LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 9/8 pp. 22-24
  • Żjara lill-“Eqdem Belt fir-Russja”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żjara lill-“Eqdem Belt fir-Russja”
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Vjaġġ Tagħna Lejn Novgorod
  • Moska Sat-​850 Anniversarju Tagħha
    Stenbaħ!—1997
  • San Pietruburgu—“It-Tieqa fuq l-Ewropa” tar-Russja
    Stenbaħ!—2003
  • Battalja Legali Twila Tispiċċa b’Rebħa!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Ir-Russi Jgħożżu l-Libertà tal-Qima
    Stenbaħ!—2000
Stenbaħ!—2000
g00 9/8 pp. 22-24

Żjara lill-​“Eqdem Belt fir-​Russja”

JIEN u l-​mara tiegħi, Linda, morna Moska fuq xogħol f’Lulju taʼ l-​1998. Qatt ma konna morna r-​Russja qabel, u konna ħerqanin biex nitgħallmu dwar il-​pajjiż, in-​nies u l-​lingwa li jitkellmu biha.

Ftit wara li wasalna, ġiet f’idi karta tal-​flus ħadra taʼ ħames rubli. Innotajt li fuq in-​naħa taʼ wara kien hemm disinn interessanti. Fuqha kien hemm bħal fortizza tal-​briks tas-​seklu 14 jew 15, tħares għal fuq xmara, u fl-​isfond kien hemm gżira u lag. Fil-​kantuniera kien hemm stampat l-​isem tal-​post: Novgorod.

Jien staqsejt lill-​Moskoviti dwar dan il-​post. Kulħadd kien samaʼ b’Novgorod, imma minn dawk kollha li staqsejt, wieħed biss kien fil-​fatt mar hemm. Qaluli li l-​post kien inqas minn 550 kilometru ’l bogħod minn Moska, u li stajna mmorru bil-​ferrovija matul il-​lejl, fl-​istess rotta għal San Pietruburgu. Jien u l-​mara ddeċidejna li mmorru.

Il-​Vjaġġ Tagħna Lejn Novgorod

Peress li qabel kont diġà xtrajt il-​biljetti għal San Pietruburgu, kont naf fejn irrid immur biex nixtrihom. In-​numru tal-​vagun tal-​ferrovija u l-​postijiet tagħna kienu stampati fuq il-​biljetti li tawna. Dan kollu ġara jum wieħed fil-​għaxija, f’Settembru li għadda. Wasalna fl-​istazzjon tal-​ferrovija ftit wara d-​disgħa u sibna l-​postijiet merfugħin għalina fil-​vagun numru 5.

Wara ħafna żaqżiq u mbagħad skoss qawwi, il-​vagun beda miexi ’l quddiem. Peress li l-​ferrovija kellha tieqaf f’kull stazzjon, qattajna l-​lejl kollu sejrin hekk. Konna nieqfu u wara ftit minuti kienet tgħaddi xi ferrovija oħra kollha ħsejjes. Il-​ferrovija tagħna kienet tieqaf għal ftit minuti oħra fil-​ħemda tal-​lejl fuq il-​binarju ż-​żgħir. Imbagħad, malli jitneħħew il-​brejkijiet, il-​vagun li konna fih kien jerġaʼ jaqbad it-​triq mal-​kumplament tal-​ferrovija, b’kull ħoss li tistaʼ timmaġina. Wara kont nerġaʼ norqod.

Il-persuna inkarigata mill-​vagun tagħna ħabtitilna mal-​bieb ftit qabel ma wasalna f’Novgorod. L-​istazzjon tal-​ferrovija kien mimli nies, avolja kienu s-​sebgħa taʼ fil-​għodu. Sibna ħanut minfejn nixtru mappa tal-​belt u staqsejna lill-​bejjiegħ kemm suppost tiġina taxi sal-​lukanda. B’20 rublu (27 ċenteżmu), ix-​xufier tat-​taxi ħadna b’karozza Russa, Lada, sal-​lukanda tagħna u għaddiena minn fuq ix-​Xmara Volkhov, l-​istess xmara li rajt fuq il-​karta tal-​flus.

Ix-xufier qalilna li hu ma kienx Russu imma l-​mara tiegħu kienet, u għalhekk kien jgħix ir-​Russja. Fil-​lukanda ġejna milqugħin ħafna u saħansitra tawna ċ-​ċwievet tal-​kamra, avolja kienu għadhom is-​sebgħa u nofs taʼ fil-​għodu. Tawna wkoll xi ideat fejn stajna mmorru. Għalhekk morna passiġġata max-​xmara u wara morna nieħdu l-​kolazzjon.

Rajna ġnien bil-​ħaxix maqtugħ pulit u b’siġar imqasqsin b’mod sabiħ. Il-​passaġġ taʼ max-​xmara kien imżewwaq b’ringieli taʼ fjuri mill-​isbaħ. Xi kultant kont tara xi karozza tal-​linja Koreana bi grupp turisti. Madankollu, għalkemm kien hemm xi turisti, Novgorod m’hijiex xi post turistiku. Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies li rajna kienu Russi.

Għadd taʼ residenti lokali qalulna li Novgorod hija l-​eqdem belt fir-​Russja. Jgħidu li ilha iktar minn 1,100 sena. Bħala turija tal-​wirt reliġjuż li fiha, wieħed jistaʼ jara ħafna knejjes antiki mxerrdin mal-​belt. Fil-​fatt, fuq il-​mappa Linda rnexxielha ssib 25 knisja fl-​inħawi tal-​lukanda biss.

Ġewwa l-​kremlin sibna torri. M’iniex nirreferi għall-​Kremlin f’Moska, imma bir-​Russu “kremlin” tfisser “belt fortizza.” It-​torri kellu taraġ li jagħti sa fuqnett. Ħallewna nitilgħu l-​garigor sa fuqnett b’5 rubli (inqas minn 8 ċenteżmi). X’ħin qabbilt il-​veduta maʼ l-​istampa li kien hemm fuq il-​karta tal-​flus taʼ ħames rubli, innotajt li s-​siġar kienu kibru, u li kienet tpoġġiet tinda tul il-​passaġġ fuq il-​ħajt tal-​kremlin. Madankollu, ix-​Xmara Volkhov hemm kienet—l-​istess xmara, u l-​istess gżira u lag fl-​isfond. L-​unika ħaġa differenti mill-​istampa kien il-​krejn iħammel ix-​xmara.

Fit-tieni jum li qattajna f’Novgorod, kien hemm xi ħaġa li laqtitna ħafna. Għalkemm din il-​belt hija meqjusa bħala waħda żgħira mir-​Russi—minkejja li għandha popolazzjoni taʼ 250,000 ruħ—in-​nies t’hemmhekk baqgħu jiftakru wiċċna u anki xi affarijiet dwarna! Il-​waitress fil-​lukanda baqgħet tiftakarna mill-​ġurnata taʼ qabel. Baqgħet tiftakar li nħobbu l-​kafè, u allura bdiet il-​ħin kollu ġġibilna l-​kafè. Ftakret ukoll li ma nħobbux nixorbu meraq tal-​frott, u għalhekk ma reġgħetx staqsietna t-​tieni darba li morna. Meta staqsejtha għall-​kont, Olga, għax hekk kien jisimha, tbissmet u qaltli, “Intom fil-​kamra numru 356 qegħdin, hux hekk?”

Il-Ħadd, kien hemm eluf taʼ nies jippassiġġaw fil-​kremlin, fuq il-​pont tax-​Xmara Volkhov, fit-​toroq, u fil-​passaġġ taʼ max-​xmara. Linda marret tixtri ftit popcorn minn ħdejn il-​pont, u kif tistgħu tobsru, il-​bejjiegħ baqaʼ jiftakarha mill-​ġurnata taʼ qabel.

Meta għal darb’oħra morna biex nitilgħu fit-​torri ħalli nerġgħu naraw il-​veduta, it-​tfajla li kienet qegħda taqtaʼ l-​biljetti tbissmitilna u qaltilna: “Intom kontu hawn il-​bieraħ, hux veru? Mela la diġà ħallastu l-​bieraħ, m’hemmx għalfejn terġgħu tħallsu.”

Iltqajna wkoll maʼ David, ħabib tagħna li sirna nafuh snin ilu fi New York. Hu kien iżżewweġ tfajla Russa, Alyona, u issa kienu qed jgħixu f’Novgorod, jaqdu bħala ministri f’waħda mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Iltqajna barra r-​Restorant Detinets, li huwa mibni fil-​ħajt fil-quċċata tal-kremlin. Hemmhekk servewlna l-​aqwa ikel Russu li qatt konna doqna. Bħala l-​ewwel platt kellna insalata u soppa, wara kellna t-​tieni platt, u spiċċajna bid-​deżerta u l-​kafè, u dan kollu kien relattivament irħis għalina.

Novgorod kienet belt b’nies dħulin li baqgħu jiftakruna, belt b’ikel mill-​aqwa, u interessanti wkoll bl-​istorja u l-​varjetà li fiha. Nisperaw li nerġgħu mmorru.—Kontribwita.

[Stampi f’paġna 22, 23]

Il-​karta tal-​flus Russa taʼ ħames rubli, u ritratt taʼ l-​istess veduta f’Novgorod

[Stampa f’paġna 23]

Il-​kremlin, mix-​Xmara Volkhov

[Stampa f’paġna 24]

Għaddejjin minn fuq pont fuq ix-​Xmara Volkhov

[Stampa f’paġna 24]

Għal sekli sħaħ, ir-​reliġjon kienet importanti f’Novgorod

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja