Salvaw Ħajjithom Billi Qagħdu Attenti
ĠESÙ KRISTU wissa bil-quddiem dwar tmiem is-sistema Lhudija, li kienet ċentrata madwar it-tempju f’Ġerusalemm. Hu ma tax data meta dan kien se jiġri, imma ddeskriva ġrajjiet li kienu se jwasslu għal dik il-qerda. Hu ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex jibqgħu għassa u jitilqu minfejn kien hemm il-periklu.
Ġesù bassar: “Meta taraw lil Ġerusalemm imdawra bil-kampijiet taʼ l-armati, imbagħad kunu afu li qorbot il-ħerba tagħha.” Hu qal ukoll: “Meta taraw wieqfa f’post qaddis il-ħaġa moqżieża li ġġib ħerba . . . , imbagħad dawk li jkunu fil-Lhudija ħa jibdew jaħarbu lejn il-muntanji.” Ġesù ħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex ma jmorrux lura ħalli jsalvaw l-affarijiet materjali. Kellhom bżonn jaħarbu b’urġenza jekk riedu jsalvaw ħajjithom.—Luqa 21:20, 21; Mattew 24:15, 16.
Sabiex irażżan irvell li kien ilu għaddej għal ħafna żmien, Ċestju Gallu mexxa l-eżerċti Rumani kontra Ġerusalemm fis-sena 66 E.K. Hu saħansitra daħal fil-belt u assedja t-tempju. Il-belt inħakmet minn frattarija sħiħa. Dawk li baqgħu għassa setgħu jaraw li diżastru kien fil-qrib. Imma setgħu jaħarbu? Bla mistenni, Ċestju Gallu rtira t-truppi tiegħu. Xi ribelli Lhud marru għal warajhom. Issa kien il-waqt biex jaħarbu minn Ġerusalemm u mil-Lhudija kollha!
Is-sena taʼ wara, it-truppi Rumani reġgħu ġew lura mmexxijin minn Vespasjanu u ibnu Titu. Il-pajjiż kollu kien mgħaddas ġo gwerra. Kmieni fis-sena 70 E.K., ir-Rumani bnew fortifikazzjoni t’arbli ppontati madwar Ġerusalemm. Ħadd ma setaʼ jaħrab minn imkien. (Luqa 19:43, 44) Gruppi taʼ nies bdew joqtlu lil xulxin ġol-belt. Il-bqija tan-nies inqatlu mir-Rumani jew inkella ttieħdu fil-jasar. Il-belt u t-tempju tagħha nqerdu kompletament. Skond Ġużeppi Flavju, studjuż Lhudi taʼ l-istorja fl-ewwel seklu, iktar minn miljun Lhudi batew u mietu. Dak it-tempju qatt ma reġaʼ nbena.
Kieku l-Kristjani kienu għadhom f’Ġerusalemm fis-sena 70 E.K., huma kienu jiġu maqtula jew meħuda bħala lsiera flimkien maʼ kulmin kien hemmhekk. Madankollu, studjużi taʼ l-istorja fl-antik jirrapportaw li l-Kristjani taw widen għat-twissija minn Alla u ħarbu kemm minn Ġerusalemm u anki mil-Lhudija kollha għall-muntanji fil-Lvant tax-Xmara Ġordan. Xi wħud marru joqogħdu ġo Pella, fil-provinċja tal-Perija. Huma ħallew il-Lhudija warajhom u ma reġgħux lura. Huma kienu salvaw ħajjithom għax taw kas it-twissija taʼ Ġesù.
Tiħodhom bis-Serjetà t-Twissijiet minn Sorsi li Tistaʼ Toqgħod Fuqhom?
Wara li jisimgħu b’diversi twissijiet taʼ ġrajjiet li ma jseħħux, ħafna nies ma jibqgħux jieħdu t-twissijiet bis-serjetà. Madankollu, jekk tagħti kas it-twissijiet tistaʼ ssalva ħajtek.
Fl-1975, ġoċ-Ċina ngħataw twissijiet li se jkun hemm terremot. L-uffiċjali ħadu azzjoni. In-nies semgħu minnhom. Eluf taʼ ħajjiet ġew salvati.
F’April taʼ l-1991, ġol-Filippini xi raħħala li kienu fuq il-ġnub tal-Muntanja Pinatubo rrapportaw li kien hemm duħħan u rmied ħerġin minn ġol-muntanja. Wara li studja s-sitwazzjoni għal xahrejn, l-Istitut tal-Vulkanoloġija u s-Sismoloġija fil-Filippini ħa ħsieb biex javża dwar il-periklu imminenti li kien hemm. Mill-ewwel, għaxriet t’eluf taʼ nies ġew evakwati minn dawk l-inħawi. Kmieni fil-15 taʼ Ġunju, splużjoni qawwija waddbet lejn is-sema iktar minn tmien kilometri kubi taʼ materjal imfarrak li mbagħad niżel kollu fuq il-kampanja taʼ madwar. Eluf taʼ nies salvaw ħajjithom talli taw kas.
Il-Bibbja twissi dwar it-tmiem taʼ din is-sistema dinjija li hawn bħalissa. Issa aħna qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem. Hekk kif qed joqrob it-tmiem, qiegħed tibqaʼ għassa? Qiegħed tieħu passi biex iżżomm ’il bogħod minfejn ikun hemm il-periklu? Qiegħed twissi lil oħrajn b’sens t’urġenza biex jagħmlu l-istess ħaġa?
[Stampa f’paġna 20]
Talli n-nies taw kas it-twissija, ħafna ħajjiet ġew salvati meta l-Muntanja Pinatubo xeħtet ’il barra rmied vulkaniku
[Stampa f’paġna 21]
Il-Kristjani li semgħu mit-twissija taʼ Ġesù salvaw ħajjithom meta Ġerusalemm inqerdet fis-sena 70 E.K.