L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
16 U Ġeħova qal lil Samwel: “Kemm se ddum issewwed qalbek minħabba Sawl la jien warrabtu biex ma jmexxix fuq Iżrael? Imla l-qarn tiegħek biż-żejt u mur. Se nibagħtek għand Ġesse l-Betlemi, għaliex jien għażilt re għalija mit-tfal tiegħu.” 2 Imma Samwel qal: “Kif nistaʼ mmur? Meta Sawl jismaʼ b’dan, joqtolni.” Ġeħova wieġeb: “Ħu miegħek għoġla u għid, ‘Ġejt biex noffri sagrifiċċju lil Ġeħova.’ 3 Stieden lil Ġesse għas-sagrifiċċju, imbagħad nurik x’għandek tagħmel. Għandek tagħżel* għalija lil dak li ngħidlek jien.”
4 Samwel għamel dak li qallu Ġeħova. Meta wasal Betlem, l-anzjani* tal-belt bdew jirtogħdu meta laqgħuh, u qalulu: “Ġejt bil-paċi?” 5 Wiġibhom: “Iva, bil-paċi. Ġejt biex noffri sagrifiċċju lil Ġeħova. Tqaddsu u ejjew miegħi għas-sagrifiċċju.” Imbagħad hu qaddes lil Ġesse u lit-tfal tiegħu, u wara għajtilhom għas-sagrifiċċju. 6 Hekk kif daħlu u ra lil Eljab, hu qal: “Żgur lil dan għażel* Ġeħova.” 7 Imma Ġeħova qal lil Samwel: “Tagħtix kas id-dehra tiegħu u kemm hu twil, għax jien warrabtu. Għax jien ma narax bħalma jara l-bniedem. Il-bniedem jara dak li jidher minn barra, imma jien, Ġeħova, nara x’hemm fil-qalb.” 8 Imbagħad Ġesse għajjat lil Abinadab u ħadu quddiem Samwel, imma hu qal: “Lanqas lil dan m’għażel Ġeħova.” 9 Imbagħad Ġesse ħadlu lil Sammah, imma hu qal: “Lanqas lil dan m’għażel Ġeħova.” 10 Ġesse ħa sebgħa mit-tfal tiegħu subien quddiem Samwel, imma Samwel qallu: “Ġeħova m’għażel lil ħadd minn dawn.”
11 Fl-aħħar, Samwel staqsa lil Ġesse: “Dawn huma s-subien kollha?” U dan wieġbu: “Għad baqaʼ l-iżgħar wieħed. Hu qed jirgħa n-nagħaġ.” Imbagħad Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih, għaliex m’aħniex se nieklu qabel ma jiġi.” 12 Għalhekk, bagħat għalih u ħadu quddiem Samwel. Issa dan kien żagħżugħ ruxxan, b’għajnejh sbieħ, u gustuż. Imbagħad Ġeħova qal: “Idilku,* għax dan hu l-wieħed!” 13 Għalhekk, Samwel ħa l-qarn taż-żejt u dilku quddiem ħutu. U l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jsaħħaħ lil David minn dakinhar ’il quddiem. Iktar tard, Samwel qam u telaq lejn Rama.
14 Issa l-ispirtu taʼ Ġeħova telaq minn fuq Sawl, u Ġeħova ppermetta li jkollu ħsibijiet koroh* li jwerwruh. 15 Il-qaddejja taʼ Sawl qalulu: “Alla qed jippermetti li jkollok ħsibijiet koroh* li jwerwruk. 16 Jekk jogħġbok sidna, ikkmanda lilna, il-qaddejja tiegħek, biex infittxu raġel li jaf idoqq l-arpa sew. U kull darba li Alla jippermetti li jkollok ħsibijiet koroh,* hu jdoqqha u tħossok aħjar.” 17 Għalhekk, Sawl qal lill-qaddejja tiegħu: “Jekk jogħġobkom, sibuli raġel li jaf idoqq tajjeb, u ġibuh għandi.”
18 Wieħed mill-qaddejja qal: “Bin Ġesse l-Betlemi jaf idoqq sew, u hu gwerrier kuraġġuż u b’saħħtu. Hu kelliemi tajjeb, gustuż, u Ġeħova qiegħed miegħu.” 19 Imbagħad Sawl bagħat xi messaġġiera għand Ġesse u qalulu: “Ibgħatli lil ibnek David, li qiegħed mal-merħla.” 20 Għalhekk, Ġesse għabba ħmar bil-ħobż, flixkun tal-ġilda bl-inbid, u gidi u bagħathom lil Sawl m’ibnu David. 21 B’hekk, David mar għand Sawl u beda jaqdih. Sawl sar iħobbu ħafna, u David sar dak li jġorrlu l-armi. 22 Sawl bagħat jgħid lil Ġesse: “Jekk jogħġbok, ħa jibqaʼ jaqdini David, għax għandi pjaċir bih.” 23 Kull darba li Alla kien jippermetti li Sawl ikollu ħsibijiet koroh,* David kien jibda jdoqq l-arpa. U Sawl kien jistrieħ u jħossu aħjar, u ma kienx jibqaʼ jkollu ħsibijiet koroh.