Settembru
It-Tnejn, 1 taʼ Settembru
“Il-ħniena tiegħu mis-sema se tiddi fuqna bħax-xemx tielgħa.”—Lq. 1:78.
Alla ta lil Ġesù l-qawwa biex isolvi l-problemi kollha tan-nies. Meta Ġesù għamel il-mirakli, hu wera li jistaʼ jirranġa l-problemi kollha li aħna ma nistgħux nirranġaw weħidna. Pereżempju, hu għandu l-qawwa li jeħlisna mid-dnub u l-effetti tiegħu, bħall-mard u l-mewt. (Mt. 9:1-6; Rum. 5:12, 18, 19) Il-mirakli tiegħu juru li hu jistaʼ jfejjaq “kull tip taʼ mard” u jqajjem il-mejtin. (Mt. 4:23; Ġw. 11:43, 44) Għandu wkoll il-qawwa li jikkontrolla l-maltempati u jkeċċi d-demonji. (Mk. 4:37-39; Lq. 8:2) Kemm hu inkuraġġanti li nafu li Ġeħova ta din il-qawwa lil Ibnu! Nistgħu nkunu ċerti li l-wegħdi t’affarijiet tajbin li se ġġib is-Saltna t’Alla se jiġru żgur. Il-mirakli li għamel Ġesù meta kien fuq l-art juruna dak li se jagħmel mad-dinja kollha bħala r-Re tas-Saltna t’Alla. w23.04 3 ¶5-7
It-Tlieta, 2 taʼ Settembru
“L-ispirtu jgħarbel kollox, saħansitra l-affarijiet profondi t’Alla.”—1 Kor. 2:10.
Jekk fil-kongregazzjoni tiegħek hemm ħafna aħwa u taħseb li l-ħu ma jqabbdekx spiss, forsi ġieli ħsibt biex ma tibqax tipprova. Imma tiqafx tipprova tikkummenta. Ipprepara xi ftit kummenti għal-laqgħa. Imbagħad, jekk ma jqabbdukx tikkummenta fil-bidu, se jkollok ċans iktar tard. Meta tkun qed tipprepara l-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa, aħseb kif il-paragrafu jaqbel mat-tema tal-artiklu. Jekk tagħmel hekk, se ssib kummenti tajbin li tkun tistaʼ taqsam matul l-istudju kollu. Barra minn hekk, tistaʼ tipprepara kumment fuq paragrafi li jkun fihom tagħlim tal-Bibbja iktar diffiċli biex tispjegah. Għala? Għax forsi jkun hemm inqas aħwa li jikkummentaw f’dawn il-paragrafi. Imma x’tistaʼ tagħmel jekk għaddew ftit laqgħat, u xorta ma kellekx l-opportunità li tikkummenta? Qabel il-laqgħa għid il-ħu li jkun se jikkonduċi l-istudju f’liema paragrafu tixtieq twieġeb. w23.04 21-22 ¶9-10
L-Erbgħa, 3 taʼ Settembru
Ġużeppi għamel bħalma kien qallu l-anġlu taʼ Ġeħova, u ħa lil martu d-dar.—Mat. 1:24.
Ġużeppi kien lest li jobdi d-direzzjoni taʼ Ġeħova, u dan għenu jkun raġel miżżewweġ aħjar. Alla tah xi struzzjonijiet dwar il-familja tiegħu minn tal-inqas tliet darbiet. Kull darba, Ġużeppi obda mill-ewwel, anki meta kien diffiċli għalih. (Mt. 1:20; 2:13-15, 19-21) Peress li obda d-direzzjoni taʼ Ġeħova, Ġużeppi pproteġa lil Marija u ħa ħsiebha. Wisq probabbli, dan ġiegħel lil Marija tħobb u tirrispetta ħafna iktar lil Ġużeppi. Irġiel miżżewġin, intom tistgħu timitaw lil Ġużeppi billi tfittxu pariri mill-Bibbja biex tieħdu ħsieb il-familja tagħkom. Meta tapplikaw dawn il-pariri, anki jekk ikollkom tagħmlu xi bidliet, tkunu qed turu li tħobbu lill-mara u ssaħħu ż-żwieġ tagħkom. Oħt minn Vanuatu, li ilha miżżewġa iktar minn 20 sena, tgħid: “Meta r-raġel tiegħi jara x’inhi d-direzzjoni taʼ Ġeħova u japplikaha, jien nirrispettah iżjed. Jien inħossni protetta u ma niddubitax id-deċiżjonijiet li jieħu.” w23.05 21 ¶5
Il-Ħamis, 4 taʼ Settembru
“Se jkun hemm triq ewlenija hemmhekk, iva, triq; u se tissejjaħ it-Triq tal-Qdusija.”—Is. 35:8.
Il-Lhud li kienu se jerġgħu jmorru lura minn Babilonja kellhom isiru “poplu qaddis” għal Alla. (Dt. 7:6) Imma dan kien ifisser li huma kellhom jagħmlu xi bidliet biex jogħġbu lil Ġeħova. Il-biċċa l-kbira tal-Lhud li twieldu Babilonja bdew jgħixu bħan-nies t’hemmhekk. Kważi 70 sena wara li l-ewwel Lhud waslu Iżrael, il-Gvernatur Neħemija baqaʼ mistagħġeb meta sar jaf li t-tfal li twieldu Iżrael lanqas biss kienu tgħallmu l-lingwa tal-Lhud. (Dt. 6:6, 7; Neħ. 13:23, 24) Dawn it-tfal kif kienu se jitgħallmu jħobbu u jqimu lil Ġeħova jekk ma kinux jifhmu l-Ebrajk, il-lingwa li ntużat biex tinkiteb il-Kelma t’Alla? (Esd. 10:3, 44) Għalhekk, dawn il-Lhud kellhom jagħmlu bidliet kbar. Kien iktar faċli għalihom biex jagħmlu dawn il-bidliet f’Iżrael, fejn in-nies bdew iqimu lil Ġeħova kif jogħġob lilu.—Neħ. 8:8, 9. w23.05 15 ¶6-7
Il-Ġimgħa, 5 taʼ Settembru
Ġeħova jsaħħaħ lil dawk imtaqqlin bil-problemi.—Salm 145:14.
B’dispjaċir, anki meta jkollna x-xewqa jew jirnexxilna nikkontrollaw lilna nfusna, jinqalgħu sfidi li jagħmluhielna diffiċli biex nilħqu l-mira tagħna. Pereżempju, “ġrajjiet mhux mistennijin” jistgħu jisirqulna l-ħin li jkollna bżonn biex naħdmu fuq il-mira tagħna. (Ekk. 9:11) Nistgħu niffaċċjaw problemi li jiskuraġġuna jew iħalluna bla saħħa. (Prov. 24:10) U minħabba li aħna imperfetti nistgħu nagħmlu żbalji li jagħmluhielna diffiċli nilħqu l-mira tagħna. (Rum. 7:23) Jew forsi nħossuna għajjenin. (Mt. 26:43) Meta jiġri hekk, x’jistaʼ jgħinna? Ftakar li jekk tinqalaʼ xi ħaġa u tagħmilhielek diffiċli biex tilħaq il-mira tiegħek m’għandekx taqtaʼ qalbek u tieqaf. Il-Bibbja tgħidilna li aħna nistgħu niffaċċjaw problema wara oħra. Imma turina b’mod ċar li aħna xorta nistgħu nilħqu l-mira tagħna. Meta tibqaʼ tipprova tilħaq il-mira tiegħek anki meta jkun diffiċli, int turi lil Ġeħova li tixtieq togħġbu. Min jaf kemm iħossu ferħan Ġeħova meta jarak taħdem iebes biex tilħaq il-mira tiegħek! w23.05 30 ¶14-15
Is-Sibt, 6 taʼ Settembru
“Siru eżempji għall-merħla.”—1 Pt. 5:3.
Meta żagħżugħ jaqdi bħala pijunier, jistaʼ jgħinu jitgħallem jaħdem ma’ nies differenti b’karattri differenti. Jistaʼ jgħinu wkoll biex jitgħallem iqassam il-flus sew. (Flp. 4:11-13) Mod tajjeb kif tistaʼ tibda fis-servizz full-time hu billi tagħmel pijunier awżiljarju qabel ma tibda bħala pijunier regulari. Imbagħad il-pijunieri regulari ġieli jiġu mistidnin biex jaħdmu fis-servizz full-time bħala Beteliti jew biex jgħinu f’xi proġetti taʼ bini. L-aħwa rġiel kollha għandhom jipprovaw jaħdmu ħalli jkollhom il-kwalitajiet biex isiru anzjani. Il-Bibbja tgħid li l-irġiel li jkunu qed jirsistu għal din ir-responsabbiltà jkunu jixtiequ “xogħol tajjeb.” (1 Tim. 3:1) L-ewwel, ħu jrid isir qaddej ministerjali. Il-qaddejja ministerjali jgħinu lill-anzjani jieħdu ħsieb lill-aħwa fil-kongregazzjoni. Kemm l-anzjani u anki l-qaddejja ministerjali jgħinu lill-aħwa u jaħdmu fix-xogħol tal-ippritkar. w23.12 27-28 ¶14-16
Il-Ħadd, 7 taʼ Settembru
“Meta kien għadu tifel, beda jfittex lill-Alla tal-antenat tiegħu David.”—2 Kron. 34:3.
Ir-Re Ġosija kellu 16-il sena meta beda jitgħallem dwar Ġeħova. Hu ried jitgħallem dwar Ġeħova u jobdih. Imma l-ħajja taʼ dan ir-re żagħżugħ ma kinitx faċli. Matul dak iż-żmien, ħafna min-nies kienu qed iqimu allat foloz. Għalhekk, Ġosija kellu jkun kuraġġuż biex iwaqqafhom. U hekk għamel! Qabel Ġosija kellu 20 sena, hu beda jneħħi l-qima falza mill-pajjiż. (2 Kron. 34:1, 2) Anki jekk għadek żgħir, int tistaʼ timita lil Ġosija billi titgħallem iktar dwar Ġeħova u l-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Meta tagħmel hekk, se tkun trid tiddedika ħajtek lilu. Dan kif se jeffettwak? Luke, li tgħammed meta kellu 14-il sena, jgħid, “Mil-lum ’il quddiem se nipprova nagħmel dak kollu li nistaʼ biex naqdi lil Ġeħova u nagħmlu ferħan.” (Mk. 12:30) Jekk int tagħmel bħal Luke, se jkollok ħafna barkiet! w23.09 11 ¶12-13
It-Tnejn, 8 taʼ Settembru
Istmaw lil dawk li qegħdin jaħdmu iebes fostkom u jippresiedu fuqkom fil-Mulej.—1 Tess. 5:12.
Meta l-appostlu Pawlu kiteb din l-ittra, il-kongregazzjoni f’Tessalonika kienet ilha inqas minn sena li bdiet. Wisq probabbli, l-anzjani ma kellhomx esperjenza u setgħu għamlu l-iżbalji. Imma l-aħwa xorta kellhom jirrispettawhom. Hekk kif iż-żmien taʼ tbatija kbira joqrob, jistaʼ jkollna bżonn nafdaw id-direzzjoni tal-anzjani tal-kongregazzjoni iktar milli qed nagħmlu bħalissa. Jistaʼ jkun li ma nkunux nistgħu nirċievu d-direzzjoni mingħand l-aħwa fil-kwartieri ġenerali jew l-uffiċċju tal-fergħa. Allura hu importanti li nitgħallmu nħobbu u nirrispettaw lill-anzjani minn issa. Jiġri x’jiġri, ejja nibqgħu attenti u ma niffokawx fuq l-imperfezzjonijiet tagħhom. Minflok għandna niftakru li Ġeħova qed juża lil Ġesù biex jiggwida lil dawn l-irġiel leali. L-istess bħalma elmu jipproteġi ras is-suldat, it-tama tagħna tipproteġi lil moħħna u tgħinna naħsbu tajjeb. Nindunaw li dak li toffrilna d-dinja ma jiswa xejn. (Flp. 3:8) It-tama tgħinna biex nibqgħu kalmi u ma nippanikjawx. w23.06 11-12 ¶11-12
It-Tlieta, 9 taʼ Settembru
Mara stupida hi storbjuża. Ma taf xejn li xejn.—Prov. 9:13.
Dawk li jisimgħu lill-“mara stupida” jridu jaraw x’se jagħmlu. Se jaċċettaw l-istedina tagħha jew le? Hemm raġunijiet tajbin ħafna għala għandna nevitaw l-immoralità sesswali. Il-“mara stupida” tgħid: “L-ilmijiet misruqin huma ħelwin.” (Prov. 9:17) X’inhuma “l-ilmijiet misruqin”? Il-Bibbja tqabbel is-sess bejn raġel u mara miżżewġin mal-ilma. (Prov. 5:15-18) Koppja miżżewġa jistgħu jieħdu pjaċir bir-relazzjoni sesswali taʼ bejniethom. Dan hu differenti mill-“ilmijiet misruqin.” Dawn jistgħu jirreferu għal sess immorali. Nies li jagħmlu l-immoralità spiss jagħmlu dan fil-moħbi bħal ħalliel li jipprova jisraq. “L-ilmijiet misruqin” jistgħu jidhru ħelwin għal dawk li jaħsbu li ħadd mhu se jkun jaf b’dak li jagħmlu. Imma huma qed jidħqu bihom infushom għax Ġeħova jara kollox. Jekk nitilfu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, inkunu tlifna l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna u żgur ma tkunx xi ħaġa ħelwa u taʼ pjaċir.—1 Kor. 6:9, 10. w23.06 22 ¶7-9
L-Erbgħa, 10 taʼ Settembru
“Anki jekk nagħmel dan għax jien obbligat, jien xorta ġejt fdat b’responsabbiltà serja.”—1 Kor. 9:17.
Xi ngħidu jekk qed tħoss li t-talb tiegħek mhuwiex mill-qalb u m’għadekx tieħu pjaċir fuq il-ministeru daqs kemm kont? Taħsibx li m’għadx għandek l-ispirtu taʼ Ġeħova. Aħna imperfetti, u l-emozzjonijiet tagħna maż-żmien jaf jinbidlu. Jekk tlift xi naqra l-ferħ, aħseb fuq l-eżempju tal-appostlu Pawlu. Pawlu kien jaf li kultant ma kienx ħa jkollu x-xewqa li jagħmel dak li hemm bżonn avolja prova jimita lil Ġesù. Pawlu kien determinat li jkompli fix-xogħol li kellu minkejja l-mod kif ħassu. B’mod simili, tiħux deċiżjonijiet skont dak li tkun qed tħoss. Kun determinat li tagħmel dak li hu tajjeb avolja ma jkollokx aptit. Maż-żmien ħa tinduna li l-mod kif tħossok qed jinbidel għall-aħjar.—1 Kor. 9:16. w24.03 11-12 ¶12-13
Il-Ħamis, 11 taʼ Settembru
“Agħtuhom prova taʼ mħabbitkom.”—2 Kor. 8:24.
Aħna nistgħu nuru li nħobbu lil ħutna billi nsiru l-ħbieb tagħhom u nqattgħu l-ħin magħhom. (2 Kor. 6:11-13) Ħafna minna mmorru f’kongregazzjonijiet li fihom aħwa b’backgrounds u personalitajiet differenti. Aħna nistgħu nħobbuhom iktar billi niffokaw fuq il-kwalitajiet tajbin tagħhom. Meta nitgħallmu naraw lil oħrajn bħalma jarahom Ġeħova, inkunu qed nuru li nħobbuhom. L-imħabba se tkun importanti ħafna matul iż-żmien taʼ tbatija kbira. Meta jibda dak iż-żmien, Ġeħova kif se jipproteġina? Aħseb dwar dak li qal Ġeħova lin-nies tiegħu meta Babilonja kienet attakkata: “Mur, poplu tiegħi, idħol fil-kmamar taʼ ġewwa tiegħek, u agħlaq il-bibien tiegħek warajk. Inħeba għal mument wieħed sakemm tgħaddi l-kundanna.” (Is. 26:20) Matul iż-żmien taʼ tbatija kbira forsi se jkollna nagħmlu l-istess aħna wkoll. w23.07 6-7 ¶14-16
Il-Ġimgħa, 12 taʼ Settembru
“Ix-xena taʼ din id-dinja qed tinbidel.”—1 Kor. 7:31.
Saqsi lilek innifsek: ‘In-nies iqisuni bħala persuna raġonevoli? Jew jarawni bħala persuna ħarxa u rasi iebsa? Nismaʼ l-opinjoni t’oħrajn u nagħmel kif ikunu jixtiequ huma?’ Iktar ma nkunu raġonevoli, iktar inkunu qed nimitaw lil Ġeħova u lil Ġesù. Meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi tagħna rridu naddattaw. Dawn il-bidliet jistgħu jaqilgħulna problemi li qatt ma ħsibna dwarhom. Pereżempju, nistgħu niffaċċjaw problemi taʼ saħħa f’daqqa waħda. Jew jistaʼ jkun li tibdil fl-ekonomija u l-gvern fejn inkunu qed ngħixu jagħmluhielna diffiċli biex inkampaw. (Ekk. 9:11) Jistaʼ jkun diffiċli għalina wkoll meta l-organizzazzjoni titlobna biex naqdu lil Ġeħova f’inkarigu differenti jew f’xi post ieħor. Nistgħu naddattaw għaċ-ċirkostanzi ġodda jekk nagħmlu dawn l-erbaʼ passi: (1) aċċetta li s-sitwazzjoni tiegħek issa hi differenti, (2) aħseb dwar il-futur, (3) aħseb dwar l-affarijiet tajbin li għandek f’ħajtek, u (4) agħmel affarijiet għal oħrajn. w23.07 21-22 ¶7-8
Is-Sibt, 13 taʼ Settembru
“Int maħbub ferm.”—Dan. 9:23.
Il-profeta Danjel kien għadu żagħżugħ meta l-Babiloniżi ħaduh bħala priġunier ’il bogħod minn Ġerusalemm f’Babilonja. Imma għalkemm kien għadu żagħżugħ, Danjel impressjona lill-uffiċjali Babiloniżi. Huma raw li kien ġuvni sabiħ u li kien ġej minn familja importanti. (1 Sam. 16:7) Għalhekk, ittrennjawh biex jibda jaqdi fil-palazz. (Dan. 1:3, 4, 6) Ġeħova kien iħobb lil Danjel minħabba t-tip taʼ persuna li kien. Fil-fatt, meta Ġeħova qal li Danjel kien bħal Noè u Ġob, x’aktarx Danjel kellu biss madwar 20 sena. Għalhekk, Ġeħova qies lil dan iż-żagħżugħ bħal Noè u Ġob li qdewh lealment għal ħafna snin. (Ġen. 5:32; 6:9, 10; Ġob 42:16, 17; Eżek. 14:14) U Ġeħova baqaʼ jħobb lil Danjel matul ħajtu kollha.—Dan. 10:11, 19. w23.08 2 ¶1-2
Il-Ħadd, 14 taʼ Settembru
Ifhmu għalkollox il-wisaʼ, it-tul, l-għoli, u l-fond tal-verità.—Efes. 3:18.
Qabel tiddeċiedi jekk tixtrix post jew le, żgur li tkun trid tmur u tara d-dettalji kollha tad-dar. Meta naqraw u nistudjaw il-Bibbja nistgħu nagħmlu xi ħaġa simili. Jekk taqraha taʼ malajr, se titgħallem affarijiet faċli biss, jiġifieri “l-affarijiet elementari tad-dikjarazzjonijiet sagri t’Alla.” (Ebr. 5:12) Imma bħalma għandek bżonn “tidħol” fid-dar biex taraha sew, għandek bżonn tistudja l-Bibbja sew biex tifhimha aħjar. Mod tajjeb kif tistudja l-Bibbja hu billi tara kif partijiet mill-messaġġ li fiha huma marbutin flimkien. Ipprova ifhem dak li temmen u r-raġuni għala temmen hekk. Biex tifhem sew il-Bibbja, hemm xi affarijiet li trid tistudjahom sew. L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-aħwa biex jistudjaw il-Bibbja sew ħalli jkunu jistgħu jifhmu “l-wisaʼ u t-tul u l-għoli u l-fond” tal-verità. B’hekk, il-fidi tagħhom kienet se tkun ‘bl-għeruq u stabbilita.’ (Efes. 3:14-19) Aħna rridu nagħmlu bħalhom. w23.10 18 ¶1-3
It-Tnejn, 15 taʼ Settembru
“Ħuti, ħudu bħala mudell lill-profeti li tkellmu f’isem Ġeħova, sofrew il-ħażen, u kienu paċenzjużi.”—Ġak. 5:10.
Fil-Bibbja nsibu ħafna eżempji taʼ nies li kienu paċenzjużi. Għax ma tagħmilx studju personali biex titgħallem iktar dwar dawn l-eżempji? Pereżempju, għalkemm David kien għadu żagħżugħ meta ntgħażel biex ikun ir-re taʼ Iżrael, hu kellu jistenna ħafna snin biex jibda jmexxi. Simegħon u Anna baqgħu leali lejn Ġeħova waqt li kienu qed jistennew il-Messija mwiegħed. (Lq. 2:25, 36-38) Waqt li tkun qed tistudja rakkonti bħal dawn, fittex it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin: X’għen lil din il-persuna tkun paċenzjuża? Kif ibbenefikat għax kienet paċenzjuża? Kif nistaʼ nimitaha? Tistaʼ titgħallem ukoll minn dawk li ma baqgħux paċenzjużi. (1 Sam. 13:8-14) Forsi tistaqsi: ‘Għala ma kinux paċenzjużi? Xi ġralhom għax ma kinux paċenzjużi?’ w23.08 25 ¶15
It-Tlieta, 16 taʼ Settembru
“Aħna emminna u sirna nafu li int il-Qaddis t’Alla.”—Ġw. 6:69.
L-appostlu Pietru kien leali u ma ħalla xejn iwaqqfu milli jkompli jimxi wara Ġesù. Pereżempju, darba Ġesù qal xi ħaġa li d-dixxipli ma fehmux. (Ġw. 6:68) Imma ħafna ma pprovawx jifhmu dak li qal u ma baqgħux dixxipli tiegħu. Imma Pietru m’għamilx bħalhom. Hu kien jaf li Ġesù biss għandu “l-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.” Ġesù kien jaf li Pietru u l-appostli l-oħrajn kienu se jabbandunawh. Imma Ġesù qal lil Pietru li kien ċert li kien se jiddispjaċih u jibqaʼ leali. (Lq. 22:31, 32) Ġesù kien jaf li “l-intenzjoni hi tajba, imma l-ġisem hu dgħajjef.” (Mk. 14:38) Għalhekk, anki meta Pietru qal li ma kienx jaf lil Ġesù, Ġesù ma qatax qalbu minnu. Wara li Ġesù ġie rxoxtat, hu deher lil Pietru. Milli jidher dan ġara meta kien waħdu. (Mk. 16:7; Lq. 24:34; 1 Kor. 15:5) Min jaf kemm ħassu inkuraġġit Pietru, li kien imdejjaq ħafna minħabba dak li kien għamel! w23.09 22 ¶9-10
L-Erbgħa, 17 taʼ Settembru
“Ferħanin huma dawk li l-iżbalji tagħhom inħafrulhom u li dnubiethom intesew.”—Rum. 4:7.
Alla jaħfer jew jgħatti d-dnubiet taʼ dawk li għandhom fidi fih, jiġifieri hu jaħfrilhom kompletament. (Salm 32:1, 2) Minħabba l-fidi tagħhom, għalih huma ġusti u bla ħtija. Għalkemm Abraham, David, u qaddejja leali oħra huma msejħin ġusti, xorta waħda kienu imperfetti. Imma minħabba l-fidi tagħhom, Ġeħova kien iqishom bla ħtija, speċjalment ħdejn dawk li ma kinux jaqduh. (Efes. 2:12) Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, l-appostlu Pawlu spjega li aħna għandna bżonn il-fidi biex inkunu ħbieb taʼ Ġeħova. Abraham u David kienu ħbieb taʼ Ġeħova minħabba l-fidi tagħhom, u aħna wkoll nistgħu nkunu bħalhom. w23.12 3 ¶6-7
Il-Ħamis, 18 taʼ Settembru
Offru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jistqarru ismu pubblikament. —Ebr. 13:15.
Illum, il-Kristjani kollha għandhom il-privileġġ iqimu lil Ġeħova billi jużaw il-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet tagħhom biex jaqduh. Aħna nuru li napprezzaw il-privileġġ li naqdu lil Ġeħova billi nagħmlu dak kollu li nistgħu għalih. L-appostlu Pawlu niżżel l-affarijiet li għandna dejjem nagħmlu biex naqdu lil Ġeħova. (Ebr. 10:22-25) Dawn jinkludu li nitolbu lil Ġeħova, nippritkaw lil oħrajn, niltaqgħu flimkien għal-laqgħat, u ninkuraġġixxu lil xulxin ‘iktar u iktar hekk kif naraw joqrob il-jum’ taʼ Ġeħova. Fl-aħħar tal-ktieb tar-Rivelazzjoni, l-anġlu taʼ Ġeħova qal: “Qim lil Alla!” (Riv. 19:10; 22:9) L-anġlu qal dan il-kliem darbtejn biex juri kemm hu importanti. Jalla qatt ma ninsew l-affarijiet li tgħallimna dwar it-tempju spiritwali taʼ Ġeħova, u napprezzaw il-privileġġ li naqdu lil Alla tagħna, Ġeħova! w23.10 29 ¶17-18
Il-Ġimgħa, 19 taʼ Settembru
“Ħa nkomplu nħobbu lil xulxin.”—1 Ġw. 4:7.
Aħna rridu “nkomplu nħobbu lil xulxin.” Imma importanti niftakru li Ġesù qal li “l-biċċa l-kbira tan-nies ma jibqgħux iħobbu lil oħrajn.” (Mt. 24:12) Ġesù ma kienx qed jgħid li l-biċċa l-kbira mid-dixxipli tiegħu mhumiex se jibqgħu jħobbu lil xulxin. Imma aħna rridu noqogħdu attenti li ma nħallux l-attitudni tan-nies fid-dinja teffettwa l-imħabba taʼ bejnietna. B’dan f’moħħna, ejja nikkunsidraw mistoqsija importanti: X’se jgħinna nkunu nafu jekk l-imħabba għal ħutna hix b’saħħitha? Mod wieħed kif nistgħu naraw jekk l-imħabba tagħna għal ħutna hix b’saħħitha hu billi naraw kif naġixxu f’ċertu sitwazzjonijiet. (2 Kor. 8:8) L-appostlu Pietru semma sitwazzjoni minnhom, meta qal: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pt. 4:8) Għalhekk, dak li nagħmlu meta ħutna jiżbaljaw jew iweġġgħuna ħa jgħinna naraw kemm hi b’saħħitha l-imħabba tagħna għalihom. w23.11 10-11 ¶12-13
Is-Sibt, 20 taʼ Settembru
“Ħobbu lil xulxin.”—Ġw. 13:34.
Aħna ma nkunux qed nobdu l-kmand taʼ Ġesù dwar l-imħabba jekk ma nkunux qed nuru mħabba mal-aħwa kollha fil-kongregazzjoni. Vera li nistgħu nħossuna iktar close maʼ xi aħwa, bħalma kien Ġesù. (Ġw. 13:23; 20:2) Imma l-appostlu Pietru jfakkarna li rridu ‘nħobbu lill-aħwa kollha’ għax huma parti mill-familja tagħna. (1 Pt. 2:17) Pietru jgħidilna biex ‘inħobbu lil xulxin mill-qalb bil-ħeġġa kollha.’ (1 Pt. 1:22) Li nħobbu “bil-ħeġġa” jfisser li nħobbu lil xi ħadd anki meta ma jkunx faċli għalina. Pereżempju, xi ngħidu jekk ħu joffendina jew iweġġagħna b’xi mod? Għall-ewwel forsi minflok ma nuru l-imħabba nkunu nixtiequ npattu lura. Imma Pietru tgħallem minn Ġesù li jekk nagħmlu hekk, Ġeħova ma jiħux pjaċir bina. (Ġw. 18:10, 11) Pietru kiteb: “Tpattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir, imma, għall-kuntrarju, bierku” lil xulxin. (1 Pt. 3:9) Meta tħobb bil-ħeġġa, int se tkun qalbek tajba. w23.09 28-29 ¶9-11
Il-Ħadd, 21 taʼ Settembru
Bl-istess mod, in-nisa għandhom ikunu moderati fi drawwiethom, juru fedeltà f’kollox.—1 Tim. 3:11.
Nistagħġbu kemm jikbru malajr it-tfal, filli żgħar u filli kbar. Imma hi xi ħaġa differenti biex issir Kristjan matur, għax hemm bżonn sforz. (1 Kor. 13:11; Ebr. 6:1) Biex insiru Kristjani maturi, irid ikollna ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova. Barra minn hekk, għandna bżonn l-ispirtu tiegħu biex jgħinna jkollna kwalitajiet li jogħġbuh, inkunu kapaċi nagħmlu affarijiet differenti, u nippreparaw għal responsabbiltajiet li jistaʼ jkollna ’l quddiem. (Prov. 1:5) Ġeħova ħalaq lin-nies bħala raġel jew mara. (Ġen. 1:27) L-irġiel u n-nisa huma differenti kif jidhru minn barra, imma hemm ukoll affarijiet oħra li huma differenti fihom. Pereżempju, Ġeħova ma tahomx l-istess responsabbiltajiet, allura biex jieħdu ħsiebhom għandhom bżonn kwalitajiet u abbiltajiet differenti.—Ġen. 2:18. w23.12 18 ¶1-2
It-Tnejn, 22 taʼ Settembru
“Għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli tiegħi u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben.”—Mt. 28:19.
Ġesù ried li oħrajn jużaw l-isem taʼ Missieru? Iva. Xi mexxejja reliġjużi kienu jgħidu li jekk tuża l-isem t’Alla ma tkunx qed turih rispett. Imma Ġesù qatt ma ħalla dawn l-ideat iwaqqfuh milli jfaħħar l-isem taʼ Missieru. Aħseb dwar meta Ġesù fejjaq raġel li kellu d-demonji, fir-reġjun tal-Gerasin. In-nies bdew jibżgħu u riedu li Ġesù jitlaq minn hemmhekk. Allura hu hekk għamel. (Mk. 5:16, 17) Imma Ġesù xorta ried li n-nies f’dak il-post ikunu jafu dwar Ġeħova. Allura hu qal lir-raġel li fejjaq biex jgħid lin-nies x’kien għamel għalih Ġeħova. (Mk. 5:19) Ġesù jrid li aħna wkoll ngħidu lin-nies madwar id-dinja kollha dwar Missieru! (Mt. 24:14; 28:20) Meta nagħmlu hekk, aħna nferrħu lir-Re tagħna, Ġesù. w24.02 10 ¶10
It-Tlieta, 23 taʼ Settembru
“Ssaportejt minħabba ismi.”—Riv. 2:3.
Kemm hi xi ħaġa sabiħa li f’dawn l-aħħar żminijiet diffiċli qegħdin fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Id-dinja qed tmur għall-agħar, imma Ġeħova tana l-aħwa biex jgħinuna. (Salm 133:1) Hu jgħinna biex ikollna familja ferħana. (Efes. 5:33; 6:1) U jtina l-għerf li għandna bżonn biex inkampaw mal-istress u nibqgħu ferħanin. Aħna rridu nagħmlu sforz biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova. Għala? Għax kultant l-aħwa jistgħu jweġġgħuna b’dak li jgħidu jew jagħmlu. Jew forsi nħossuna skuraġġiti minħabba l-iżbalji tagħna stess, speċjalment jekk nagħmluhom iżjed minn darba. Irridu nibqgħu naqdu lil Ġeħova (1) meta ħu jew oħt tweġġagħna, (2) meta r-raġel jew il-mara tagħna tiddiżappuntana, u (3) meta nħossuna skuraġġiti minħabba l-iżbalji li nagħmlu. w24.03 14 ¶1-2
L-Erbgħa, 24 taʼ Settembru
“Għamilna kemm għamilna progress, ejjew inkomplu mexjin bl-ordni b’din l-istess rutina.”—Flp. 3:16.
Minn żmien għall-ieħor, int ħa tismaʼ esperjenzi t’aħwa li ddeċidew jagħmlu iktar għal Ġeħova. Forsi marru l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna (SKE) jew marru jaqdu fejn hemm iktar bżonn. Jekk għandek ċirkostanzi tajbin, agħmel miri bħal dawn. In-nies taʼ Ġeħova vera jixtiequ jsibu modi kif jistgħu jagħmlu iktar għalih. (Atti 16:9) Imma xi ngħidu jekk bħalissa ma tistax? Taħsibx li għandek xi ħaġa inqas minn dawk li jistgħu. L-iktar importanti hu li tibqaʼ tissaporti. (Mt. 10:22) Tinsiex li Ġeħova jkun vera ferħan meta tagħmel l-aħjar li tistaʼ fiċ-ċirkostanzi tiegħek. Dan hu mod importanti kif tistaʼ tibqaʼ timxi wara Ġesù wara l-magħmudija.—Salm 26:1. w24.03 10 ¶11
Il-Ħamis, 25 taʼ Settembru
“Hu b’qalb tajba ħafrilna dnubietna kollha.”—Kol. 2:13.
Missierna tas-sema jwegħedna li jekk vera jiddispjaċina, se jaħfrilna. (Salm 86:5) Mela jekk vera ddispjaċiena għad-dnubiet li għamilna, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova żamm kelmtu u ħafrilna. Ftakar li Ġeħova hu raġonevoli. Hu qatt ma jistenna li nagħmlu iżjed milli nifilħu. Hu japprezza kulma nagħmlu għalih, la jkun l-aħjar li nistgħu ntuh. Aħseb ukoll f’nies fil-Bibbja li qdew lil Ġeħova b’qalbhom kollha, bħall-appostlu Pawlu. Hu ħadem iebes għal ħafna snin billi vjaġġa f’postijiet ’il bogħod u beda ħafna kongregazzjonijiet. Imma meta nbidlulu ċ-ċirkostanzi u ma baqax jipprietka daqs kemm setaʼ, Ġeħova baqaʼ ferħan bih. Pawlu baqaʼ jagħmel dak li setaʼ u Ġeħova bierku. (Atti 28:30, 31) Bħal Pawlu, dak li nkunu nistgħu nagħtu lil Ġeħova jistaʼ jinbidel. Imma l-importanti għalih hu għala qed naqduh. w24.03 27 ¶7, 9
Il-Ġimgħa, 26 taʼ Settembru
Ġesù qam kmieni waqt li kien għadu d-dlam, mar f’post imwarrab, u beda jitlob.—Mk. 1:35.
Bil-mod kif kien jitlob lil Ġeħova, Ġesù ħalla eżempju lid-dixxipli tiegħu. Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù talab spiss. Hu kellu jagħmel il-ħin biex jitlob għax kien ikollu x’jagħmel u jkun maʼ ħafna nies. (Mk. 6:31, 45, 46) Ġieli qam kmieni filgħodu biex jitlob meta jkun fil-kwiet waħdu. U minn tal-inqas darba waħda, qabel ħa deċiżjoni importanti, għamel lejl sħiħ jitlob. (Lq. 6:12, 13) U Ġesù talab ħafna drabi fil-lejl qabel miet, eżatt qabel lesta l-iktar parti diffiċli tal-inkarigu li kellu fuq l-art. (Mt. 26:39, 42, 44) L-eżempju taʼ Ġesù jurina li anki jekk għandna ħafna x’nagħmlu, irridu nagħmlu l-ħin biex nitolbu. Forsi bħal Ġesù jkollna bżonn inqumu iktar kmieni jew norqdu iktar tard. Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nuru lil Ġeħova li aħna napprezzaw dan ir-rigal speċjali. w23.05 3 ¶4-5
Is-Sibt, 27 taʼ Settembru
“Permezz tal-ispirtu qaddis, Alla juri li jħobbna.”—Rum. 5:5.
L-appostlu Pawlu qal li “Alla juri li jħobbna.” Dizzjunarju tal-Bibbja jqabbel l-imħabba t’Alla maʼ “xmara.” Dan l-eżempju juri kemm Ġeħova jħobb lill-midlukin. Huma jafu li Ġeħova jħobbhom. (Ġuda 1) L-appostlu Ġwanni spjega kif iħossuhom meta kiteb: “Ara liema xorta taʼ mħabba tana l-Missier, sabiex nissejħu wlied Alla.” (1 Ġw. 3:1) Imma Ġeħova jħobb lill-midlukin biss? Le, Ġeħova wera li jħobbna kollha. X’juri l-iżjed kemm iħobbok Ġeħova? Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Ħadd qatt ma wera mħabba bħalma wera Ġeħova b’dan is-sagrifiċċju.—Ġw. 3:16; Rum. 5:8. w24.01 28 ¶9-10
Il-Ħadd, 28 taʼ Settembru
“Dakinhar li ngħajjat għall-għajnuna, l-għedewwa tiegħi se jaħarbu. Jien ċert li int fuq in-naħa tiegħi.”—Salm 56:9.
Il-vers t’hawn fuq juri xi ħaġa li għenet lil David meta kien imbeżżaʼ. Avolja kellu ħajtu fil-periklu, hu ħaseb sew dwar dak li Ġeħova kien se jagħmel għalih fil-futur. David kien jaf li Ġeħova kien se jsalvah fil-ħin eżatt. Wara kollox, Ġeħova kien qal li David ħa jkun ir-re wara Sawl. (1 Sam. 16:1, 13) David kien ċert li kulma Ġeħova wiegħed kien se jsir. Ġeħova x’wiegħed li se jagħmel għalik? Aħna ma nistennewx li Ġeħova ħa jipproteġina mill-problemi kollha. Imma ftakar li Ġeħova fid-dinja l-ġdida se jneħħi l-problemi kollha li int għaddej minnhom. (Is. 25:7-9) Ġeħova hu b’saħħtu biżżejjed biex iqajjem lill-mejtin, ifejjaqna minn kull tip taʼ mard u wġigħ, u jneħħi lil dawk kollha taʼ kontrina.—1 Ġw. 4:4. w24.01 6 ¶12-13
It-Tnejn, 29 taʼ Settembru
“Ferħan ikun dak li l-iżball tiegħu ġie maħfur, li d-dnub tiegħu ġie mħassar.”—Salm 32:1.
Aħseb dwar għala ddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova u tgħammidt. Int għamilt hekk għax tixtieq togħġob lil Ġeħova. Ftakar x’għenek issir konvint li sibt il-verità. Sirt taf lil Ġeħova u bdejt tirrispettah u tħobbu bħala Missier. Int saħħaħt il-fidi tiegħek u beda jiddispjaċik għal dak li għamilt. Int ma bqajtx tagħmel affarijiet li jobgħod u bdejt tagħmel affarijiet li jogħġbuh. Issa int ferħan għax taf li Alla ħafirlek. (Salm 32:2) Bdejt tmur il-laqgħat u titkellem m’oħrajn dwar l-affarijiet sbieħ li tgħallimt. Bħala Kristjan mgħammed, int qed timxi fit-triq li twassal għall-ħajja u se tagħmel l-aħjar li tistaʼ biex tibqaʼ fiha. (Mt. 7:13, 14) Jalla tibqaʼ sod u dejjem tħobb lil Ġeħova billi tobdih. w23.07 17 ¶14; 19 ¶19
It-Tlieta, 30 taʼ Settembru
“Alla hu leali. Hu mhux se jħallikom tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma meta tiġu ttantati, Alla se jsibilkom mod kif tissaportu.”—1 Kor. 10:13.
Li taħseb fuq id-dedikazzjoni tiegħek ħa jgħinek tirreżisti kull tentazzjoni li tiġi. Pereżempju, inti ħa tifflertja maʼ xi ħadd tas-sess oppost li hu miżżewweġ? Dażgur li le! Int diġà wegħedt lil Ġeħova li m’intix ħa tagħmel hekk. Jekk ma tħallix ħsibijiet bħal dawn jikbru, iżjed tard mhux ħa jkollok għalfejn tiġġieled biex tneħħihom. Int ‘ħa twarrab mit-triq tal-ħżiena.’ (Prov. 4:14, 15) Li naħsbu fuq l-eżempju taʼ Ġesù jistaʼ jgħinna. Hu kien determinat li jagħmel lil Missieru ferħan. Bħal Ġesù, kun determinat li ma taċċettax affarijiet li jistgħu jweġġgħu lil Alla. (Mt. 4:10; Ġw. 8:29) Dak li tagħmel meta tiġi t-tentazzjoni jew meta tkun għaddej minn problemi ħa juri kemm int determinat li tibqaʼ timxi wara Ġesù. Tistaʼ tkun ċert li Ġeħova ħa jgħinek. w24.03 9-10 ¶8-10