Frar
Is-Sibt, 1 taʼ Frar
“Jien nismagħkom.”—Ġer. 29:12.
Meta r-Re Ħeżekija kien ma jiflaħx ħafna, hu talab lil Ġeħova biex jgħinu jfiq. Ġeħova wieġeb it-talb tiegħu billi fejqu. (2 Slat. 20:1-6) Imma meta l-appostlu Pawlu talab lil Ġeħova biex ineħħilu “xewka fil-laħam,” Ġeħova ma neħħihilux. (2 Kor. 12:7-9) Ir-Re Erodi ried joqtol l-appostli Ġakbu u Pietru. Ġakbu nqatel u lil Pietru salvah anġlu. (Atti 12:1-11) Forsi naħsbu, ‘Ġeħova għala salva lil Pietru, imma mhux lil Ġakbu?’ Il-Bibbja ma tgħidilniex. Imma nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova “qatt mhu inġust.” (Dt. 32:4) Kultant, Ġeħova ma jwiġibx it-talb tagħna kif nixtiequ aħna. Imma peress li aħna ċerti li kulma jagħmel Ġeħova hu bi mħabba u ġustizzja, ma ngergrux għall-mod kif wieġeb it-talb tagħna.—Ġob 33:13. w23.11 21 ¶6
Il-Ħadd, 2 taʼ Frar
L-għerf li ġej minn fuq hu lest li jobdi.—Ġak. 3:17.
Ġakbu kiteb li xi ħadd li għandu l-għerf ikun “lest li jobdi.” Aħseb ftit xi jfisser dan. Aħna rridu nkunu lesti li nobdu lil dawk li Ġeħova tahom xi awtorità. Però, Ġeħova ma jistenniex li aħna nobdu lil xi ħadd li jgħidilna biex ninjoraw il-kmandamenti tiegħu. (Atti 4:18-20) Forsi nsibuha iktar faċli biex nobdu lil Ġeħova milli lill-bnedmin. Dan minħabba li Ġeħova dejjem jagħti direzzjoni perfetta. (Salm 19:7) Imma n-nies li għandhom l-awtorità mhumiex perfetti. Minkejja dan, Missierna tas-sema ta xi awtorità lill-ġenituri, l-uffiċjali tal-gvern, u l-anzjani. (Prov. 6:20; 1 Tess. 5:12; 1 Pt. 2:13, 14) Meta nobdu lilhom, inkunu qed nobdu lil Ġeħova. w23.10 6 ¶2-3
It-Tnejn, 3 taʼ Frar
“Dan il-kliem hu żgur u veru.”—Riv. 21:5.
Mod kif insaħħu l-fidi tagħna hu billi naħsbu dwar il-qawwa taʼ Ġeħova. Hu għandu l-qawwa biex jagħmel dak kollu li wegħedna. Hu jistaʼ jagħmel dawn l-affarijiet għax hu l-Alla li Jistaʼ Kollox. (Ġob 42:2; Mk. 10:27; Efes. 3:20) Hu qal lil Abraham u Sara li kien se jkollhom tarbija meta kienu diġà kbar fl-età. (Ġen. 17:15-17) Hu qal lil Abraham ukoll li d-dixxendenti tiegħu kienu se jieħdu l-art taʼ Kangħan. Matul is-snin li l-Iżraelin, jiġifieri d-dixxendenti t’Abraham, kienu skjavi fl-Eġittu setaʼ deher impossibbli li din il-wegħda tiġri, imma hekk ġara. Hu qal li Marija, tfajla verġni, kienet se twelled lil Ibnu Ġesù. Ġeħova kien wiegħed dan eluf taʼ snin qabel fil-ġnien tal-Għeden. Din il-wegħda ġrat ukoll! (Ġen. 3:15) Meta naħsbu dwar il-wegħdi kollha li għamel Ġeħova u kif wettaqhom, aħna nifhmu li hu għandu qawwa kbira. Imbagħad il-fidi tagħna fid-dinja l-ġdida li wegħedna se ssir iktar b’saħħitha.—Ġoż. 23:14; Is. 55:10, 11. w23.04 28 ¶10-12
It-Tlieta, 4 taʼ Frar
“Ġeħova, ismaʼ t-talba tiegħi; agħti kas it-talba tiegħi għall-għajnuna.”—Salm 143:1.
Ġeħova wieġeb it-talba taʼ David u salvah. (1 Sam. 19:10, 18-20; 2 Sam. 5:17-25) Aħna wkoll nistgħu nkunu ċerti minn dan. (Salm 145:18) Jistaʼ jkun li Ġeħova ma jwiġibx it-talb kif inkunu nixtiequ aħna. Pawlu talab lil Alla biex ineħħilu “xewka fil-laħam.” Pawlu talab b’mod speċifiku dwar din il-problema tliet darbiet. Ġeħova wieġeb dan it-talb? Iva, imma mhux kif xtaq Pawlu. Minflok ma neħħielu l-problema, Ġeħova tah il-qawwa li kellu bżonn biex jibqaʼ jaqdih lealment. (2 Kor. 12:7-10) Kultant, Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna b’mod li aħna ma nkunux qed nistennew. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jaf l-aħjar mod kif jgħinna. Hu anki “jistaʼ jagħmel bil-wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew naħsbu.” (Efes. 3:20) Għalhekk, hu jistaʼ jwieġeb it-talb tagħna f’ħin jew b’mod li ma nkunux qed nistennew. w23.05 8-9 ¶4-6
L-Erbgħa, 5 taʼ Frar
“Ġej żmien li dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħni u joħorġu.”—Ġw. 5:28, 29.
Ikun tajjeb li kultant naħsbu dwar il-wegħda li nsibu fil-Bibbja dwar l-irxoxt. Għala? Għax ma nafux meta tistaʼ taqbadna marda serja jew nitilfu lil xi ħadd li nħobbu. (Ekk. 9:11; Ġak. 4:13, 14) It-tama tal-irxoxt se tgħinna nissaportu dawn il-provi. (1 Tess. 4:13) Il-Bibbja turina li Missierna tas-sema jafna sew u jħobbna ħafna. (Lq. 12:7) U biex jirxoxtana bl-istess karattru u memorji, Alla Ġeħova jrid ikun jafna sew. Ġeħova tant iħobbna li għamilha possibbli li ngħixu għal dejjem. Jekk immutu, hu se jirxoxtana! Għala nistgħu nemmnu l-wegħda tal-irxoxt? Għax aħna konvinti li min qed jagħmilha jixtieq u għandu l-qawwa, jiġifieri l-abbiltà, li jwettaqha. w23.04 8-9 ¶2-4
Il-Ħamis, 6 taʼ Frar
Ġużeppi u Marija kienu mdorrijin li minn sena għal oħra jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Qbiż. —Lq. 2:41.
Ġużeppi u Marija ħadmu flimkien biex iżommu l-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova b’saħħitha. Huma fehmu li hu importanti ħafna li jaqdu lil Ġeħova flimkien bħala familja. (Lq. 2:22-24; 4:16) Kemm huma eżempju mill-aqwa għall-koppji miżżewġin illum! Jekk għandek it-tfal, bħalma kellhom Ġużeppi u Marija, jistaʼ jkun diffiċli biex tmur il-laqgħat jew tagħmel il-ħin għall-qima bħala familja. U jistaʼ jkun iżjed diffiċli biex issibu ħin ħalli tistudjaw u titolbu bħala koppja. Imma tinsewx li meta taqdu lil Ġeħova flimkien, se tersqu eqreb tiegħu u taʼ xulxin. Mela agħmel ċert li l-affarijiet spiritwali jkunu l-iktar importanti. Jekk għandkom il-problemi fiż-żwieġ, forsi l-idea li tkunu flimkien għall-qima bħala familja ma togħġobkomx. Jekk tħossukom hekk, ibdew bi ftit ħin u tkellmu fuq affarijiet li tieħdu pjaċir bihom it-tnejn. Dan se jgħinkom tħobbu iżjed lil xulxin u tkunu tixtiequ taqdu lil Ġeħova flimkien. w23.05 22 ¶7-8
Il-Ġimgħa, 7 taʼ Frar
“Għobadija kien jirrispetta ħafna lil Ġeħova.”—1 Slat. 18:3.
Ir-rispett kif għenu lil Għobadija? Hu kien onest u taʼ min jafdah, u għalhekk ir-re tah ir-responsabbiltà li jieħu ħsieb id-dar tiegħu. (Ara eżempju ieħor f’Neħemija 7:2.) Ir-rispett li Għobadija kellu lejn Ġeħova għenu biex ikun kuraġġuż ħafna, kwalità li kellu bżonn. Hu għex fiż-żmien li kien qed imexxi r-re mill-agħar Aħab. (1 Slat. 16:30) Barra minn hekk, il-mara t’Aħab, Ġeżabel, kienet tqim lil Bagħal. Tant kienet tobgħod lil Ġeħova li ppruvat twaqqaf lin-nies kollha li kienu jgħixu fit-territorju tal-għaxar tribujiet taʼ Iżrael milli jaqdu lil Ġeħova. Hi anki qatlet ħafna mill-profeti t’Alla. (1 Slat. 18:4) Meta Ġeżabel kienet qed tfittex il-profeti taʼ Ġeħova biex toqtolhom, Għobadija ħeba mija minnhom ‘50 f’kull għar, u baqaʼ jipprovdilhom ħobż u ilma.’ (1 Slat. 18:13, 14) Kieku qabditu, Ġeżabel żgur li kienet toqtlu. Għobadija żgur li beżaʼ u ma riedx imut, imma hu kien iħobb lil Ġeħova u lil dawk li jaqduh iktar milli kien iħobb lilu nnifsu. w23.06 16 ¶9-10
Is-Sibt, 8 taʼ Frar
Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek li mmexxik.—Is. 48:17.
Ġeħova anki llum għadu jmexxi lin-nies tiegħu. Hu jagħmel dan permezz tal-Bibbja u permezz taʼ Ibnu, il-kap tal-kongregazzjoni. Però għandna xi prova li Ġeħova qed juża lin-nies biex jiggwida lill-poplu tiegħu? Iva. Pereżempju, aħseb x’ġara wara s-sena 1870. Charles Taze Russell u sħabu bdew jifhmu li l-1914 kienet ħa tkun sena importanti għas-Saltna t’Alla. (Dan. 4:25, 26) Huma saru jafu dan għax fittxew fil-Bibbja u kienu jafdaw li dak li tgħid se jsir. Ġeħova kien qed jiggwidahom meta kienu qegħdin ifittxu? Żgur li iva. Dak li ġara fl-1914 ta prova li s-Saltna t’Alla vera bdiet tmexxi. F’dik is-sena bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija u kien hemm mard li jittieħed, terremoti, u nuqqas taʼ ikel. (Lq. 21:10, 11) Ġeħova żgur li kien qed juża lil dawk il-Kristjani sinċieri biex jgħin lin-nies tiegħu. w24.02 22 ¶11
Il-Ħadd, 9 taʼ Frar
“It-tajjeb ikollu ħafna diffikultajiet, imma Ġeħova jeħilsu minnhom kollha.”—Salm 34:19.
Aħna l-poplu taʼ Ġeħova, allura nafu li jħobbna ħafna u jixtieq li ngħixu l-aqwa ħajja. (Rum. 8:35-39) Aħna ċerti wkoll li meta napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjitna dejjem se nibbenefikaw. (Is. 48:17, 18) Imma x’għandna nagħmlu jekk jinqalgħu l-problemi? Pereżempju, xi ħadd minn tal-familja jistaʼ jiddiżappuntana. Jistaʼ jkollna problemi taʼ saħħa serji u ma nkunux nistgħu nagħmlu kemm nixtiequ għal Ġeħova. Nistgħu niġu affettwati minn diżastru naturali. Jew forsi oħrajn jiħduha kontrina minħabba dak li nemmnu. Meta niffaċċjaw problemi bħal dawn, forsi nistaqsu: ‘Għala qed jiġrili hekk? Għamilt xi ħaġa ħażina? Ifisser li Ġeħova mhux qed jgħinni?’ Ġieli ħassejtek hekk? Jekk iva, taqtax qalbek. Ħafna mill-qaddejja leali taʼ Ġeħova ħassewhom bħalek.—Salm 22:1, 2; Ħab. 1:2, 3. w23.04 14 ¶1-2
It-Tnejn, 10 taʼ Frar
“Jien determinat li nobdi r-regoli tiegħek il-ħin kollu.”—Salm 119:112.
Meta niġu ttantati biex nagħmlu xi ħaġa ħażina, aħna nieħdu azzjoni mill-ewwel biex ma nagħmlux xi ħaġa li tħassar il-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Ġeħova jistenna li ‘nobduh minn qalbna.’ (Rum. 6:17) Dak kollu li jgħidilna dejjem hu għall-ġid tagħna, u ma nistgħux inbiddlu l-liġijiet tiegħu. (Is. 48:17, 18; 1 Kor. 6:9, 10) Ix-Xitan juża l-vjolenza u l-pressjoni minn oħrajn biex iġegħelna naqtgħu qalbna. Hu jrid iħassrilna l-ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova. (1 Pt. 5:8) Lill-Kristjani tal-bidu, in-nies heddewhom, sawtuhom, u qatluhom peress li kienu determinati li jibqgħu sodi. (Atti 5:27, 28, 40; 7:54-60) Illum Satana għadu juża l-persekuzzjoni. Dan nistgħu narawh mill-mod ħażin kif qed jiġu ttrattati l-aħwa fir-Russja u pajjiżi oħra. U b’xi mod jew ieħor, l-aħwa mad-dinja kollha qed jiġu ppersegwitati. Minbarra l-persekuzzjoni, Satana juża nases oħra.—Efes. 6:11. w23.07 15-16 ¶6-9
It-Tlieta, 11 taʼ Frar
“Ħa nikbru bl-imħabba f’kollox.”—Efes. 4:15.
Iktar ma tistudja l-Bibbja iktar se tħobb lil Ġeħova. Din l-imħabba timmotivak biex tapplika dak li titgħallem. Int se tieħu deċiżjonijiet aħjar ibbażati fuq il-prinċipji tal-Bibbja. Se titgħallem taħseb u tagħmel affarijiet tajbin għax tixtieq togħġob lil Alla. Bħal meta tifel jimita lill-ġenituri tiegħu, int qed timita lil Missierek tas-sema. (Efes. 5:1, 2) Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: ‘L-imħabba tiegħi għal Ġeħova hi iktar b’saħħitha minn meta tgħammidt? Kemm ilni li tgħammidt, sirt nixbah iktar lil Ġeħova f’li nħobb lill-aħwa?’ Jekk l-imħabba tagħna għal Ġeħova u għall-aħwa m’għadhiex b’saħħitha bħal qabel, m’għandniex inħossuna skuraġġiti. Il-Kristjani tal-bidu ġralhom xi ħaġa simili. Ġesù ma qatax qalbu minnhom, u mhux se jaqtaʼ qalbu minna. (Riv. 2:4, 7) Hu jaf li aħna jistaʼ jerġaʼ jkollna dik l-imħabba li kellna fil-bidu meta tgħallimna l-verità. w23.07 8 ¶2-3
L-Erbgħa, 12 taʼ Frar
“Int, Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer.”—Salm 86:5.
L-appostlu Pietru għamel xi żbalji. L-ewwel, Pietru kien kunfidenti żżejjed u ftaħar li hu kien se jibqaʼ leali anki jekk l-appostli l-oħra jitilqu lil Ġesù. (Mk. 14:27-29) Imbagħad, Pietru ma baqax għassa għal iżjed minn darba. (Mk. 14:32, 37-41) Iktar tard, meta folla ġiet biex tarresta lil Ġesù, Pietru abbandunah. (Mk. 14:50) Fl-aħħar, Pietru qal li ma jafx lil Ġesù tliet darbiet u anki ħalef. (Mk. 14:66-71) Pietru x’għamel meta nduna li għamel dnub serju? Hu nfaqaʼ jibki. (Mk. 14:72) Imma Ġesù jassigurah li jħobbu billi tah iżjed responsabbiltajiet. (Ġw. 21:15-17) Pietru kien jaf li għamel dnub serju imma baqaʼ jipprova jagħmel dak li hu tajjeb. Għala? Għax hu kien ċert li Ġesù kien għadu jħobbu. X’nistgħu nitgħallmu? Ġeħova jridna nkunu ċerti li hu jħobbna u lest li jaħfrilna.—Rum. 8:38, 39. w24.03 18 ¶13-15
Il-Ħamis, 13 taʼ Frar
“Ħafna huma li waqgħu mejtin minħabba fiha.”—Prov. 7:26.
L-immoralità sesswali ġġiegħlek tistħi, tħossok ma tiswa għal xejn, iġġib tqala mhux mistennija, u tkisser il-familji. Mela jkun tajjeb li ma naċċettawx l-istedina tal-mara stupida. Minbarra li ma jibqgħux ħbieb taʼ Ġeħova, ħafna nies immorali jimirdu b’mard li jistgħu jmutu bih. (Prov. 7:23) Vers 18 taʼ Proverbji kapitlu 9 jispiċċa: “Dawk li stidnithom jidħlu ġewwa jinsabu fil-postijiet baxxi tal-Qabar.” Mela ħafna għala jaċċettaw l-istedina tagħha jekk twassal għal ħafna problemi? (Prov. 9:13-18) Xi ħaġa li tħajjar lil ħafna nies biex jaċċettaw l-istedina tagħha hi l-pornografija. Ħafna jaħsbu li ma fiha xejn ħażin li tara l-pornografija. Imma din tagħmel il-ħsara, iġġiegħel in-nies jitilfu r-rispett lejhom infushom u lejn oħrajn, u hi vizzju li diffiċli biex taqtgħu. Meta n-nies jaraw ritratti immorali, ikun diffiċli biex jinsewhom. U l-pornografija ma tgħinx lin-nies ineħħu x-xewqat ħżiena imma żżidhom. (Kol. 3:5; Ġak. 1:14, 15) Ħafna nies li jaraw il-pornografija jispiċċaw jagħmlu affarijiet immorali. w23.06 23 ¶10-11
Il-Ġimgħa, 14 taʼ Frar
“Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Dan. 2:44.
Minkejja li xi pajjiżi oħrajn jiħduha kontra l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana, ħadd mhu se jiħdilha postha. Aħna nafu dan għax “il-ġebla” li tirrappreżenta s-Saltna t’Alla se tkisser is-saqajn, il-parti tal-istatwa li tirrappreżenta l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana. (Dan. 2:34, 35, 44, 45) Int ċert li l-profezija taʼ Danjel dwar is-saqajn tal-ħadid u t-tafal hi vera? Jekk iva, dan se jaffettwa l-mod kif tgħix ħajtek. Int mhux se tiffoka fuq li ssir sinjur jew biex ikollok ħafna affarijiet materjali, għax taf li d-dinja ħażina li qed ngħixu fiha dalwaqt se tinqered. (Lq. 12:16-21; 1 Ġw. 2:15-17) Meta tifhem din il-profezija se tkun tistaʼ tara wkoll kemm hu importanti li tipprietka u tgħallem lil oħrajn. (Mt. 6:33; 28:18-20) Issa li ddiskutejna din il-profezija, saqsi lilek innifsek, ‘Id-deċiżjonijiet li nieħu juru li jien konvint li s-Saltna t’Alla dalwaqt se teqred il-gvernijiet kollha?’ w23.08 11 ¶13-14
Is-Sibt, 15 taʼ Frar
“Kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Rum. 14:12.
Kun umli u aċċetta li ma tistax tagħmel dak kollu li tixtieq forsi minħabba l-età, is-saħħa, jew iċ-ċirkustanzi tiegħek. Imita lil Barżillaj, u kun lest li tgħid le jekk minħabba s-saħħa jew l-età ma tkunx tistaʼ tagħmel inkarigu. (2 Sam. 19:35, 36) Kun bħal Mosè, u aċċetta l-għajnuna u agħti r-responsabbiltajiet lil oħrajn. (Eżo. 18:21, 22) Jekk tkun umli, m’intix se tistenna żżejjed minnek innifsek u mhux se tegħja. Ma rridux inħossuna responsabbli għal dak li jagħmlu oħrajn. Aħna ma nistgħux niddeċiedu għal oħrajn, u lanqas nipproteġuhom mill-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li jieħdu. Pereżempju, it-tifel jew it-tifla tiegħek tistaʼ tiddeċiedi li tieqaf taqdi lil Ġeħova. Dan jistaʼ jweġġaʼ ħafna lill-ġenituri. Imma ġenituri li jwaħħlu fihom infushom minħabba d-deċiżjonijiet tat-tfal tagħhom ikunu qed iġorru toqol żejjed. U Ġeħova ma jistenniex li jġorru dan it-toqol huma. w23.08 29 ¶11-12
Il-Ħadd, 16 taʼ Frar
Sansun sar iħobb mara li kien jisimha Dalila.—Mħ. 16:4.
Sansun kien imperfett bħalna, għalhekk xi kultant ħa deċiżjonijiet ħżiena. Waħda mid-deċiżjonijiet li ħa wasslet għal konsegwenzi koroh. Wara li Sansun qeda bħala mħallef għal xi żmien, “sar iħobb mara mill-Wied taʼ Sorek li kien jisimha Dalila.” Xi żmien qabel, Sansun ried jiżżewweġ mara mill-poplu tal-Filistin. ‘Dan kien minn Ġeħova, għax hu kien qed ifittex opportunità biex jiġġieled kontra l-Filistin.’ Iktar tard, Sansun qagħad f’dar taʼ prostituta f’Gaża. Imbagħad Alla ta s-saħħa lil Sansun biex iġorr il-bibien taʼ bieb il-belt, u b’hekk il-belt saret inqas b’saħħitha. (Mħ. 14:1-4; 16:1-3) Imma x’aktarx, Dalila kienet Iżraelija, għalhekk din ir-relazzjoni ma kinitx se tgħinu biex jiġġieled kontra l-Filistin. Dalila aċċettat somma flus kbira mingħand il-Filistin biex tittradixxi lil Sansun. w23.09 5 ¶12-13
It-Tnejn, 17 taʼ Frar
“Raġel li hu għaqli ma jirrabjax malajr.”—Prov. 19:11.
L-għaqal jistaʼ jgħinna nibqgħu kalmi. Persuna li jkollha l-għaqal tistaʼ tikkontrolla lilha nfisha meta xi ħadd jiħodha kontriha minħabba dak li temmen. Ħafna drabi, meta n-nies isaqsuna mistoqsija ma jgħidulniex ir-raġuni għala qed isaqsuhielna. Għalhekk, qabel inwieġbu, ikun tajjeb li nifhmu li aħna ma nafux x’ġiegħel lill-persuna ssaqsi l-mistoqsija. (Prov. 16:23) Aħseb kif Gidegħon wieġeb lill-irġiel t’Efrajm. Huma bir-rabja staqsewh għala ma qalilhomx biex imorru jgħinuh fil-ġlieda kontra l-għedewwa tal-Iżraelin. Imma x’kienet ir-raġuni vera għala huma kienu rrabjati? Kienet x’kienet ir-raġuni, Gidegħon wera li kien għaqli. Hu pprova jifhem għala kienu rrabjati u kellimhom bil-ħlewwa. X’kien ir-riżultat? Il-Bibbja tgħid: “Meta kellimhom b’dan il-mod, huma kkalmaw.”—Mħ. 8:1-3. w23.09 16 ¶8-9
It-Tlieta, 18 taʼ Frar
“Jien kont il-wieħed li kien iħobb b’mod speċjali kuljum.”—Prov. 8:30.
Ġeħova u Ġesù huma l-iżjed missier u tifel close taʼ xulxin. Żgur li ħassu mweġġaʼ meta ra lil Ibnu jiġi trattat ħażin u qed ibati. Il-ġenituri li tilfu tifel jew tifla jafu xi wġigħ iġġib din it-telfa. Aħna nemmnu li se jkun hemm irxoxt, imma xorta nweġġgħu ħafna meta jmut xi ħadd li nħobbu. Dan l-eżempju jgħinna nifhmu kif Ġeħova ħassu meta ra lil Ibnu l-maħbub ibati u jmut fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 WK. (Mt. 3:17) Minn issa sat-Tifkira pprova studja iżjed dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù fl-istudju persunali jew tal-familja. U dakinhar tat-Tifkira tinsiex tara l-vidjow speċjali tal-Qima taʼ Filgħodu. Meta aħna nuru li napprezzaw it-Tifkira, se nkunu nistgħu ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw ukoll.—Esd. 7:10. w24.01 11 ¶10-12
L-Erbgħa, 19 taʼ Frar
Hu jissodakom.—1 Pt. 5:10.
Mod wieħed kif Ġeħova jtina s-saħħa hu permezz tat-talb. Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna billi jtina “qawwa iktar min-normal.” (2 Kor. 4:7) Itina s-saħħa wkoll meta naqraw il-Bibbja u nimmeditaw fuqha. (Salm 86:11) Il-messaġġ tal-Bibbja ‘hu qawwi.’ (Ebr. 4:12) Meta titlob lil Ġeħova u taqra l-Bibbja, se tirċievi s-saħħa li jkollok bżonn biex tissaporti, tibqaʼ ferħan, jew tagħmel inkarigu diffiċli. Ara kif Ġeħova saħħaħ lill-profeta Ġona. Ġona beda jibżaʼ jmur fejn bagħtu Ġeħova, allura telaʼ fuq vapur u ħarab f’post ieħor. Minħabba f’hekk, hu u n-nies li kienu fuq il-vapur kważi mietu f’maltempata. Meta l-baħrin tefgħuh il-baħar, belgħetu ħuta kbira. Ġona x’għamel biex ma jibqax jibżaʼ meta kien waħdu f’żaqq il-ħuta? Hu talab lil Ġeħova.—Ġona 2:1, 2, 7. w23.10 13 ¶4-6
Il-Ħamis, 20 taʼ Frar
“Qorob it-tmiem taʼ kollox.”—1 Pt. 4:7.
Għalkemm l-appostlu Pietru kiteb dawn l-ittri lill-Kristjani tal-bidu, Ġeħova poġġiehom fil-Bibbja. Għalhekk, aħna wkoll nistgħu nibbenefikaw minnhom. (Rum. 15:4) Aħna ngħixu f’dinja fejn in-nies ma jemmnux dak li tgħid il-Bibbja dwar il-futur. Hemm min iwaqqagħna għaċ-ċajt għax ilna ngħidu li ġej it-tmiem taʼ din is-sistema għal ħafna snin. Xi nies jgħidu li dan qatt mhu se jasal. (2 Pt. 3:3, 4) Jekk in-nies li nippritkawlhom, dawk li jaħdmu magħna, jew xi ħadd minn tal-familja jgħid hekk u nagħtu kasu, il-fidi tagħna tistaʼ tiddgħajjef. Pietru spjega x’jistaʼ jgħinna. Xi wħud jaħsbu li Ġeħova qed jiħodha bil-mod biex jeqred il-ħażen li hawn fid-dinja. Dak li kiteb Pietru jistaʼ jgħinna niftakru li l-mod kif iqis iż-żmien Ġeħova hu differenti ħafna minn kif jarawh in-nies. (2 Pt. 3:8, 9) Għal Ġeħova elf sena huma bħal ġurnata waħda. Ġeħova hu paċenzjuż u jixtieq li kulħadd isalva. Imma meta se jiġi l-jum tiegħu, il-ħażen li hawn se jispiċċa. w23.09 26-27 ¶2-5
Il-Ġimgħa, 21 taʼ Frar
“Għandna bżonn noqogħdu attenti iktar mis-soltu għal dak li smajna, biex qatt ma ninġarru mal-kurrent.”—Ebr. 2:1.
L-appostlu Pawlu għala kiteb lill-Kristjani Lhud fil-Lhudija? Wisq probabbli għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, biex jinkuraġġihom. Qabel ma saru Kristjani ħafna minnhom kienu fir-reliġjon Lhudija. Jistaʼ jkun li l-mexxejja reliġjużi li kellhom qabel kienu jwaqqgħuhom għaċ-ċajt minħabba li saru Kristjani. Għala? Għax il-Kristjani la kellhom tempju fejn setgħu jmorru jqimu lil Alla, la artal biex joffru s-sagrifiċċji fuqu, u lanqas qassisin. Dan setaʼ skuraġġixxa lid-dixxipli taʼ Kristu u dgħajfilhom il-fidi tagħhom. (Ebr. 3:12, 14) Forsi xi ftit minnhom bdew jaħsbuha biex jerġgħu jmorru fir-reliġjon li kellhom qabel. It-tieni, l-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani Lhud li ma kinux qed jieħdu “l-ikel solidu,” jiġifieri jitgħallmu tagħlim ġdid jew iktar fil-fond li nsibu fil-Kelma t’Alla. (Ebr. 5:11-14) Milli jidher, xi wħud minnhom kienu għadhom qed jimxu mal-Liġi taʼ Mosè. w23.10 24-25 ¶3-4
Is-Sibt, 22 taʼ Frar
Ittratta lin-nisa żgħażagħ bħala aħwa bis-safa kollu.—1 Tim. 5:2.
Xi nisa jiddeċiedu li ma jiżżewġux. (Mt. 19:10-12) Tistaʼ tkun ċerta li għal Ġeħova u Ġesù, int importanti avolja m’intix miżżewġa. L-aħwa nisa single mad-dinja kollha huma eżempju tajjeb fil-kongregazzjoni tagħhom. Peress li jħobbu u jieħdu ħsieb lil oħrajn, huma jsiru bħal aħwa u ommijiet għalihom. (Mk. 10:29, 30) Xi wħud bdew jaqdu fis-servizz full-time. L-aħwa nisa jagħmlu ħafna mix-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja. (Salm 68:11) Tistaʼ tibda taħseb minn issa biex taqdi fis-servizz full-time? Forsi tistaʼ tibda taqdi bħala pijuniera, tgħin fix-xogħol tal-bini, jew taqdi f’Betel. Itlob dwar dak li tixtieq tagħmel. Tkellem m’oħrajn li diġà qed jaqdu fis-servizz full-time, u ara x’tistaʼ tagħmel biex tibda taqdi full-time int ukoll. Imbagħad agħmel pjan biex tkun tistaʼ tilħaq il-mira tiegħek. Jekk tibda taqdi fis-servizz full-time se jkollok iktar opportunitajiet sbieħ biex taqdi lil Ġeħova. w23.12 22 ¶16-17
Il-Ħadd, 23 taʼ Frar
“L-ewwel trid tiġi ppritkata l-aħbar tajba.”—Mk. 13:10.
Peress li dalwaqt jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, huwa importanti ħafna li niftakru li rridu nobdu l-kmand li nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar. Imma jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli li niffokaw fuq l-ippritkar jekk ikollna problemi taʼ flus jew niffaċċjaw oppożizzjoni għall-ippritkar. X’se jgħinna npoġġu x-xogħol taʼ Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna? Irridu nkunu ċerti li “Ġeħova taʼ l-armati” hu magħna. Hu se jkompli jgħinna sakemm aħna nkomplu npoġġu x-xogħol tiegħu qabel dak li nkunu nixtiequ nagħmlu aħna. Allura m’għandniex minn xiex ninkwetaw. (Ħag. 2:4) Ġeħova jridna niffokaw fuq li nsalvaw lin-nies billi nkomplu nagħmlu dixxipli. Ħaggaj inkuraġġixxa lin-nies t’Alla biex jerġgħu jibdew jaħdmu fuq it-tempju. Jekk jagħmlu hekk, Ġeħova kien wegħedhom li ‘se jberikhom.’ (Ħag. 2:18, 19) Aħna wkoll nistgħu nkunu ċerti li jekk l-iżjed ħaġa importanti għalina tkun ix-xogħol li tana nagħmlu Ġeħova, hu se jbierek l-isforzi li nagħmlu. w23.11 16 ¶8; 17 ¶11
It-Tnejn, 24 taʼ Frar
“Kollha dinbu.”—Rum. 3:23.
Meta kiteb lir-Rumani, l-appostlu Pawlu qal li n-nies kollha jiżbaljaw. Allura Ġeħova kif jistaʼ jkun ferħan bina u jgħid li aħna bla ħtija? Biex jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija, Pawlu uża l-eżempju t’Abraham. Ġeħova qal li Abraham kien bla ħtija meta kien qed jgħix f’Kangħan. Ġeħova ma qalx li Abraham kien ġust, jew bla ħtija, għax kien jobdi l-Liġi taʼ Mosè. Kif nafu? (Rum. 4:13) Għax Ġeħova ta dik il-liġi lill-Iżraelin iktar minn 400 sena wara. Għalhekk Ġeħova wera qalb tajba kbira u qal li Abraham kien bla ħtija minħabba l-fidi li kellu.—Rum. 4:2-4. w23.12 3 ¶4-5
It-Tlieta, 25 taʼ Frar
“Agħmel kulma tixtieq qalbek.”—1 Kron. 17:2.
Fil-lejl stess li l-profeta Natan qal lis-Sultan David il-kliem t’hawn fuq, Ġeħova qal lil Natan li mhux David se jibni t-tempju. (1 Kron. 17:3, 4, 11, 12) David x’għamel meta sar jaf b’dan? Hu ħadem biex jiġbor il-flus u l-affarijiet li kellu bżonn it-tifel tiegħu Salamun biex jagħmel il-proġett. (1 Kron. 29:1-5) Eżatt wara li Ġeħova qal lil David li ma kienx se jibni t-tempju, hu għamel patt, jew wegħda miegħu. Ġeħova wiegħdu li wieħed mid-dixxendenti tiegħu se jmexxi għal dejjem. (2 Sam. 7:16) Fid-dinja l-ġdida, matul l-Elf Sena, David se jkun ferħan ħafna meta jsir jaf li r-re li qed imexxi, Ġesù, huwa dixxendent tiegħu! Dan ir-rakkont jgħallimna li anki jekk ma nagħmlux dak kollu li nixtiequ għal Ġeħova, hu xorta jistaʼ jberikna b’modi li ma nistennewx. w23.04 16 ¶8-10
L-Erbgħa, 26 taʼ Frar
“Ġeħova mhux se jitlaq lill-poplu tiegħu.”—Salm 94:14.
Ċertu partijiet mill-Bibbja vera se jgħinuk meta tkun qed tibżaʼ. Pereżempju, tistaʼ ssib inkuraġġanti l-kotba taʼ Ġob, Salmi, u Proverbji, kif ukoll il-kliem taʼ Ġesù f’Mattew kapitlu 6. Meta titlob lil Ġeħova u taqra l-Bibbja, int ħa tħoss l-għajnuna tiegħu. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova ħa jkun hemm għalina meta nkunu għaddejjin minn żmien ikrah. Hu qatt mhu ħa jħallina waħedna. (Salm 23:4) Ġeħova jwiegħed li ħa jipproteġina, ħa jgħinna nkunu stabbli, ħa jissapportjana, u ħa jinkuraġġina. Dwar Ġeħova, Isaija 26:3 jgħid li se jagħti paċi kontinwa lil min jafda kompletament fih. Mela afda f’Ġeħova u uża l-għajnuna kollha li jagħtik. Jekk tagħmel hekk, ħa tkun b’saħħtek anke matul l-iżjed żmien ikrah. w24.01 25 ¶16-17
Il-Ħamis, 27 taʼ Frar
“Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix.”—Is. 54:17.
Il-kliem tal-iskrittura t’hawn fuq qed jiġri llum il-ġurnata. U dan ukoll għandu x’jaqsam magħna: “Uliedek kollha jkunu persuni mgħallmin minn Ġeħova, u l-paċi taʼ wliedek tkun kotrana. Int tkun stabbilita fis-sod u fis-sewwa. Se tkun ’il bogħod mill-moħqrija—għax ma tibżaʼ xejn minn dan—u ’l bogħod minn kull ħaġa taʼ twerwir, għax din ma tersaqx lejk.” (Is. 54:13, 14) Lanqas “l-alla taʼ din is-sistema,” Satana, ma jistaʼ jwaqqaf ix-xogħol li qegħdin jagħmlu n-nies taʼ Ġeħova biex jgħallmu lil oħrajn. (2 Kor. 4:4) In-nies ta’ Ġeħova qed jaqduh bil-mod kif jixtieq hu, u dan qatt mhu ħa jinbidel. Kull ħaġa li Satana ħa jipprova jagħmel mhux ħa jkollha suċċess! w24.02 4 ¶10
Il-Ġimgħa, 28 taʼ Frar
“Kull min iħobb lil ommu u lil missieru iktar milli jħobb lili ma jistħoqqlux ikun dixxiplu tiegħi.”—Mt. 10:37.
Bħala Kristjani, aħna nieħdu l-wegħda li għamilna lil Ġeħova li naqduh għal dejjem bis-serjetà. Dan jaffettwa d-deċiżjonijiet u l-affarijiet li nagħmlu meta jinqalgħu sitwazzjonijiet fil-familja. Aħna naħdmu iebes biex nieħdu ħsieb lill-familja tagħna, imma qatt ma npoġġu dak li jixtiequ huma qabel dak li jixtieq Ġeħova. (Mt. 10:35, 36; 1 Tim. 5:8) Xi kultant, forsi jkollna nieħdu deċiżjonijiet li ma jogħġbux lil tal-familja, imma lil Ġeħova jagħmluh ferħan. Hu ħalaq il-familja u jixtieq li aħna jkollna familja ferħana. (Efes. 3:14, 15) Jekk irridu nkunu vera ferħanin irridu nagħmlu dak li jixtieq Ġeħova. Kun ċert li Ġeħova japprezza s-sagrifiċċji li tagħmel waqt li tieħu ħsieb il-familja u tittrattahom bi mħabba u b’rispett.—Rum. 12:10. w24.02 18 ¶11, 13