Isaija
63 Min hu dan li ġej minn Edom,
Minn Bosra bi ħwejjeġ b’kuluri* jgħajtu,
Li għandu ħwejjeġ sbieħ
U qed jimmarċja bil-qawwa kbira tiegħu?
“Hu jien, il-Wieħed li ngħid dak li hu sewwa,
Il-Wieħed li għandi qawwa kbira biex insalva.”
2 Għala l-ħwejjeġ tiegħek huma ħomor,
U għala l-ilbies tiegħek hu bħal taʼ dak li jagħsar l-għeneb?
3 “Jien għaffiġt l-għeneb għall-inbid waħdi.
Ma kien hemm ħadd miegħi mill-popli.
Bqajt ngħaffeġ l-għedewwa tiegħi waqt li kont irrabjat,
U bqajt ngħaddi minn fuqhom waqt li kont inkorlat.
Il-ħwejjeġ tiegħi ċċappsu bid-demm tagħhom,
U tebbajt l-ilbies kollu tiegħi.
5 Fittixt, imma ma kien hemm ħadd min jgħin;
Bqajt mistagħġeb kif ħadd m’offra l-għajnuna.
Għalhekk, irbaħt bis-saħħa tiegħi,
U l-korla tiegħi stess għenitni.
6 Jien għaffiġt lin-nies meta kont irrabjat,
Ġegħelthom jiskru bil-korla tiegħi
U ferrajt id-demm tagħhom fl-art.”
7 Jien se nsemmi l-affarijiet li għamel Ġeħova bi mħabba u lealtà,*
Se nsemmi l-affarijiet taʼ min ifaħħarhom li għamel Ġeħova,
Dak kollu li għamel Ġeħova għalina,
Il-ħafna affarijiet tajbin li għamel għall-poplu t’Iżrael,
Minħabba li hu ħanin u juri ħafna mħabba u lealtà.
8 Għax hu qal: “Infatti huma l-poplu tiegħi, it-tfal li se jkunu leali lejja.”*
Għalhekk, hu sar Dak li Jsalvahom.
9 Meta kienu qed ibatu, anki hu kien qed ibati.
U l-messaġġier persunali tiegħu* salvahom.
Peress li hu mħabba u ħanin, hu xtrahom lura
U refagħhom u ġarrhom matul dawn is-snin kollha.
10 Imma huma rribellaw u dejqu lil Alla billi ħaduha kontra l-ispirtu qaddis tiegħu.*
Imbagħad, hu sar l-għadu tagħhom
U ġġieled kontrihom.
11 Huma bdew jiftakru fil-passat,
Fi żmien Mosè l-qaddej tiegħu, u qalu:
“Fejn hu l-Wieħed li ħariġhom mill-baħar flimkien mar-ragħajja tal-poplu tiegħu?
Fejn hu l-Wieħed li ta l-ispirtu qaddis tiegħu lil Mosè?*
12 Fejn hu l-Wieħed li ggwida lil Mosè bil-qawwa kbira Tiegħu,*
Li qasmilhom l-ilmijiet quddiemhom
U li għamel isem għalih innifsu, li jibqaʼ mfakkar għal dejjem?
13 Fejn hu l-Wieħed li mexxiehom minn ilmijiet għoljin,*
Ħalli jkunu jistgħu jimxu bla tfixkil
Bħal żiemel fil-kampanja?*
14 Bħalma l-annimali jistrieħu meta jinżlu fil-pjanura tal-wied,
L-ispirtu taʼ Ġeħova tahom il-mistrieħ.”
Int hekk mexxejt lill-poplu tiegħek,
Biex tagħmel isem glorjuż* għalik innifsek.
15 Ħares ’l isfel mis-sema,
Mill-post qaddis u glorjuż tiegħek li qiegħed fl-għoli.
Għala m’għadekx tagħti iktar kas u tuża l-qawwa tiegħek,
U ma titħassarniex u turi ħniena?
16 Għax int Missierna;
Għalkemm Abraham forsi ma jafniex
U Iżrael forsi ma jagħrafniex,
Int, Ġeħova, Missierna.
Int Dak li Xtrajtna Lura żmien twil ilu.
17 Ġeħova, għala tħallina* nitbiegħdu mit-triqat tiegħek?
Għala tħallina* nwebbsu rasna, u b’hekk ma nirrispettawkx?*
Erġaʼ urina ħniena, għax aħna l-qaddejja tiegħek,
Il-poplu li hu l-wirt tiegħek.
18 Il-poplu qaddis tiegħek kellu l-art għal żmien qasir.
L-għedewwa tagħna għaffġu taħt saqajhom is-santwarju tiegħek.
19 Għal ħafna żmien, aħna sirna bħal dawk li int qatt ma mexxejt fuqhom,
Bħal dawk li qatt ma ssejħu b’ismek.