Naħum*
1 Id-dikjarazzjoni kontra Ninwe:+ Il-ktieb tal-viżjoni taʼ Naħum l-Elkosi:
2 Ġeħova hu Alla li jesiġi devozzjoni esklużiva+ u jagħmel vendetta; Ġeħova jagħmel vendetta+ u jinkorla.+ Ġeħova jagħmel vendetta mill-avversarji tiegħu,+ u jerfaʼ l-għadab għall-għedewwa tiegħu.+
3 Ġeħova bil-mod biex jirrabja+ u kbir fil-qawwa,+ imma Ġeħova bl-ebda mod ma jżomm lura milli jikkastiga.+
Triqtu hi fir-riefnu u fil-maltempata, u s-sħab hu t-trab taʼ saqajh.+
4 Hu jċanfar il-baħar,+ u jnixxfu; u x-xmajjar kollha jqaxqaxhom.+
Il-Basan u l-Karmel dbielu,+ u ż-żahar tal-Libanu dbiel.
5 Il-muntanji triegħdu minħabba fih, u l-għoljiet dabu.+
U l-art tintrefaʼ quddiem wiċċu; l-art produttiva wkoll, u kulmin jgħammar fiha.+
6 Min jistaʼ jieqaf quddiem il-kundanna tiegħu?+ U min jistaʼ jqum kontra s-saħna tar-rabja tiegħu?+
Il-korla tiegħu titferraʼ bħan-nar,+ u l-blat jiġġarraf minħabba fih.
7 Ġeħova hu tajjeb,+ post taʼ sigurtà+ f’jum l-hemm.+
U jaf b’dawk li jfittxu l-kenn fih.+
8 U permezz taʼ l-għargħar li għaddej se jeqred għalkollox il-post tagħha,*+ u d-dlam jiġri wara l-għedewwa tiegħu.+
9 X’intom tfasslu f’moħħkom kontra Ġeħova?+ Hu qed jikkaġuna qerda sħiħa.
L-inkwiet ma jerġax iqum it-tieni darba.+
10 Għalkemm huma minsuġin bħax-xewk+ u fis-sakra bil-birra tal-qamħ,+ se jinbelgħu bħat-tiben* niexef għalkollox.+
11 Minnek joħroġ wieħed li f’moħħu jfassal dak li hu ħażin kontra Ġeħova,+ iħeġġeġ dak li ma jiswa xejn.+
12 Hekk qal Ġeħova: “Għalkemm ma kien jonqoshom xejn u kien hemm ħafna f’dan l-istat, saħansitra f’dan l-istat iridu jinqerdu;+ u wieħed irid jgħaddi minn ġo nofshom. U jien ngħakksek sakemm ma jkunx hemm għalfejn ngħakksek iktar.+ 13 U issa se nkisser il-madmad tiegħu minn fuqek,+ u naqsam fi tnejn l-irbit taʼ fuqek.+ 14 U dwarek Ġeħova kkmanda, ‘Xejn minn ismek ma jinżeraʼ iktar.+ Minn dar allatek neqred ix-xbieha skolpita u l-istatwa magħmula minn metall imdewweb.+ Nagħmillek post għad-dfin,+ għaliex ma tiswa xejn.’
15 “Ara! Fuq il-muntanji hemm is-saqajn taʼ dak li qed iġib aħbar tajba, dak li qed ixandar il-paċi.+ O Ġuda, iċċelebra l-festi tiegħek.+ Rodd il-wegħdi tiegħek;+ għaliex qatt iktar ma se jerġaʼ jgħaddi minn ġo fik xi ħadd li m’hu tajjeb għal xejn.+ Żgur li jinqered kollu kemm hu.”+
2 Telaʼ quddiem wiċċek dak li se jxerred lin-nies tiegħek.*+ Ħa jiġi mħares il-post fortifikat. Għasses it-triq. Saħħaħ ġenbejk. Żid ħafna l-qawwa.+
2 Għax Ġeħova se jiġbor il-glorja taʼ Ġakobb,+ bħall-glorja taʼ Israel, għaliex dawk li jħarbtu ħarbtuhom;+ u ż-żraġen tagħhom irrovinawhom.+
3 It-tarka tas-setgħanin tiegħu miżbugħa ħamra; l-irġiel tiegħu mimlijin enerġija lebsin il-krimżi.+ L-armi tal-ħadid fuq il-karru tal-gwerra jleqqu bħan-nar fil-jum li hu jlesti għall-battalja, u l-lanez magħmulin mis-siġra tal-ġnibru+ bdew jixxejru. 4 Il-karrijiet tal-gwerra qed ilebbtu b’mod sfrenat fit-toroq.+ Qed jiġru ’l fuq u ’l isfel fil-pjazez. Jidhru qishom torċi mixgħulin. Jiġru bħall-beraq.+
5 Hu jiftakar fil-kbarat tiegħu.+ Se jitfixklu fil-mixi tagħhom.+ Jgħaġġlu lejn is-sur tagħha, u l-barrikata trid tkun imwaqqfa fis-sod. 6 Bwieb ix-xmajjar jinfetħu, u l-palazz se jinqered. 7 U dan ġie deċiż; hi ġiet mikxufa; se tinġarr lil hinn fil-jasar,+ u l-ilsiera nisa tagħha se jokorbu, bħall-ħoss tal-ħamiem,+ iħabbtu darba wara l-oħra fuq sidirhom.+ 8 U mindu ilha teżisti, Ninwe+ kienet bħal għadira taʼ l-ilmijiet;+ imma huma qed jaħarbu. “Ieqfu! Ieqfu!” Imma ħadd ma jdur lura.+
9 Isirqu l-fidda; isirqu d-deheb;+ għax m’hemmx limitu għat-teżor. Hemm ammont kbir taʼ kull xorta t’oġġetti mixtiqin.+
10 Belt vojta, magħmula baħħ, u mħarbta!+ U l-qalb iddub,+ u l-irkopptejn jirtogħdu,+ u l-uġigħ qawwi qiegħed fil-ġenbejn kollha;+ u l-uċuħ tagħhom kollha saru ħomor nar bl-ansjetà.+ 11 Fejn hi l-bejta taʼ l-iljuni, u l-għar taʼ l-iljuni b’saħħithom, fejn l-iljun mexa u daħal,+ fejn kien hemm il-ferħ taʼ l-iljun, u ma kienx hemm min ibeżżagħhom?+ 12 L-iljun kien qed iqattaʼ biċċiet biżżejjed għall-frieħ tiegħu, u kien qed jifga l-priża għall-iljunessi tiegħu. U l-ħofor tiegħu żammhom mimlijin bil-priża u l-moħbiet tiegħu b’annimali mqattgħin biċċiet.+
13 “Ara! Jien kontrik,” hija l-kelma taʼ Ġeħova taʼ l-armati,+ “u naħraq il-karru tal-gwerra tiegħek u nagħmlu duħħan.+ U sejf għad jiblaʼ l-iljuni b’saħħithom tiegħek stess.+ U neqred il-priża tiegħek minn fuq l-art, u qatt iktar ma jinstemaʼ leħen il-messaġġiera tiegħek.”+
3 Gwaj għall-belt li xxerred id-demm.+ Mimlija qerq u serq. Il-priża ma taqtaʼ qatt! 2 Hemm il-ħoss tal-frosta+ u l-ħoss tat-tkarwit tar-roti, u ż-żiemel ilebbet u l-karru jaqbeż.+ 3 Ir-rikkieb fuq iż-żiemel, u l-fjamma tas-sejf, u d-dija tal-lanza,+ u l-kotra tal-maqtulin, u l-gozz kbir taʼ katavri; u l-iġsma mejtin ma jispiċċaw qatt. Jibqgħu jitfixklu fl-iġsma mejtin tagħhom; 4 minħabba l-ħafna atti taʼ prostituzzjoni mill-prostituta,+ li tiġbdek bi ġmielha, li hi saħħara, u li qed taqbad fin-nassa ġnus sħaħ bl-atti taʼ prostituzzjoni tagħha u familji sħaħ bis-sħarijiet tagħha.+
5 “Ara! Jien kontrik,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova taʼ l-armati, “u ngħollilek djulek fuq wiċċek, u nġiegħel lill-ġnus jaraw l-għera tiegħek,+ u lis-saltniet id-diżunur tiegħek. 6 U nitfaʼ l-qżiżijiet fuqek,+ u nagħmlek taʼ min jiddisprezzak; u nagħmel wirja bik.+ 7 U jrid iseħħ li kulmin jarak jaħrab ’il bogħod minnek+ u jgħid, ‘Ninwe saret ħerba! Min se jħoss għaliha?’ Minfejn infittex lil min ifarrġek? 8 Jaqaw int aħjar minn No-amon,+ li kienet bil-qiegħda ħdejn il-kanali tan-Nil?+ L-ilmijiet kienu dawramejt magħha, il-baħar kien l-għana tagħha, u l-baħar kien is-sur tagħha. 9 L-Etjopja u l-Eġittu+ kienu s-setgħa sħiħa tagħha; u din kienet bla limitu. Put u l-Libjani kienu t’għajnuna għalik.+ 10 Hi, ukoll, kellha tmur fl-eżilju;+ marret fil-jasar. Uliedha wkoll tfarrku f’ras it-toroq kollha;+ u għall-irġiel glorifikati tagħha tefgħu x-xorti,+ u l-kbarat tagħha ġew marbutin kollha bil-ktajjen.+
11 “Int stess se tisker ukoll;+ issir xi ħaġa moħbija.+ Int stess ukoll se tfittex post taʼ sigurtà mill-għadu.+ 12 Il-postijiet fortifikati kollha tiegħek huma bħal siġar tat-tin bl-ewwel frott misjur li jekk iċaqalquh jaqaʼ f’ħalq min jieklu.+
13 “Ara! In-nies tiegħek qishom nisa f’nofsok.+ Bwieb artek żgur li jinfetħu għall-għedewwa tiegħek. In-nar se jiblaʼ l-istaneg tiegħek.+ 14 Imla l-ilma għalik għall-assedju.+ Saħħaħ il-postijiet fortifikati tiegħek.+ Idħol fit-tajn, u għaffeġ fit-tafal; aqbad il-forma tal-madum.* 15 Hemmhekk ukoll se jibilgħek in-nar. Sejf se jeqirdek.+ Jibilgħek bħalma l-ġurat jiblaʼ l-ħaxix.+ Oktor ħafna fl-għadd bħal dan il-ġurat; oktor ħafna fl-għadd bħall-ġurat. 16 Int kattart in-negozjanti tiegħek iktar mill-kwiekeb tas-smewwiet.+
“Inkwantu għall-ġurat, dan ibiddel il-ġilda tiegħu; imbagħad itir lil hinn. 17 Il-gwardji tiegħek huma bħall-ġurati, u l-fizzjali tiegħek li jingaġġaw is-suldati huma bħal qatgħa ġurati. Qed jikkampjaw fi mqawel tal-ġebel f’jum kiesaħ. Lanqas tilħaq tiddi x-xemx li ma jaħarbux lil hinn; u ħadd ma jkun jaf fejn ikunu.+
18 “Ir-rgħajja tiegħek qabadhom in-ngħas,+ O sultan taʼ l-Assirja; il-kbarat tiegħek jibqgħu fi djarhom.+ In-nies tiegħek xterdu fuq il-muntanji, u m’hemm ħadd li jiġborhom flimkien.+ 19 M’hemmx serħan mill-katastrofi tiegħek. Il-ġerħa tiegħek ma titfejjaqx.+ Kulmin jismaʼ l-aħbar dwarek iċapċap idejh minħabba fik;+ għaliex fuq min m’għaddiex kontinwament il-ħażen tiegħek?”+
Ifisser “Farrâġ.”
“Tagħha,” tirreferi għal Ninwe.
Letteralment, “qasbija.” Ara Eżo 5:12, in-nota taʼ taħt.
“Tiegħek,” tirreferi għal Ninwe.
Dan ġeneralment jirreferi għal briks magħmulin minn tiben u tajn jew tafal.