Ktieb li “Jitkellem” b’Lingwi Ħajjin
Jekk tmut il-lingwa li biha jkun inkiteb ktieb, jistaʼ jingħad li l-ktieb imut ukoll. Illum ftit hawn nies li huma kapaċi jaqraw il-lingwi antiki li bihom inkitbet il-Bibbja. Madankollu din hija ħajja. Baqgħet teżisti għax “tgħallmet titkellem” bil-lingwi ħajjin tal-bniedem. It-tradutturi li “għallmuha” titkellem b’lingwi oħrajn xi drabi ffaċċjaw ostakli li dehru li ma setgħux jingħelbu.
LI WIEĦED jittraduċi l-Bibbja—bl-iktar mill-1,100 kapitlu u 31,000 vers li fiha—hija biċċa xogħol ġmielha. Madankollu, matul is-sekli, tradutturi dedikati aċċettaw l-isfida bil-ferħ. Ħafna minnhom kienu lesti jsofru tbatijiet u saħansitra jmutu minħabba xogħolhom. Ir-rakkont storiku taʼ kif il-Bibbja ġiet tradotta fil-lingwi tal-bniedem huwa rakkont li ma bħalu dwar perseveranza u inġenwità. Ikkunsidra biss parti żgħira minn dak id-dokumentar li jqanqlek.
L-Isfidi Li Jiffaċċjaw Lit-Tradutturi
Kif tagħmel biex tittraduċi ktieb f’lingwa li ma tinkitibx? Għadd kbir taʼ tradutturi tal-Bibbja ffaċċjaw preċiżament sfida bħal din. Per eżempju, Ulfilas, tar-rabaʼ seklu E.K., beda jittraduċi l-Bibbja f’dik li dak iż-żmien kienet lingwa moderna imma mhux miktuba—il-Gotiku. Ulfilas għeleb l-isfida billi vvinta l-alfabet Gotiku taʼ 27 karattru u li hu bbaża primarjament fuq l-alfabet Grieg u dak Latin. It-traduzzjoni tiegħu taʼ kważi l-Bibbja kollha kemm hi għall-Gotiku tlestiet qabel is-sena 381 E.K.
Fid-disaʼ seklu, Ċirillu (oriġinarjament imsejjaħ Kostantinu) u Metodjus, żewġ aħwa li kienu jitkellmu bil-Grieg u li t-tnejn li huma kienu studjużi u lingwisti taʼ klassi, riedu jittraduċu l-Bibbja għal nies li kienu jitkellmu bl-ilsien Slaviku. Imma s-Slavoniku—l-antenat tal-lingwi Slaviċi tal-lum—ma kienx jinkiteb. Għalhekk dawn iż-żewġ aħwa vvintaw alfabet sabiex setgħu jipproduċu traduzzjoni tal-Bibbja. B’hekk il-Bibbja setgħet issa “tkellem” lil ħafna iktar nies, dawk tad-dinja Slavika.
Fis-seklu 16, William Tyndale beda jittraduċi l-Bibbja mil-lingwi oriġinali għall-Ingliż, imma ltaqaʼ m’oppożizzjoni qalila kemm mill-Knisja u kemm mill-Istat. Tyndale, li kien ħa l-edukazzjoni tiegħu f’Oxford, ried jipproduċi traduzzjoni li saħansitra “tifel li jsuq il-moħriet” setaʼ jifhimha.1 Imma biex iwettaq dan, kellu jaħrab lejn il-Ġermanja, fejn fl-1526 ġie stampat it-“Testment il-Ġdid” tiegħu bl-Ingliż. Meta xi kopji ddaħħlu bil-moħbi ġewwa l-Ingilterra, l-awtoritajiet tant faru bir-rabja li bdew jaħarquhom fil-pubbliku. Iktar tard Tyndale ġie ttradut. Preċiż qabel ma ġie mgħallaq u ġismu maħruq, hu lissen dan il-kliem b’leħen għoli: “Mulej, iftaħ għajnejn ir-Re taʼ l-Ingilterra!”2
It-traduzzjoni tal-Bibbja kompliet; lit-tradutturi ħadd ma setaʼ jwaqqafhom. Sa l-1800, minn taʼ l-inqas xi porzjonijiet mill-Bibbja kienu “tgħallmu jitkellmu” 68 lingwa. Imbagħad, meta ġew ifformati Soċjetajiet tal-Bibbja—b’mod partikulari l-British and Foreign Bible Society, stabbilita fl-1804—il-Bibbja malajr “tgħallmet” saħansitra iktar lingwi ġodda. Mijiet taʼ rġiel żgħażagħ minn rajhom talbu biex jintbagħtu f’pajjiżi oħrajn bħala missjunarji, ħafna minnhom bl-iskop ewlieni li jittraduċu l-Bibbja.
Isiru Magħrufin Il-Lingwi Taʼ L-Afrika
Fl-1800, kien hemm biss madwar tużżana lingwi miktubin fl-Afrika. Mijiet taʼ lingwi oħrajn mitkellma kellhom jistennew sakemm xi ħadd ivvinta sistema taʼ kitba għalihom. Ġew il-Missjunarji u tgħallmu l-lingwi, mingħajr l-għajnuna taʼ kotba elementari jew dizzjunarji. Imbagħad tħabtu biex jiżviluppaw lingwa miktuba, u wara dan għallmu lin-nies kif jaqrawha. Dan għamluh sabiex xi darba n-nies ikunu jistgħu jaqraw il-Bibbja bl-ilsien tagħhom stess.3
Wieħed minn dawn il-missjunarji kien Skoċċiż jismu Robert Moffat. Fl-1821, fl-età taʼ 25 sena, Moffat waqqaf missjoni fost in-nies tan-Nofs in-Nhar taʼ l-Afrika li kienu jitkellmu bl-ilsien Zwanan. Biex jitgħallem il-lingwa tagħhom li ma kinitx tinkiteb, hu tħallat man-nies, billi xi drabi vvjaġġa lejn il-qalba tal-pajjiż biex jgħix fosthom. “In-nies kienu qalbhom tajba,” kiteb iktar tard, “u l-iżbalji li kont nieħu fil-lingwa kienu jifqgħuhom bid-daħk. Qatt, lanqas darba waħda, ma kien xi ħadd minnhom jikkorreġi xi kelma jew sentenza, qabel ma hu jew hi jkunu imitaw il-pronunzja tiegħi tant tajjeb, għall-gost kbir taʼ l-oħrajn.”4 Moffat ippersevera u eventwalment irnexxielu jsib irkaptu tal-lingwa, tant li żviluppa forma miktuba għaliha.
Fl-1829, wara li ħadem fost iz-Zwanani għal tmien snin, Moffat spiċċa jittraduċi l-Vanġelu taʼ Luqa. Biex jistampah, ivvjaġġa madwar 600 mil fuq karru miġbud mill-gniedes lejn il-kosta u mbagħad qabad vapur għal Cape Town. Hemmhekk il-gvernatur tah permess biex juża stamperija tal-gvern, imma Moffat kellu jissettja t-tipi u jagħmel l-istampar hu nnifsu, fejn sa fl-aħħar ippubblika l-Vanġelu fl-1830. Għall-ewwel darba, iz-Zwanani setgħu jaqraw parti mill-Bibbja bil-lingwa tagħhom stess. Fl-1857, Moffat lesta traduzzjoni tal-Bibbja kollha kemm hi bil-lingwa Zwanana.
Moffat iktar tard iddeskriva r-reazzjoni taz-Zwanani meta l-Vanġelu taʼ Luqa sar disponibbli għalihom għall-ewwel darba. Hu nnota: “Kont naf b’individwi li ġew mijiet taʼ mili biex jiksbu kopji taʼ San Luqa. . . . Rajthom jirċievu partijiet minn San Luqa, jibku fuqhom, u jħaddnuhom maʼ sidirhom, u jxerrdu dmugħ taʼ ħajr, sakemm għedt lil iktar minn wieħed minnhom, ‘Se tgħarraq il-kotba tiegħek bid-dmugħ.’”5
Tradutturi dedikati bħal Moffat b’hekk taw lil ħafna Afrikani—li xi wħud minnhom għall-ewwel ma rawx il-ħtieġa għal lingwa miktuba—l-ewwel opportunità biex jikkomunikaw bil-miktub. It-tradutturi, iżda, emmnu li kienu qegħdin jagħtu lin-nies taʼ l-Afrika rigal saħansitra iktar prezzjuż—il-Bibbja bl-ilsien tagħhom stess. Illum il-Bibbja, sħiħa jew parti minnha, “titkellem” b’iktar minn 600 lingwa Afrikana.
Isiru Magħrufin Il-Lingwi Taʼ L-Asja
Waqt li tradutturi fl-Afrika tħabtu biex jiżviluppaw forom miktubin għal-lingwi mitkellma, in-naħa l-oħra tad-dinja, tradutturi oħrajn iltaqgħu m’ostaklu ferm differenti—li jittraduċu f’lingwi li diġà kellhom kitbiet komplikati. Dik kienet l-isfida li ffaċċjat lil dawk li ttraduċew il-Bibbja fil-lingwi taʼ l-Asja.
Fil-bidu tas-seklu 19, William Carey u Joshua Marshman marru l-Indja u tgħallmu bosta mil-lingwi miktubin tagħha. Bil-għajnuna taʼ William Ward, stampatur, ipproduċew traduzzjonijiet taʼ almenu porzjonijiet tal-Bibbja fi kważi 40 lingwa.6 Rigward William Carey, l-awtur J. Herbert Kane jispjega: “Hu vvinta stil sabiħ u mexxej taʼ kliem mitkellem [tal-lingwa Bengaliża] li ħa post il-forma klassika antika, biex b’hekk għamilha iktar li tiftiehem u attraenti għall-qarrejja moderni.”7
Adoniram Judson, imwieled u mrobbi fl-Istati Uniti, ivvjaġġa lejn Burma, u fl-1817 beda jittraduċi l-Bibbja għall-Burmiż. Biex jiddeskrivi d-diffikultà f’li jitgħallem lingwa Orjentali sal-punt li jkun jistaʼ jittraduċi l-Bibbja, hu kiteb: ‘Meta nitgħallmu lingwa mitkellma minn nies fuq in-naħa l-oħra taʼ l-art, li l-mod taʼ ħsieb tagħhom jimxi fuq linji differenti minn tagħna, u li l-modi taʼ kif jesprimu ruħhom huma għalhekk kollha ġodda, u l-ittri u l-kliem tagħhom m’għandhom assolutament ebda xebh maʼ kwalunkwe lingwa li qatt iltqajna magħha; meta m’għandna ebda dizzjunarju jew interpretu u jkollna naqbdu xi ħaġa mil-lingwa qabel ma nkunu nistgħu nutilizzaw l-assistenza taʼ xi għalliem tal-post—dak ifisser xogħol kbir!’8
Fil-każ taʼ Judson, dan kien ifisser madwar 18-il sena taʼ xogħol ħabrieki. Il-parti finali tal-Bibbja Burmiża ġiet stampata fl-1835. Iż-żmien li qattaʼ f’Burma, madankollu, swielu qares. Waqt li kien qiegħed jaħdem fuq it-traduzzjoni, ġie akkużat bi spjunaġġ u għaldaqstant qattaʼ kważi sentejn f’ħabs impestat bin-nemus. Ftit żmien biss wara li ġie lliberat, martu u bintu żagħżugħa mietu bid-deni.
Meta Robert Morrison li kellu 25 sena wasal fiċ-Ċina fl-1807, daħal għall-biċċa xogħol ferm diffiċli li jittraduċi l-Bibbja għaċ-Ċiniż, waħda mil-lingwi miktubin l-iktar komplikati. Kellu biss għarfien limitat taċ-Ċiniż, li kien beda jistudjah biss sentejn qabel. Morrison kellu wkoll iħabbatha mal-liġi Ċiniża, li kienet tfittex li żżomm liċ-Ċina iżolata. In-nies Ċiniżi kienu pprojbiti, taħt piena taʼ mewt, li jgħallmu l-lingwa lill-barranin. Li wieħed barrani jittraduċi l-Bibbja għaċ-Ċiniż kienet offiża kapitali.
Morrison baqaʼ jistudja l-lingwa b’kuraġġ u b’kawtela, u malajr tgħallimha. F’temp taʼ sentejn akkwista impjieg bħala traduttur għall-East India Company. Matul il-ġurnata, kien jaħdem għall-kumpanija, imma bil-moħbi u taħt it-theddida kontinwa li jinqabad, ħadem fuq it-traduzzjoni tal-Bibbja. Fl-1814, sebaʼ snin wara li wasal fiċ-Ċina, kellu l-Iskrittura Griega Kristjana lesta għall-istampar.9 Ħames snin wara, bil-għajnuna taʼ William Milne, lesta l-Iskrittura Ebrajka.
Kien akkwist enormi—il-Bibbja setgħet issa “titkellem” bil-lingwa wżata minn iktar nies minn kwalunkwe lingwa oħra fid-dinja. Grazzi għal tradutturi kapaċi, traduzzjonijiet għal lingwi Asjatiċi oħrajn segwew. Illum, partijiet mill-Bibbja huma disponibbli f’iktar minn 500 lingwa taʼ l-Asja.
Nies bħal Tyndale, Moffat, Judson, u Morrison għala stinkaw għal snin sħaħ—xi wħud anki pperikolaw ħajjithom—biex jittraduċu ktieb għal nies li lanqas biss kienu jafu u f’xi każi, għal nies li ma kellhomx lingwa miktuba? Ċertament mhux għall-glorja, jew qligħ finanzjarju. Huma emmnu li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla u li għandha “tkellem” lin-nies—in-nies kollha—bil-lingwa tagħhom stess.
Kemm jekk tħoss li l-Bibbja hija l-Kelma t’Alla u kemm jekk le, għandek mnejn taqbel li x-xorta taʼ spirtu taʼ li wieħed jissagrifika lilu nnifsu muri minn dawk it-tradutturi dedikati huwa wisq rari fid-dinja tal-lum. Ma jixraqlux li jiġi investigat ktieb bħal dan li jispira daqshekk nuqqas t’egoiżmu?
[Tabella f’paġna 12]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
L-għadd taʼ lingwi li bihom ġew stampati partijiet mill-Bibbja mill-1800 ’l hawn
68 107 171 269 367 522 729 971 1,199 1,762 2,123
1800 1900 1995
[Stampa f’paġna 10]
Tyndale qed jittraduċi l-Bibbja
[Stampa f’paġna 11]
Robert Moffat
[Stampa f’paġna 12]
Adoniram Judson
[Stampa f’paġna 13]
Robert Morrison