Ġeremija
29 Din hi l-ittra li jien, il-profeta Ġeremija, bgħatt minn Ġerusalemm lill-bqija tal-anzjani, il-qassisin, il-profeti, u n-nies kollha li Nebukadnessar ħa fl-eżilju minn Ġerusalemm għal Babilonja. 2 Din bgħattha wara li r-Re Ġekonija, ommu,* l-uffiċjali tal-palazz, il-prinċpijiet taʼ Ġuda u Ġerusalemm, in-nies tas-sengħa, u l-ħaddieda* ttieħdu minn Ġerusalemm. 3 Din l-ittra bgħattha Babilonja m’Elgħasa bin Safan u Gemarija bin Ħilkija, dawk li r-Re Sedekija taʼ Ġuda bagħathom għand ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja. Din kienet tgħid:
4 “Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, hekk jgħidilhom lin-nies kollha li marru fl-eżilju, dawk li bgħatthom fl-eżilju minn Ġerusalemm għal Babilonja, 5 ‘Ibnu d-djar u għixu fihom. Ħawlu l-ġonna u kulu l-frott tagħhom. 6 Iżżewġu nisa u ħa jkollkom tfal subien u bniet. Ħudu nisa għas-subien tagħkom u żewġu lill-bniet tagħkom, ħalli anki huma jkollhom tfal subien u bniet. Komplu żdiedu hemmhekk u tonqsux. 7 U aħdmu biex ikun hemm il-paċi fil-belt li bgħattkom fiha u itolbu lil Ġeħova għaliha, għax jekk ikollha l-paċi, anki intom ikollkom il-paċi. 8 Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, hekk jgħidilkom: “Tħallux lill-profeti u lil dawk li jbassru l-futur li hemm fostkom iqarrqu bikom, u tisimgħux minn dawk li jispjegaw il-ħolm tagħhom. 9 Għax ‘huma qed jipprofetizzawlkom il-gideb f’ismi. Jien ma bgħatthomx,’ jgħid Ġeħova.”’”
10 “Għax hekk jgħid Ġeħova, ‘Meta jgħaddu s-70 sena f’Babilonja, jien se nieħu ħsiebkom u nżomm il-wegħda li għamilt magħkom billi nġibkom lura f’dan il-post.’
11 “Ġeħova jgħid, ‘Jien naf eżatt x’nixtieq għalikom. Nixtieq li jkollkom il-paċi u mhux l-inkwiet, u se nagħtikom futur u tama. 12 U intom se tgħajtuli u tiġu għandi bit-talb, u jien se nismagħkom.’
13 “‘Intom se tfittxuni u ssibuni, għax se tfittxuni b’qalbkom kollha. 14 U jien se nħallikom issibuni,’ jgħid Ġeħova. ‘Jien se nġibkom lura mill-jasar. Jien se niġborkom flimkien mill-popli u l-postijiet kollha fejn xerridtkom, u se nerġaʼ nġibkom lura fil-pajjiż tagħkom,’ jgħid Ġeħova.
15 “Imma intom għedtu, ‘Ġeħova tana profeti f’Babilonja.’
16 “Ġeħova hekk jgħid dwar ir-re li qiegħed fuq it-tron taʼ David u dwar in-nies kollha li qed jgħixu f’din il-belt, jiġifieri ħutkom li ma ttiħdux fl-eżilju magħkom, 17 ‘Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: “Jien qed nibgħat kontrihom ix-xabla, il-ġuħ, u l-mard,* u se nagħmilhom bħal tin li tant hu mħassar* li ma jistax jittiekel daqskemm hu ħażin.”’
18 “‘U se niġri warajhom bix-xabla, bil-ġuħ, u bil-mard, u se nġiegħel is-saltniet kollha tal-art jitwerwru minħabba dak li jkun ġralhom. U kull fejn inxerridhom mal-popli kollha, in-nies se jisħtuhom, jistagħġbu bihom, ixenglu rashom lejhom,* u jwaqqgħuhom għaċ-ċajt, 19 għax ma semgħux minn dak li għedtilhom permezz tal-qaddejja tiegħi l-profeti li bgħattilhom darba wara l-oħra,’ jgħid Ġeħova.
“‘Imma lanqas intom ma smajtu,’ jgħid Ġeħova.
20 “Għalhekk, intom ilkoll li qegħdin eżiljati, li jien bgħattkom minn Ġerusalemm għal Babilonja, isimgħu x’se ngħidilkom jien, Ġeħova. 21 Jien, Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ngħid hekk dwar Aħab bin Kolaja u dwar Sedekija bin Magħseja, li qed jipprofetizzawlkom il-gideb f’ismi, ‘Jien qed nagħtihom f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u hu se joqtolhom quddiem għajnejkom. 22 U l-eżiljati kollha taʼ Ġuda li qegħdin f’Babilonja se jużaw dak li jkun ġralhom bħala eżempju biex jisħtu lil oħrajn billi jgħidu: “Jalla Ġeħova jagħmlek bħal Sedekija u Aħab, li r-re taʼ Babilonja xwiehom fin-nar!” 23 Dan għax huma aġixxew bla mistħija f’Iżrael, billi għamlu adulterju man-nisa taʼ sħabhom u gidbu f’ismi mingħajr ma kkmandajthom.
“‘“Jien dan nafu u xhud tiegħu,” jgħid Ġeħova.’”
24 “U lil Semajja taʼ Neħelam għidlu, 25 ‘Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, jgħid hekk: “Int bgħatt ittri f’ismek lin-nies kollha li qegħdin Ġerusalemm, lill-qassis Sofonija bin Magħseja, u lill-qassisin kollha, biex tgħidilhom, 26 ‘Ġeħova għamlek qassis minflok il-qassis Ġeħojada biex tieħu ħsieb id-dar taʼ Ġeħova, biex toqgħod għassa għal min hu miġnun u jagħmilha taʼ profeta, u biex tpoġġilu saqajh, idejh, u rasu fil-qjud.* 27 Mela għala ma kkastigajtx lil Ġeremija t’Għanatot, li qed jagħmilha taʼ profeta għalikom? 28 Għax anki f’Babilonja bagħat jgħidilna: “Se ddumu hemm! Ibnu d-djar u għixu fihom. Ħawlu l-ġonna u kulu l-frott tagħhom.”’”’”
29 Meta l-qassis Sofonija qara din l-ittra quddiemi, il-profeta Ġeremija, 30 jien irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 31 “Ibgħat messaġġ lil dawk kollha li qegħdin fl-eżilju u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova dwar Semajja taʼ Neħelam: “Peress li Semajja pprofetizzalkom mingħajr ma bgħattu jien u pprova jġegħelkom tafdaw fil-gideb, 32 għalhekk jien, Ġeħova, ngħid, ‘Jien se nitlob kont minn Semajja taʼ Neħelam u mit-tfal tiegħu.’ Ġeħova jgħid, ‘Mhux se jkun hemm raġel mill-familja tiegħu li jibqaʼ ħaj minn dan il-poplu u mhux se jara l-ġid li se nagħmel għall-poplu tiegħi, għax hu ħeġġeġ lin-nies biex jirribellaw kontrija, Ġeħova.’”’”