: Dan jgħid l-Ammen, ix-xhud leali u veru, il-bidu tal-ħolqien t’Alla: 15 ‘Jien naf x’għamilt, int bħal ilma fietel, la kiesaħ u lanqas sħun. Nixtieq li kieku kont bħal ilma kiesaħ jew sħun. 16 Imma peress li int bħal ilma fietel, la sħun u lanqas kiesaħ, jien se nobżqok minn ħalqi. 17 Int tgħid: “Jien sinjur, għandi ħafna ġid, u m’għandi bżonn xejn,” imma ma tafx li int imdejjaq, miskin, fqir, agħmi, u għarwien. 18 Għalhekk nagħtik parir li tixtri mingħandi deheb irfinut bin-nar biex issir sinjur, ħwejjeġ bojod biex oħrajn ma jarawkx għarwien u ma tistħix, u xi ħaġa* għal għajnejk biex tfiq u tara.
19 “‘Lil dawk kollha li jien inħobb, nikkoreġihom u niddixxiplinahom. Għalhekk, indem u aqdi lil Alla b’qalbek kollha. 20 Jien qiegħed quddiem il-bieb u qed inħabbat. Jekk xi ħadd jismaʼ leħni u jiftaħ il-bieb, se nidħol għandu u se nieklu flimkien filgħaxija. 21 Lil min jirbaħ id-dinja, jien se nħallih ipoġġi bilqiegħda miegħi fuq it-tron tiegħi, bħalma jien irbaħt id-dinja u poġġejt ħdejn Missieri fuq it-tron tiegħu. 22 Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ dak li l-ispirtu jgħid lill-kongregazzjonijiet.’”