Lir-Rumani
3 X’inhu l-vantaġġ taʼ li tkun Lhudi, jew x’benefiċċju fiha ċ-ċirkonċiżjoni? 2 Hemm ħafna vantaġġi. L-ewwel nett, Alla fada lil-Lhud bil-messaġġ* tiegħu. 3 Imma xi ngħidu jekk xi wħud minnhom ma kinux leali? Il-fatt li m’għandhomx fidi jfisser li n-nies ma jistgħux jafdaw iktar f’Alla? 4 Żgur li le! Anki jekk in-nies kollha jigdbu, Alla dejjem jgħid il-verità, bħalma tgħid l-Iskrittura: “Kliemek se juri li int ġust, u meta jakkużawk b’xi ħaġa int se turi li m’għandhomx raġun.” 5 Meta aħna nagħmlu affarijiet ħżiena, in-nies jaraw b’mod ċar li Alla hu ġust. Allura Alla għandu raġun juri li hu rrabjat. (Qed nitkellem bħalma jaħsbuha ċerti nies.) 6 M’hemmx dubju dwar dan! Inkella kif se jiġġudika d-dinja Alla?
7 Ukoll, jekk il-gidba tiegħi turi iktar biċ-ċar li dak li jgħid Alla hu veru u ġġiegħel lin-nies ifaħħruh, xi wħud forsi jistaqsu, “Għala qed niġi ġġudikat li jien midneb?* 8 U għala ma ngħidux, “Ħa nagħmlu affarijiet ħżiena ħalli jiġru affarijiet tajbin,” bħalma xi wħud jakkużawna b’mod falz li ngħidu? Dawk li jgħidu hekk se jiġu kkastigati kif jixirqilhom.
9 Allura għandna naħsbu li għandna pożizzjoni aħjar minn taʼ oħrajn minħabba li aħna Lhud? Lanqas xejn! Għax aħna diġà spjegajna li l-Lhud u l-Griegi* kollha huma ħatjin tad-dnub. 10 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “M’hemmx bniedem li hu ġust, lanqas wieħed. 11 M’hemm ħadd li jifhem x’għandu jsir. M’hemm ħadd li jfittex lil Alla. 12 Kulħadd tbiegħed minnu u kollha saru ma jiswew għal xejn. M’hemm l-ebda bniedem li juri qalb tajba, lanqas wieħed.” 13 “Ħalqhom hu bħal qabar miftuħ. Huma jħobbu jigdbu.” “Dak li jgħidu jagħmel ħsara bħall-velenu tas-sriep.” 14 “Minn ħalqhom joħorġu biss saħtiet u kliem taʼ rabja.” 15 “Huma ħsiebhom biex joqtlu.” 16 “Kulma jagħmlu jġib diżastru u dwejjaq. 17 Huma ma jafux kif iżommu l-paċi m’oħrajn.” 18 “Ma jirrispettawx lil* Alla.”
19 Issa nafu li kulma hemm fil-Liġi japplika għal dawk li huma taħt il-Liġi. L-iskop tagħha hu li ma tħallix lin-nies ikomplu jġibu l-iskużi, u biex turi li d-dinja kollha hi ħatja quddiem Alla u jistħoqqilha li tiġi kkastigata. 20 Għalhekk, ħadd ma jistaʼ jitqies ġust minn Alla talli jagħmel dak li tikkmanda l-Liġi, anzi l-Liġi tgħinna nifhmu aħjar x’inhu d-dnub.
21 Imma issa jidher ċar li Alla jistaʼ jqisna ġusti mingħajr ma nobdu l-Liġi. Dan il-fatt insibuh ukoll fil-Liġi u l-kitbiet tal-profeti. 22 Alla jistaʼ jqisna ġusti billi nuru l-fidi, jiġifieri l-fidi f’Ġesù Kristu, għax l-ebda poplu mhu aħjar minn ieħor. 23 Kollha dinbu u ma jistgħux jimitaw għalkollox il-kwalitajiet tal-għaġeb t’Alla.* 24 Bħala rigal b’xejn, Alla qieshom ġusti permezz tal-fidwa* taʼ Ġesù Kristu li hu pprovda b’qalb tajba kbira.* 25 Alla pprovdielna mod kif jerġaʼ jkollna ħbiberija miegħu billi* nuru fidi f’demm Ġesù. Alla għamel hekk biex juri li hu ġust, għax hu juri paċenzja billi jaħfer id-dnubiet li saru fil-passat. 26 Hu jurina l-ġustizzja tiegħu issa wkoll billi jqis lil dawk li juru fidi f’Ġesù bħala ġusti.
27 Allura għandna għal xiex niftaħru? Lanqas xejn. Għandna niftaħru għax nobdu l-Liġi? Le, għax il-liġi tal-fidi ma tħalliniex nagħmlu dan. 28 Għax aħna nafu li bniedem jitqies ġust billi juri l-fidi u mhux billi jipprova jagħmel dak li tikkmanda l-Liġi. 29 Alla mhuwiex Alla tal-Lhud biss, imma hu Alla tal-popli kollha. 30 La hemm Alla wieħed biss, hu se jqis ġusti lil dawk kollha li għandhom il-fidi, kemm jekk huma ċirkonċiżi u kemm jekk le. 31 Għalhekk, qegħdin aħna nġibu l-Liġi fix-xejn* bil-fidi tagħna? Lanqas xejn, anzi qed nappoġġawha.