LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • ba pp. 7-9
  • Kif Baqaʼ Jeżisti l-​Ktieb?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Baqaʼ Jeżisti l-​Ktieb?
  • Ktieb Għan-Nies Kollha
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ippreservat Minn Kopjisti Metikulużi
  • Bażi Solida Għal Fiduċja
  • Korrezzjoni Taʼ L-​Iżbalji Tal-​Kopjisti
  • ll-Ġlieda tal-Bibbja biex Tgħix
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Ktieb għan-Nies Kollha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Il-Bibbja ġiet mibdula?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Il-Bibbja baqgħet teżisti minkejja attentati biex jinbidel il-messaġġ tagħha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
Ktieb Għan-Nies Kollha
ba pp. 7-9

Kif Baqaʼ Jeżisti l-​Ktieb?

Il-​kitbiet antiki kellhom għedewwa naturali​—in-​nar, l-​umdu, il-​moffa. Il-​Bibbja ma kinitx eżentata minn perikli bħal dawn. Id-​dokumentazzjoni taʼ kif irnexxielha tibqaʼ teżisti matul it-​tkagħbir taż-​żmien biex issir l-​iktar ktieb aċċessibbli fid-​dinja tispikka fost il-​kitbiet antiki. Dik l-​istorja jixirqilha iktar minn interess superfiċjali.

IL-​KITTIEBA tal-​Bibbja ma naqqxux kliemhom fuq il-​ġebel; lanqas ma kitbuhom fuq twavel tat-​tafal li ma jitmermrux malajr. Evidentement huma ddokumentaw kliemhom fuq materjal li jitherra​—il-​papiru (magħmul mix-​xitla Eġizzjana taʼ l-​istess isem) u l-​parċmina (magħmula mill-​ġlud taʼ l-​annimali).

Xi ġralhom il-​kitbiet oriġinali? Probabbilment iddiżintegraw żmien twil ilu, il-​biċċa l-​kbira minnhom f’Iżrael tal-​qedem. L-​istudjuż Oscar Paret jispjega: “Dawn iż-​żewġ mezzi taʼ kitba [il-papiru u l-​ġilda] huma suxxettibbli ndaqs għall-​periklu taʼ l-​umdità, tal-​moffa, u taʼ diversi għamliet taʼ dud. Aħna nafu mill-​esperjenza tagħna taʼ kuljum kemm huwa faċli li l-​karta u saħansitra l-​ġilda b’saħħitha, jiddeterjoraw fl-​arja aperta jew f’xi kamra umda.”1

Jekk l-​oriġinali m’għadhomx jeżistu, allura l-​kliem tal-​kittieba tal-​Bibbja kif irnexxielu jibqaʼ jeżisti sal-​lum?

Ippreservat Minn Kopjisti Metikulużi

Ftit taż-​żmien wara li nkitbu l-​oriġinali, bdew jinħarġu kopji miktubin bl-​idejn. L-​ikkopjar taʼ l-​Iskrittura attwalment sar professjoni f’Iżrael tal-​qedem. (Esdra 7:6; Salm 45:2 [45:​1, New World Translation]) Il-​kopji, iżda, ġew dokumentati wkoll fuq materjal li jitherra. Eventwalment dawn kellhom jiġu sostitwiti minn kopji oħrajn miktubin bl-​idejn. Meta l-​oriġinali għosfru, dawn il-​kopji saru l-​bażi għal manuskritti fil-​futur. L-​ikkopjar tal-​kopji kien proċess li baqaʼ sejjer għal bosta sekli. Għamlu l-​iżbalji tal-​kopjisti mal-​medda tas-​sekli xi tibdil drastiku fit-​test tal-​Bibbja? L-​evidenza tgħid le.

Il-kopjisti professjonali kienu dedikati ħafna. Kellhom reverenza profonda lejn il-​kliem li kienu jikkopjaw. Kienu wkoll metikulużi. Il-​kelma Ebrajka tradotta “kopjist” hija so·pherʹ, li tagħmel referenza għal għadd u dokumentar. Biex nagħtu eżempju taʼ l-​eżattezza tal-​kopjisti, ikkunsidra l-​Masoreti.a Rigward dawn, l-​istudjuż Thomas Hartwell Horne jispjega: “Huma . . . kkalkulaw liema hija l-​ittra tan-​nofs fil-​Pentatewku [l-ewwel ħames kotba tal-​Bibbja], liema hija l-​klawsola tan-​nofs taʼ kull ktieb, u kemm-il darba tidher kull ittra taʼ l-​alfabet [Ebrajk] fl-​Iskrittura Ebrajka kollha.”3

B’hekk, kopjisti tas-​sengħa għamlu użu minn diversi għodod li kienu jservu biex isir iċċekkjar bir-​reqqa. Biex jevitaw li jħallu barra mqar ittra waħda mit-​test tal-​Bibbja, huma kienu saħansitra jgħoddu mhux biss il-​kliem ikkopjat, imma wkoll l-​ittri. Ikkunsidra kemm dan kien jinvolvi attenzjoni stretta: Jingħad li żammew rendikont taʼ 815,140 ittra individwali fl-​Iskrittura Ebrajka!4 Sforz diliġenti bħal dan assigura grad għoli t’eżattezza.

Minkejja dan, il-​kopjisti ma kinux infallibbli. Hemm xi evidenza li, minkejja sekli sħaħ taʼ kkopjar għal darba wara l-​oħra, it-​test tal-​Bibbja baqaʼ jeżisti f’għamla taʼ min jorbot fuqha?

Bażi Solida Għal Fiduċja

Hemm raġuni valida biex nemmnu li l-​Bibbja ġiet imwassla lilna b’mod korrett dritt sal-​ġurnata tal-​lum. L-​evidenza tikkonsisti f’manuskritti miktubin bl-​idejn li għadhom jeżistu​—bejn wieħed u ieħor 6,000 taʼ l-​Iskrittura Ebrajka kollha jew partijiet minnha u xi 5,000 taʼ l-​Iskrittura Kristjana bil-​Grieg. Fost dawn hemm manuskritt mill-​Iskrittura Ebrajka li nstab fl-​1947 li juri sewwa sew kemm kien preċiż l-​ikkopjar taʼ l-​Iskrittura. Minn dak in-​nhar ’l hawn ġie msejjaħ “l-​akbar sejba taʼ manuskritt taʼ żmienna.”5

Waqt li kien qiegħed jindokra l-​merħliet tiegħu kmieni dik is-​sena, wieħed ragħaj Bedwin żagħżugħ skopra għar ħdejn il-​Baħar il-​Mejjet. Ġo fih sab għadd taʼ ġarar tal-​fuħħar, li l-​biċċa l-​kbira minnhom kienu vojta. Madankollu, f’waħda mill-​ġarar, li kienet issiġillata tajjeb, sab romblu tal-​ġilda li kien imgeżwer b’attenzjoni fl-​għażel u kien fih il-​ktieb Bibliku sħiħ taʼ Isaija. Dan ir-​romblu ppreservat tajjeb iżda mikul kellu xi sinjali li kien ġie msewwi. Mur għidlu lir-​ragħaj żagħżugħ li dak ir-​romblu antik li kellu f’idejh kien eventwalment se jingħata attenzjoni mid-​dinja kollha.

X’kien hemm daqshekk sinjifikanti dwar dan il-​manuskritt partikulari? Fl-​1947 l-​eqdem manuskritti Ebrajċi kompleti li kienu disponibbli kienu jmorru lura sa, bejn wieħed u ieħor, is-​seklu għaxra E.K. Imma dan ir-​romblu kien imur lura sat-​tieni seklu Q.E.K.b​—iktar minn elf sena qabel.c L-​istudjużi kienu ferm interessati biex jaraw kif dan ir-​romblu kien jipparaguna maʼ manuskritti li kienu nkitbu żmien twil wara.

Fi studju wieħed, xi studjużi qabblu l-​kapitlu 53 taʼ Isaija fir-​romblu tal-​Baħar il-​Mejjet mat-​test Masoretiku li nkiteb elf sena wara. Il-​ktieb A General Introduction to the Bible jispjega r-​riżultati taʼ l-​istudju: “Mill-​166 kelma f’Isaija 53, hemm biss sbatax-il ittra dubjużi. Għaxra minn dawn l-​ittri huma sempliċement kwestjoni taʼ spellar, u dan ma jeffettwax is-​sens. Erbaʼ ittri oħrajn huma xi tibdiliet żgħar fl-​istil, bħalma huma l-​konġunzjonijiet. It-​tliet ittri li fadal jifformaw il-​kelma ‘dawl,’ li hija miżjuda fil-​vers 11, u ma tantx teffettwa t-​tifsira. . . . B’hekk, f’kapitlu wieħed taʼ 166 kelma, hemm biss kelma waħda (tliet ittri) dubjuża wara elf sena taʼ kkopjar​—u din il-​kelma ma tbiddilx it-​tifsira tal-​vers b’mod sinjifikanti.”7

Il-professur Millar Burrows, li ħadem fuq dawn ir-​rombli għal bosta snin, waqt li kien qiegħed janalizza l-​kontenut tagħhom, wasal għal konklużjoni simili: “Ħafna mid-​differenzi bejn . . . ir-​romblu taʼ Isaija u t-​test Masoretiku jistgħu jiġu spjegati bħala żbalji fl-​ikkopjar. Apparti minn dawn, hemm qbil rimarkevoli, kollox maʼ kollox, mat-​test misjub fil-​manuskritti medjevali. Qbil bħal dan f’manuskritt li tant huwa eqdem jagħti testimonjanza rassiguranti għall-​eżattezza ġenerali tat-​test tradizzjonali.”8

“Testimonjanza rassiguranti” tistaʼ wkoll tingħata dwar l-​ikkopjar taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana. Per eżempju, is-​sejba tal-​Codex Sinaiticus tas-​seklu 19, manuskritt miktub fuq il-​vellum li jmur lura sar-​rabaʼ seklu E.K., għenet biex ġiet ikkonfermata l-​eżattezza tal-​manuskritti taʼ l-​Iskrittura Griega Kristjana li nkitbu sekli wara. Framment tal-​papiru mill-​Vanġelu taʼ Ġwanni, li nstab fid-​distrett taʼ Faiyūm, fl-​Eġittu, huwa attribwit għall-​ewwel nofs tat-​tieni seklu E.K., inqas minn 50 sena wara li nkiteb l-​oriġinal. Dan kien ġie ppreservat għal sekli sħaħ fir-​ramel xott. It-​test jaqbel maʼ dak misjub f’manuskritti li ġew ħafna żmien wara.9

L-evidenza b’hekk tikkonferma li l-​kopjisti kienu, fil-​fatt, preċiżi ħafna. Minkejja dan, żbalji għamlu. L-​ebda manuskritt individwali m’huwa mingħajr difett​—inkluż ir-​romblu taʼ Isaija tal-​Baħar il-​Mejjet. Xorta waħda, l-​istudjużi setgħu jsibu u jikkorreġu dawn id-​differenzi mill-​oriġinal.

Korrezzjoni Taʼ L-​Iżbalji Tal-​Kopjisti

Nassumu li 100 persuna ġew mitlubin biex jagħmlu kopja miktuba bl-​idejn taʼ dokument kemmxejn twil. Bla dubju, minn taʼ l-​inqas xi ftit mill-​kopjisti kienu se jieħdu xi żbalji. Madankollu, mhux kollha kienu se jieħdu l-​istess żbalji. Li kieku kellek tieħu l-​100 kopja kollha kemm huma u tqabbilhom bir-​reqqa, tkun tistaʼ tiżola l-​iżbalji u tiddetermina t-​test preċiż tad-​dokument oriġinali, anki jekk qatt ma tkun rajtu.

Bl-istess mod, il-​kopjisti tal-​Bibbja mhux kollha għamlu l-​istess żbalji. B’litteralment eluf taʼ manuskritti tal-​Bibbja disponibbli issa għal analisi komparattiva, studjużi tat-​testi tal-​Bibbja rnexxielhom jiżolaw l-​iżbalji, jiddeterminaw it-​test oriġinali, u jagħmlu nota tal-​korrezzjonijiet neċessarji. Bħala riżultat taʼ studju bir-​reqqa bħal dan, studjużi tat-​testi tal-​Bibbja pproduċew testi awtorevoli bil-​lingwi oriġinali. Dawn l-​edizzjonijiet irfinuti tat-​testi Ebrajċi u Griegi jadottaw il-​kliem li l-​iktar ikun sar qbil ġenerali dwaru bħala li huwa l-​oriġinali, billi fin-​noti taʼ taħt taʼ spiss jagħmlu lista taʼ varjazzjonijiet jew qari alternattiv li jistgħu jkunu jeżistu f’ċerti manuskritti. Huma l-​edizzjonijiet irfinuti mill-​istudjużi tat-​testi Bibliċi li t-​tradutturi tal-​Bibbja jużaw biex jittraduċu l-​Bibbja għal lingwi moderni.

Mela meta taqbad f’idejk traduzzjoni moderna tal-​Bibbja, hemm kull raġuni li tkun fiduċjuż li t-​testi Ebrajċi u Griegi li fuqhom hija bbażata jirrappreżentaw b’lealtà rimarkevoli l-​kliem tal-​kittieba oriġinali tal-​Bibbja.d Id-​dokumentazzjoni taʼ kif il-​Bibbja baqgħet teżisti wara eluf taʼ snin taʼ kkopjar bl-​idejn għal darba wara l-​oħra hija tassew straordinarja. Sir Frederic Kenyon, li għal żmien twil kien il-​kuratur tal-​British Museum, setaʼ għalhekk jistqarr: “Ma nistgħux nenfasizzaw iżżejjed li fis-​sustanza t-​test tal-​Bibbja huwa ċert . . . Dan ma jistaʼ jingħad għal ebda ktieb antik ieħor fid-​dinja.”10

[Noti taʼ taħt]

a Il-Masoreti (li tfisser “l-​Imgħallmin tat-​Tradizzjoni”) kienu kopjisti taʼ l-​Iskrittura Ebrajka li għexu bejn is-​sitt u l-​għaxar seklu E.K. Il-​kopji tal-​manuskritti li pproduċew huma magħrufin bħala t-​testi Masoretiċi.2

b Q.E.K. jfisser “Qabel l-​Era Komuni.” E.K. jfisser “Era Komuni,” taʼ spiss imsejħa A.D., għal Anno Domini, li jfisser “fis-​sena tal-​Mulej.”

c Textual Criticism of the Hebrew Bible, minn Emanuel Tov, jistqarr: “Bil-​għajnuna taʼ l-​eżaminar bil-​carbon 14, 1QIsaa [ir-romblu taʼ Isaija tal-​Baħar il-​Mejjet] issa ġie mogħti data taʼ bejn is-​sena 202 u s-​sena 107 QEK (data paleografika: 125-​100 QEK) . . . Il-​metodu paleografiku msemmi, li sarlu xi titjib fi snin riċenti, u li jippermetti li tingħata data assoluta fuq il-​bażi taʼ paragun tal-​forma u l-​pożizzjoni taʼ l-​ittri maʼ sorsi esterni, bħalma huma muniti u skrizzjonijiet bid-​dati fuqhom, stabbilixxa lilu nnifsu bħala metodu relattivament taʼ min jorbot fuqu.”6

d M’għandniex xi ngħidu, tradutturi individwali jistgħu jkunu stretti jew laxki f’li jagħżlu li jżommu mat-​testi Ebrajċi u Griegi oriġinali.

[Stampa f’paġna 8]

Il-​Bibbja ġiet ippreservata minn kopjisti tas-​sengħa

[Stampi f’paġna 9]

Ir-​romblu taʼ Isaija tal-​Baħar il-​Mejjet (kopja murija) huwa prattikament identiku mat-​test Masoretiku maħruġ elf sena wara

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja