LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • es25 pp. 77-87
  • Awwissu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Awwissu
  • Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2025
  • Sottitli
  • Il-Ġimgħa, 1 t’Awwissu
  • Is-Sibt, 2 t’Awwissu
  • Il-Ħadd, 3 t’Awwissu
  • It-Tnejn, 4 t’Awwissu
  • It-Tlieta, 5 t’Awwissu
  • L-Erbgħa, 6 t’Awwissu
  • Il-Ħamis, 7 t’Awwissu
  • Il-Ġimgħa, 8 t’Awwissu
  • Is-Sibt, 9 t’Awwissu
  • Il-Ħadd, 10 t’Awwissu
  • It-Tnejn, 11 t’Awwissu
  • It-Tlieta, 12 t’Awwissu
  • L-Erbgħa, 13 t’Awwissu
  • Il-Ħamis, 14 t’Awwissu
  • Il-Ġimgħa, 15 t’Awwissu
  • Is-Sibt, 16 t’Awwissu
  • Il-Ħadd, 17 t’Awwissu
  • It-Tnejn, 18 t’Awwissu
  • It-Tlieta, 19 t’Awwissu
  • L-Erbgħa, 20 t’Awwissu
  • Il-Ħamis, 21 t’Awwissu
  • Il-Ġimgħa, 22 t’Awwissu
  • Is-Sibt, 23 t’Awwissu
  • Il-Ħadd, 24 t’Awwissu
  • It-Tnejn, 25 t’Awwissu
  • It-Tlieta, 26 t’Awwissu
  • L-Erbgħa, 27 t’Awwissu
  • Il-Ħamis, 28 t’Awwissu
  • Il-Ġimgħa, 29 t’Awwissu
  • Is-Sibt, 30 t’Awwissu
  • Il-Ħadd, 31 t’Awwissu
Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum—2025
es25 pp. 77-87

Awwissu

Il-Ġimgħa, 1 t’Awwissu

“It-tajjeb ikollu ħafna diffikultajiet, imma Ġeħova jeħilsu minnhom kollha.”—Salm 34:19.

Innota żewġ punti importanti fis-salm t’hawn fuq: (1) Nies tajbin se jkollhom il-problemi. (2) Ġeħova jeħlisna minnhom. Kif? Mod wieħed hu billi jgħinna jkollna ħarsa bilanċjata lejn il-ħajja f’din id-dinja. Ġeħova jgħidilna li meta naqduh se nkunu ferħanin, imma ma jwegħedniex li mhux se jkollna problemi bħalissa. (Is. 66:14) Hu jinkuraġġina biex niffokaw fuq il-futur, meta se nkunu nistgħu ngawdu l-ħajja kif jixtieq hu għal dejjem. (2 Kor. 4:​16-18) Imma sa ma jasal dak iż-żmien, hu jgħinna kuljum biex nibqgħu naqduh. (Lam. 3:​22-24) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempji taʼ qaddejja leali kemm fiż-żminijiet tal-Bibbja kif ukoll illum? Jistgħu jinqalgħulna l-problemi. Imma meta nistrieħu fuq Ġeħova, hu dejjem se jgħinna.—Salm 55:22. w23.04 14-15 ¶3-4

Is-Sibt, 2 t’Awwissu

Obdu lil dawk li qegħdin fl-awtorità.—Rum. 13:1.

Aħna nistgħu nitgħallmu minn Ġużeppi u Marija li kienu lesti li jobdu lill-awtoritajiet superjuri anki meta kien diffiċli għalihom. (Lq. 2:​1-6) Meta Marija kellha kważi disaʼ xhur tqala, il-gvern qalilhom biex jagħmlu xi ħaġa diffiċli ħafna. L-Imperatur Awgustu għamel liġi biex dawk li kienu qed jgħixu fl-Imperu Ruman imorru fejn twieldu ħalli jiġu reġistrati. Ġużeppi u Marija kellhom imorru Betlem, vjaġġ taʼ madwar 150 kilometru, b’ħafna tlajjaʼ u nżul. Dan il-vjaġġ ma kienx faċli, speċjalment għal Marija. Wisq probabbli, huma kienu inkwetati minħabba s-saħħa taʼ Marija u tat-tarbija li kienet se titwieled. X’kien se jiġri kieku kellha twelled waqt li jkunu qed jivvjaġġaw? La din it-tarbija kienet se tkun il-Messija mwiegħed minn Ġeħova, setgħu ma jobdux il-liġi tal-gvern? Għalkemm Ġużeppi u Marija kellhom għal xiex ikunu inkwetati, huma xorta obdew il-liġi. Ġeħova ħa pjaċir li huma obdew, u ħa ħsiebhom. Marija waslet Betlem qawwija u sħiħa, welldet tarbija b’saħħitha, u kellha parti f’li titwettaq profezija tal-Bibbja!—Mik. 5:2. w23.10 8 ¶9; 9 ¶11-12

Il-Ħadd, 3 t’Awwissu

Inkuraġġixxu lil xulxin.—Ebr. 10:25.

X’tistaʼ tagħmel jekk tibżaʼ biex tikkummenta? Tistaʼ ssib t’għajnuna li tipprepara sew. (Prov. 21:5) Iktar ma tkun taf il-materjal sew, iktar se tħossok komdu biex tikkummenta. Barra minn hekk, agħmel kummenti qosra. (Prov. 15:23; 17:27) X’aktarx se tibżaʼ inqas meta tipprepara kumment qasir. Meta tagħmel kumment qasir u fi kliemek, se turi li ppreparajt sew u li fhimt il-punt. Xi ngħidu jekk diġà pprovajt xi ftit minn dawn il-pariri imma xorta għadek tibżaʼ tikkummenta iktar minn darba? Kun ċert li Ġeħova japprezza l-isforz tiegħek biex tagħmel dak li tistaʼ. (Lq. 21:​1-4) Ġeħova ma jitlobniex nagħmlu iktar milli nistgħu. (Flp. 4:5) Aħseb x’tistaʼ tagħmel, agħmel mira, u itlob biex tibqaʼ kalm. Pereżempju għall-ewwel, tistaʼ tagħmel mira biex tagħmel kumment qasir. w23.04 21 ¶6-8

It-Tnejn, 4 t’Awwissu

Ilbsu l-kurazza u l-elmu.—1 Tess. 5:8.

L-appostlu Pawlu jqabbilna ma’ suldati attenti u preparati għall-gwerra. In-nies jistennew li meta jkun hemm gwerra, suldat dejjem ikun lest biex imur jiġġieled. B’mod simili, aħna nibqgħu lesti għall-jum taʼ Ġeħova billi nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u l-elmu tat-tama. Il-kurazza kienet tipproteġi qalb is-suldat. Il-fidi u l-imħabba jipproteġu l-qalb spiritwali tagħna. Dawn jgħinuna biex nibqgħu naqdu lil Alla u nobdu lil Ġesù. Il-fidi tgħinna nkunu ċerti li jekk infittxu lil Ġeħova b’qalbna kollha hu se jippremjana. (Ebr. 11:6) Se tgħinna wkoll biex nibqgħu leali lejn il-Mexxej tagħna, Ġesù, anki meta nkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Aħna nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna billi nitgħallmu mill-eżempji t’aħwa fi żmienna li baqgħu leali minkejja l-persekuzzjoni jew problemi taʼ flus. U nistgħu nevitaw il-periklu li nħobbu l-flus u l-affarijiet materjali billi nimitaw lill-aħwa li qed jgħixu ħajja sempliċi biex ipoġġu s-Saltna l-ewwel. w23.06 10 ¶8-9

It-Tlieta, 5 t’Awwissu

“Min joqgħod għassa tar-riħ ma jiżrax u min joqgħod iħares lejn is-sħab ma jaħsadx.”—Ekk. 11:4.

Għandna bżonn nikkontrollaw lilna nfusna biex nilħqu xi mira, speċjalment meta dik il-mira tkun diffiċli jew aħna ma jkollniex aptit. Ftakar li r-rażan hu parti mill-frott tal-ispirtu. Mela itlob għall-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova biex jgħinek ħalli jkollok din il-kwalità importanti. (Lq. 11:13; Gal. 5:​22, 23) Tistenniex sakemm ikollok ċirkustanzi perfetti. F’din id-dinja x’aktarx li qatt mhu se jkollna ċirkustanzi perfetti. Jekk noqogħdu nistennew, jistaʼ jkun li qatt ma nilħqu l-miri tagħna. Forsi naqtgħu qalbna għax il-mira tagħna tkun tidher diffiċli biex nilħquha. Jekk inhu hekk fil-każ tiegħek, agħmel mira iżgħar. Jekk il-mira tiegħek hi li taħdem fuq kwalità Kristjana, għax ma tipprovax turiha b’modi żgħar? Jekk il-mira tiegħek hi li taqra l-Bibbja kollha, għax ma tipprovax tibda taqra għal ftit ħin? w23.05 29 ¶11-13

L-Erbgħa, 6 t’Awwissu

“It-triq tal-ġusti hi bħad-dawl qawwi taʼ filgħodu li jkompli jiżdied sa ma toħroġ ix-xemx sew.”—Prov. 4:18.

Matul l-aħħar jiem, Ġeħova uża l-organizzazzjoni tiegħu biex itina l-ikel spiritwali u jgħinna nibqgħu mexjin fit-“Triq tal-Qdusija.” (Is. 35:8; 48:17; 60:17) Nistgħu ngħidu li meta xi ħadd jaċċetta studju tal-Bibbja jkollu l-opportunità li jibda jimxi fit-“Triq tal-Qdusija.” Xi nies jibdew jimxu fiha u mbagħad jitilqu minnha. Oħrajn huma determinati li jibqgħu jimxu fiha sakemm jaslu fil-post li jixtiequ. Fejn jixtiequ jaslu? Dawk li għandhom it-tama għas-sema, “it-Triq tal-Qdusija” tiħodhom “fil-ġenna t’Alla” fis-sema. (Riv. 2:7) Dawk li għandhom it-tama għall-art, it-triq tiħodhom għal ħajja perfetta fl-aħħar tal-1,000 sena. Jekk int miexi f’din it-triq taħsibx dwar l-affarijiet li ħallejt warajk u titlaqhiex sakemm tasal fid-dinja l-ġdida. w23.05 17 ¶15; 19 ¶16-18

Il-Ħamis, 7 t’Awwissu

“Ngħidu għalina, aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.”—1 Ġw. 4:19.

Meta taħseb dwar l-affarijiet kollha li Ġeħova għamel għalik se tapprezza u tkun trid tiddedika ħajtek lilu. (Salm 116:​12-14) Il-Bibbja tgħid li Ġeħova jtina “kull għotja tajba u kull rigal perfett.” (Ġak. 1:17) L-ikbar rigal li tana kien is-sagrifiċċju t’Ibnu Ġesù. Dan is-sagrifiċċju għamilha possibbli biex issir ħabib taʼ Ġeħova. Hu tak iċ-ċans li tgħix għal dejjem. (1 Ġw. 4:​9, 10) Id-dedikazzjoni hi waħda mill-aħjar modi kif turi li tapprezza l-imħabba li wera Ġeħova miegħek u l-barkiet l-oħra li tak.—Dt. 16:17; 2 Kor. 5:15. w24.03 5 ¶8

Il-Ġimgħa, 8 t’Awwissu

“Min jimxi b’mod rett jibżaʼ minn Ġeħova.”—Prov. 14:2.

Meta naraw il-ħażen li qed jagħmlu n-nies, inħossuna bħalma ħassu Lot. Hu kien jaf li Missieru tas-sema jobgħod il-ħażen, allura “kien imnikket ferm bil-kondotta laxka u bla rażan taʼ nies li kienu jisfidaw il-liġi.” (2 Pt. 2:​7, 8) Peress li Lot kien jirrispetta u jħobb ħafna lil Alla, hu kien jobgħod l-affarijiet immorali li kienu jagħmlu n-nies taʼ madwaru. Aħna wkoll imdawrin b’nies li ma jimpurtahomx mil-livelli taʼ Ġeħova. Minkejja dan, aħna xorta nistgħu nibqgħu nodfa moralment jekk nibqgħu nħobbu lil Alla u nitgħallmu nirrispettawh ħafna. Ġeħova jgħinna nagħmlu dan permezz tal-inkuraġġiment li nsibu fil-ktieb taʼ Proverbji. Il-Kristjani kollha, irġiel u nisa, kbar u żgħar jistgħu jibbenefikaw ħafna jekk jikkunsidraw il-pariri tajbin li fih. Meta aħna nirrispettaw ħafna lil Ġeħova, mhux se nagħmluha maʼ nies li jagħmlu affarijiet ħżiena. w23.06 20 ¶1-2; 21 ¶5

Is-Sibt, 9 t’Awwissu

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ma jridx jgħix iktar għalih innifsu, imma jrid jissaporti l-persekuzzjoni ġurnata wara oħra u jibqaʼ miexi warajja.”—Lq. 9:23.

Jistaʼ jkun li biex tpoġġi l-ewwel lil Ġeħova, kellek xi persekuzzjoni minn tal-familja jew m’aċċettajtx xi xogħol li tistaʼ taqlaʼ ħafna flus minnu. (Mt. 6:33) Kun ċert li Ġeħova ra x’għamilt għalih. (Ebr. 6:10) Wisq probabbli, int esperjenzajt il-kliem taʼ Ġesù meta qal: “Kull min telaq id-dar tiegħu, lil ħutu subien jew bniet, lil ommu, lil missieru, lit-tfal, jew l-għelieqi biex ikun dixxiplu tiegħi jew għall-aħbar tajba se jirċievi 100 darba iktar issa—djar, aħwa, ġenituri, għelieqi, flimkien mal-persekuzzjonijiet—u ħajja taʼ dejjem fil-futur.” (Mk. 10:​29, 30) Il-barkiet li rċivejt huma ikbar mis-sagrifiċċji li għamilt.—Salm 37:4. w24.03 9 ¶5

Il-Ħadd, 10 t’Awwissu

“Ħabib veru juri mħabba l-ħin kollu. Hu bħal ħu li tistaʼ tistrieħ fuqu meta tħossok imdejjaq.”—Prov. 17:17.

Meta l-aħwa fil-kongregazzjoni f’Antjokja semgħu bil-ġuħ, huma “ddeċidew li jibagħtu l-għajnuna, kull wieħed skond ma kien jistaʼ, lill-aħwa li kienu joqogħdu l-Lhudija.” (Atti 11:​27-30) Għalkemm l-aħwa li ġew affettwati mill-ġuħ kienu joqogħdu ’l bogħod, l-aħwa f’Antjokja kienu determinati li jgħinuhom. (1 Ġw. 3:​17, 18) Aħna wkoll nistgħu nuru li nħossu għal ħutna meta nsiru nafu li huma qed ibatu minħabba xi diżastru. Forsi nistaqsu lill-anzjani biex naħdmu fuq xi proġett, nagħtu donazzjonijiet għax-xogħol taʼ madwar id-dinja, jew nitolbu għal dawk li ġew affettwati mid-diżastru. L-aħwa jaf ikollhom bżonn l-għajnuna biex jirċievu l-affarijiet li jkollhom bżonn biex jgħixu. Meta r-Re Kristu Ġesù jiġi biex jiġġudika lin-nies, aħna rriduh jara li qed inħossu għal oħrajn u jistidinna biex ‘nirtu s-Saltna.’—Mt. 25:​34-40. w23.07 4 ¶9-10; 6 ¶12

It-Tnejn, 11 t’Awwissu

“Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.”—Flp. 4:5.

Ġesù kien raġonevoli bħal Ġeħova. Hu ntbagħat fuq l-art biex jipprietka ‘lin-nies t’Iżrael, li kienu bħal nagħaġ mitlufin.’ Imma hu wera li kien raġonevoli meta pprietka lil nies oħrajn. Pereżempju, darba waħda mara li ma kinitx Iżraelija talbitu biex ifejjaq it-tifla tagħha li kellha “demonju fiha.” B’qalb tajba, Ġesù għamel dak li talbitu l-mara, u fejjaq lit-tifla tagħha. (Mt. 15:​21-28) Aħseb dwar eżempju ieħor. Darba waħda, meta Ġesù kien qed jipprietka qal: “Min jgħid li ma jafnix, jien ngħid . . . li ma nafux.” (Mt. 10:33) Imma hu ma qalx li ma jafx lil Pietru, avolja Pietru kien qal li ma jafux tliet darbiet. Ġesù kien jaf li Pietru ddispjaċieh ħafna għal dak li kien għamel u li kien raġel leali. U wara li Ġesù ġie rxoxtat, deher lil Pietru u x’aktarx qallu li kien ħafirlu u li jħobbu. (Lq. 24:​33, 34) Kemm Ġeħova kif ukoll Ġesù Kristu huma raġonevoli. Xi ngħidu għalina? Ġeħova jistenna li nkunu raġonevoli. w23.07 21 ¶6-7

It-Tlieta, 12 t’Awwissu

“Ma jkunx hemm iżjed mewt.”—Riv. 21:4.

X’nistgħu ngħidu lil oħrajn biex ngħinuhom ikunu ċerti li dan se jiġri? L-ewwel, Ġeħova nnifsu għamel din il-wegħda. Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni jgħid: “Dak li kien bil-qiegħda fuq it-tron qal: ‘Ara! Qed nagħmel kollox ġdid.’” Hu għandu l-għerf, il-qawwa, u x-xewqa biex iwettaq il-wegħda tiegħu. It-tieni, Ġeħova jaf li dak li qal ħa jsir żgur. U għalhekk qal: “Dan il-kliem hu żgur u veru. . . . Dan seħħ!” It-tielet, xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova milli jlesti xi ħaġa li beda. U għalhekk qal: “Jien l-Alfa u l-Omega.” (Riv. 21:6) Ġeħova se juri li Satana falla u hu giddieb. Għalhekk, meta xi ħadd jgħidlek, “Kieku sew! Imma diffiċli biex jiġru vera,” int tistaʼ taqra u tispjega Rivelazzjoni 21:​5, 6. Uri kif Ġeħova bħallikieku ffirma l-garanzija li tana li hu se jwettaq din il-wegħda.—Is. 65:16. w23.11 7 ¶18-19

L-Erbgħa, 13 t’Awwissu

“Jien nagħmlek poplu kbir.”—Ġen. 12:2.

Ġeħova għamel din il-wegħda lil Abraham meta dan kellu 75 sena u kien għad ma kellux tfal. Abraham ra din il-wegħda titwettaq? Mhux kollha. Wara 25 sena li qasam ix-Xmara Ewfrat, Abraham ra lil ibnu Iżakk jitwieled. U wara li għaddew 60 sena oħra, ra lin-neputijiet tiegħu Għesaw u Ġakobb jitwieldu. (Ebr. 6:15) Avolja Abraham qatt ma ra lid-dixxendenti tiegħu jsiru nazzjon kbir u jidħlu fl-Art Imwiegħda, hu kellu ħbiberija tajba mal-Ħallieq. (Ġak. 2:23) U meta Abraham jiġi rxoxtat, se jkun ferħan ħafna meta jsir jaf li minħabba l-fidi u l-paċenzja tiegħu bbenefikaw nies minn mad-dinja kollha. (Ġen. 22:18) X’nitgħallmu? Aħna wkoll forsi ma nilħqux naraw il-wegħdi kollha li wegħedna Ġeħova jitwettqu. Imma jekk inkunu paċenzjużi bħal Abraham, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jippremjana issa u ħafna iżjed fid-dinja l-ġdida.—Mk. 10:​29, 30. w23.08 24 ¶14

Il-Ħamis, 14 t’Awwissu

“Fiż-żmien li kien ifittex lil Ġeħova, l-Alla l-veru tah ħafna ġid.”—2 Kron. 26:5.

Meta kien żgħir, ir-Re Użżija kien umli. Hu tgħallem “jirrispetta ħafna lill-Alla l-veru.” Hu miet meta kellu 68 sena, u Ġeħova bierku kważi għal ħajtu kollha. (2 Kron. 26:​1-4) Hu rebaħ lil ħafna mill-għedewwa, u għamel ċert li Ġerusalemm tkun protetta sew. (2 Kron. 26:​6-15) Użżija żgur li kien ferħan b’dak kollu li Alla għenu jagħmel. (Ekk. 3:​12, 13) Ir-Re Użżija kien imdorri jgħid lil oħrajn x’għandhom jagħmlu. Forsi dan ġiegħlu jħossu li m’għandux għalfejn jobdi l-liġijiet taʼ Ġeħova. Darba, Użżija daħal fit-tempju taʼ Ġeħova u pprova jaħraq l-inċens fuq l-artal, xi ħaġa li r-rejiet ma setgħux jagħmluha. (2 Kron. 26:​16-18) Il-Qassis il-Kbir Għażarija pprova jikkoreġih, imma Użżija rrabja ħafna. Użżija ma baqax leali, u għalhekk Ġeħova kkastigah bil-ġdiem. (2 Kron. 26:​19-21) Kemm kienet tkun aħjar ħajtu kieku baqaʼ umli! w23.09 10 ¶9-10

Il-Ġimgħa, 15 t’Awwissu

Hu nfired minn magħhom, għax beżaʼ minn dawk taċ-ċirkonċiżjoni.—Gal. 2:12.

Anki wara li l-appostlu Pietru ġie midluk bl-ispirtu qaddis kellu jiġġieled kontra d-dgħufijiet tiegħu. Fis-sena 36 WK, Alla bagħat lil Pietru għand Kornelju, li ma kienx Lhudi. Hemmhekk Alla dilek lil Kornelju bl-ispirtu qaddis. Dan wera li “Alla mhux parzjali” u li l-Ġentili, jiġifieri nies mhux Lhud, setgħu jkunu parti mill-kongregazzjoni Kristjana. (Atti 10:​34, 44, 45) Wara dan, Pietru beda jiekol mal-Ġentili, xi ħaġa li qatt ma kien għamel qabel. Imma xi Kristjani Lhud ħassew li l-Lhud u l-Ġentili m’għandhomx jieklu flimkien. Meta xi wħud minn dawn il-Kristjani marru Antjokja, Pietru ma baqax jiekol ma’ ħutu l-Ġentili, x’aktarx biex ma jweġġax lil Kristjani Lhud. L-appostlu Pawlu ra x’għamel Pietru, u kkoreġieh quddiem aħwa oħrajn. (Gal. 2:​13, 14) Minkejja li Pietru nduna li żbalja, hu ma qatax qalbu. w23.09 22 ¶8

Is-Sibt, 16 t’Awwissu

Hu se jissodakom.—1 Pt. 5:10.

Kun onest miegħek innifsek u ara fejn tistaʼ tirranġa, imma tħossokx skuraġġit. Il-Mulej Ġesù “qalbu tajba” u se jgħinek. (1 Pt. 2:3) L-appostlu Pietru jgħidilna: “Alla . . . itemm hu stess it-taħriġ tagħkom, jissodakom.” Għall-ewwel Pietru ħass li ma jixraqlux ikun maʼ Ġesù. (Lq. 5:8) Imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova u Ġesù, Pietru ħadem iebes biex jibqaʼ leali lejn Ġesù. Minħabba f’hekk, Ġeħova ħalla lil Pietru jidħol “fis-saltna taʼ dejjem tal-Mulej u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.” (2 Pt. 1:11) Kemm hu rigal sabiħ! Jekk bħal Pietru ma taqtax qalbek u tħalli lil Ġeħova jittrennjak, int ukoll se tirċievi l-ħajja taʼ dejjem. Int se ‘tirċievi r-riżultat tal-fidi tiegħek, is-salvazzjoni.’—1 Pt. 1:9. w23.09 31 ¶16-17

Il-Ħadd, 17 t’Awwissu

“Qimu lil Dak li għamel is-sema u l-art.”—Riv. 14:7.

It-tabernaklu kellu bitħa kbira, fejn il-qassisin kienu jagħmlu x-xogħol tagħhom. Kien hemm ukoll l-altar tar-ram, li fuqu kienu joffru s-sagrifiċċji, u l-vaska tal-ilma, li fiha l-qassisin kien jaħslu jdejhom u saqajhom qabel jaqdu fit-tempju. (Eżo. 30:​17-20; 40:​6-8) Illum, il-midlukin fuq l-art, parti minn ħut Kristu, jaqdu lealment fil-bitħa taʼ ġewwa tat-tempju spiritwali. Il-vaska kbira tal-ilma li kien hemm fit-tabernaklu u fit-tempji hija tfakkira importanti għalihom u għall-Kristjani kollha biex jibqgħu nodfa moralment u spiritwalment. Allura, il-“folla kbira” fejn jaqdu lil Ġeħova? L-appostlu Ġwanni rahom “weqfin quddiem it-tron,” bħallikieku qegħdin fil-bitħa taʼ barra fuq l-art ‘jagħtu lil Alla servizz sagru lejl u nhar fit-tempju tiegħu.’ (Riv. 7:​9, 13-15) Xi privileġġ għandna li Ġeħova tana l-opportunità prezzjuża li nistgħu nqimuh fit-tempju spiritwali tiegħu! w23.10 28-29 ¶15-16

It-Tnejn, 18 t’Awwissu

Minħabba l-wegħda t’Alla, il-fidi tiegħu saħħitu.—Rum. 4:20.

Mod kif Ġeħova jtina s-saħħa hu permezz tal-anzjani. (Is. 32:​1, 2) Għalhekk, meta tħossok anzjuż tkellem mal-anzjani. Toqgħodx tiddejjaq taċċetta l-għajnuna mingħand l-anzjani. Ġeħova jistaʼ jinkuraġġik billi juża lilhom. Il-Bibbja tagħtina t-tama li ngħixu għal dejjem, jew fis-sema jew f’Ġenna tal-art. (Rum. 4:​3, 18-20) Minħabba li għandna din it-tama, aħna għandna s-saħħa biex nissaportu l-problemi, nippritkaw l-aħbar tajba u ngħinu lill-aħwa fil-kongregazzjoni. (1 Tess. 1:3) Din it-tama saħħet ukoll lill-appostlu Pawlu. Hu kien ‘magħfus,’ ‘mifxul,’ ‘ippersegwitat,’ u ‘mitfugħ maʼ l-art.’ Kultant anke kien fil-periklu tal-mewt. (2 Kor. 4:​8-10) Pawlu ffoka fuq it-tama tiegħu u dan għenu biex jibqaʼ jissaporti. (2 Kor. 4:​16-18) Pawlu mmedita fuq dik it-tama u b’hekk ħassu “jiġġedded minn jum għall-ieħor.” w23.10 15-16 ¶14-17

It-Tlieta, 19 t’Awwissu

“Ġeħova se jsaħħaħ lill-poplu tiegħu. Ġeħova se jbierek lill-poplu tiegħu billi jagħtihom il-paċi.”—Salm 29:11.

Meta titlob, ikkunsidra jekk hux iż-żmien għal Ġeħova biex iwieġeb it-talba tiegħek. Forsi nkunu nixtiequ li Ġeħova jwiġibna mill-ewwel. Imma Ġeħova jaf meta hu l-aħjar ħin biex jgħinna. (Ebr. 4:16) Meta Ġeħova ma jwiġibniex mill-ewwel, forsi naħsbu li qed jgħidilna ‘Le.’ Imma fil-verità, jistaʼ jkun qed jgħidilna ‘Mhux għalissa.’ Pereżempju, ħu żagħżugħ talab biex ifiq mill-marda li kellu. Imma s-saħħa tiegħu ma tjibitx. Kieku Ġeħova fejqu b’xi miraklu, Satana setaʼ jgħid li l-ħu baqaʼ jaqdi lil Ġeħova għax fejqu biss. (Ġob 1:​9-11; 2:4) Ġeħova diġà għażel meta se jneħħi l-mard kollu. (Is. 33:24; Riv. 21:​3, 4) Allura sa dak iż-żmien, ma nistennewx li Ġeħova b’miraklu jfejjaq il-mard li jkollna. Għalhekk, il-ħu jistaʼ jitlob lil Ġeħova biex itih is-saħħa u l-paċi ħalli jissaporti u jibqaʼ leali lejh. w23.11 24 ¶13

L-Erbgħa, 20 t’Awwissu

“Ma kkastiganiex kif jistħoqqilna għad-dnubiet tagħna, u lanqas tana dak li ħaqqna għall-iżbalji tagħna.”—Salm 103:10.

Minkejja li Sansun għamel żball serju, hu xorta baqaʼ jaqdi lil Ġeħova. Hu fittex opportunità biex jiġġieled kontra l-Filistin għax kien jaf li hekk xtaqu jagħmel Ġeħova. (Mħ. 16:​28-30) Sansun talab mill-qalb lil Ġeħova: “Ħallini nivvendika ruħi mill-Filistin.” L-Alla l-veru wieġeb it-talb taʼ Sansun u reġaʼ tah saħħa kbira. Għalhekk, Sansun dakinhar qatel iktar Filistin milli qatt kien qatel qabel. Għalkemm Sansun bata l-konsegwenzi koroh tal-iżball tiegħu, hu baqaʼ jipprova jagħmel dak li ried Ġeħova. Mela anki jekk niżbaljaw u ningħataw id-dixxiplina jew nitilfu xi privileġġ, m’għandniex naqtgħu qalbna. Ftakar li Ġeħova dejjem lest li jaħfrilna. (Salm 103:​8, 9) Avolja nkunu żbaljajna, Ġeħova jistaʼ jagħtina s-saħħa biex nagħmlu r-rieda tiegħu, eżatt bħalma għamel maʼ Sansun. w23.09 6 ¶15-16

Il-Ħamis, 21 t’Awwissu

“Meta nissaportu, Alla jkun ferħan bina, u dan jagħtina tama.”—Rum. 5:4.

Meta tissaporti, Ġeħova jkun ferħan bik. Dan ma jfissirx li hu jieħu pjaċir li jkollok il-problemi. Hu jkun ferħan għax int tkun qed tissaporti u tibqaʼ leali. Kemm hi ħaġa sabiħa li nafu li meta nissaportu, Ġeħova ħa jkun ferħan! (Salm 5:12) Ftakar li meta Abraham issaporta l-problemi u baqaʼ leali, Ġeħova kien ferħan bih. Ġeħova rah bħala persuna ġusta u qiesu bħala l-ħabib tiegħu. (Ġen. 15:6; Rum. 4:​13, 22) Hu jistaʼ jagħmel l-istess magħna wkoll. Ġeħova jkun ferħan bina mhux għax-xogħol li nagħmlu għalih jew għall-privileġġi li għandna. Hu jkun ferħan bina meta nibqgħu leali minkejja l-provi. Kollha kemm aħna nistgħu nissaportu l-problemi u ma tagħmilx differenza l-età, iċ-ċirkustanzi, jew l-abbiltajiet li għandna. Bħalissa int qiegħed tissaporti xi problema u tibqaʼ leali lejn Ġeħova? Żomm f’moħħok li Ġeħova hu ferħan bik. Meta nirrealizzaw li Ġeħova hu ferħan bina, it-tama tagħna fil-wegħdi għall-futur se ssir iktar b’saħħitha. w23.12 11 ¶13-14

Il-Ġimgħa, 22 t’Awwissu

“Uri li int raġel.”—1 Slat. 2:2.

Kristjan għandu jitgħallem jitkellem m’oħrajn b’mod tajjeb. Dan ifisser li hu għandu jitgħallem jismaʼ lil oħrajn u jifhem x’inhuma jaħsbu u kif iħossuhom. (Prov. 20:5) Dan jistaʼ jagħmlu billi jinnota t-ton tal-vuċi tagħhom, l-espressjonijiet taʼ wiċċhom, u l-mod kif qed jaġixxu. Trid tkun man-nies biex tinnotahom dawn l-affarijiet. Jekk il-ħin kollu tuża l-emails u l-messaġġi biex tikkomunika man-nies ħa jkun diffiċli meta tiġi biex titkellem magħhom fil-ħajja taʼ kuljum. Mela pprova sib modi li tistaʼ titkellem man-nies wiċċ imb wiċċ. (2 Ġw. 12) Kristjan matur irid ukoll ikun kapaċi jipprovdi għalih innifsu u għall-familja tiegħu. (1 Tim. 5:8) Ikun tajjeb li titgħallem tagħmel xi ħaġa biex issib xogħol. (Atti 18:​2, 3; 20:34; Efes. 4:28) Aħdem iebes u agħmel ċert li tlesti kull biċċa xogħol li jistaʼ jkollok. B’hekk, in-nies żgur ħa jaraw kemm taħdem sew, u hemm iżjed ċans li ssib xogħol u żżommu. w23.12 27 ¶12-13

Is-Sibt, 23 t’Awwissu

“Jum Ġeħova ġej eżattament bħal ħalliel bil-lejl.”—1 Tess. 5:2.

Meta l-Bibbja titkellem dwar “jum Ġeħova,” tirreferi għal meta Ġeħova se jeqred l-għedewwa tiegħu u jsalva lin-nies tiegħu. Fil-passat, Ġeħova kkastiga lil xi nazzjonijiet. (Is. 13:​1, 6; Eżek. 13:5; Sof. 1:8) Fi żmienna, “jum Ġeħova” se jibda meta l-gvernijiet jeqirdu lil Babilonja l-Kbira, u jispiċċa bil-gwerra t’Armageddon. Biex insalvaw irridu nippreparaw minn issa. Ġesù għallimna li mhux biss għandna nippreparaw għaż-“żmien taʼ tbatija kbira,” jiġifieri t-tribulazzjoni l-kbira, imma għandna dejjem inkunu lesti għalih. (Mt. 24:21; Lq. 12:40) Fl-ewwel ittra li l-appostlu Pawlu kiteb lit-Tessalonikin, hu uża xi eżempji biex jgħin lill-Kristjani jibqgħu lesti għall-jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova. Pawlu kien jaf li l-jum taʼ Ġeħova ma kienx se jasal f’dak iż-żmien. (2 Tess. 2:​1-3) Imma hu inkuraġġixxa lill-aħwa biex ikunu lesti għalih qisu ġej l-għada. Il-parir tiegħu jgħodd għalina wkoll. w23.06 8 ¶1-2

Il-Ħadd, 24 t’Awwissu

“Maħbubin ħuti, ibqgħu sodi, titħarrkux.”—1 Kor. 15:58.

Fl-1978 inbniet blokka bini għolja ħafna f’Tokjo, il-Ġappun. Minħabba li f’din il-belt kienu jagħmlu ħafna terremoti, in-nies bdew jaħsbu li malajr se taqaʼ. Id-disinjaturi x’għamlu biex meta jkun hemm terremot din il-blokka bini ma taqax? L-inġiniera bnew din il-blokka bini b’tali mod li waqt terremot tkun tistaʼ tiċċaqlaq naqra mingħajr ma taqaʼ. Il-Kristjani huma bħal din il-blokka bini. B’liema mod? Kristjan għandu jżomm il-bilanċ f’li jkun sod u raġunevoli. Hu għandu jkun sod u determinat biex dejjem jobdi l-liġijiet u l-livelli taʼ Ġeħova. Għandu jkun “lest li jobdi” u ma jċedix. Mill-banda l-oħra, meta jkun possibbli jew ikun hemm bżonn, hu għandu jkun “raġunevoli.” (Ġak. 3:17) Meta jagħmel hekk, mhux se jkun strett iżżejjed jew iħalli kollox għaddej. w23.07 14 ¶1-2

It-Tnejn, 25 t’Awwissu

“Għalkemm qatt ma rajtuh, tħobbuh.”—1 Pt. 1:8.

Ġesù kellu joqgħod attent biex ma jċedix għat-tentazzjonijiet taʼ Satana biex jidneb u ma jibqax jaqdi lil Alla. (Mt. 4:​1-11) Satana kien determinat li jġiegħel lil Ġesù jidneb ħalli ma jkunx jistaʼ jħallas il-fidwa. Meta kien fuq l-art, Ġesù kellu iktar sfidi. L-għedewwa tiegħu ppersegwitawh u pprovaw joqtluh. (Lq. 4:​28, 29; 13:31) Hu kellu jissaporti l-iżbalji tad-dixxipli tiegħu. (Mk. 9:​33, 34) Meta kien għaddej ġuri, in-nies ittorturawh u waqqgħuh għaċ-ċajt. Imbagħad qatluh b’mewta taʼ ħafna wġigħ u qisuh bħala kriminal. (Ebr. 12:​1-3) Meta kien fuq iz-zokk tat-tortura, hu kien waħdu u ma kellux il-protezzjoni taʼ Ġeħova. (Mt. 27:46) Ġesù bata ħafna biex imut għalina. Meta naħsbu dwar is-sagrifiċċji kollha li Ġesù kien lest li jagħmel għalina, aħna se nħobbuh ħafna. w24.01 10-11 ¶7-9

It-Tlieta, 26 t’Awwissu

“Kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-bżonn.”—Prov. 21:5.

Biex ikollna ħbiberija tajba m’oħrajn irridu nkunu paċenzjużi. Dan jgħinna biex noqogħdu attenti meta oħrajn ikunu qed jitkellmu. (Ġak. 1:19) Il-paċenzja tgħinna wkoll biex inżommu l-paċi. Il-paċenzja tgħinna biex meta nkunu stressjati ma ngħidux xi ħaġa li biha nweġġgħu lil oħrajn. U meta nkunu paċenzjużi mhux se nirrabjaw mill-ewwel meta xi ħadd iweġġagħna. Minflok, aħna se ‘nkomplu nissaportu lil xulxin u naħfru lil xulxin mill-qalb.’ (Kol. 3:​12, 13) Il-paċenzja tistaʼ tgħinna wkoll biex nieħdu deċiżjonijiet aħjar. Minflok ma ngħaġġlu, aħna nieħdu l-ħin biex naraw sew x’għażliet għandna u nagħżlu l-aħjar waħda. Pereżempju, jekk inkunu qed infittxu xogħol, forsi nkunu nixtiequ naċċettaw l-ewwel wieħed li nsibu. Imma jekk inkunu paċenzjużi, aħna se naħsbu kif dan se jaffettwa l-familja tagħna u l-ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova. Meta nkunu paċenzjużi se jkollna iktar ċans li nieħdu deċiżjonijiet tajbin. w23.08 22 ¶8-9

L-Erbgħa, 27 t’Awwissu

“Fija nara liġi oħra tiġġieled kontra l-liġi t’Alla li qiegħda f’moħħi. Din il-liġi hi d-dnub li għandi fija u li tikkontrollani.”—Rum. 7:23.

Jaf tħossok skuraġġit li trid tiġġieled kontra x-xewqat ħżiena. Li taħseb fil-wegħda li għamilt lil Ġeħova meta ddedikajt lilek innifsek lilu ħa jgħinek biex tkun determinat li ma ċċedix għat-tentazzjoni. Kif? Meta tiddedika ħajtek lil Ġeħova, int mhux ħa tgħix iktar għalik innifsek. Dan ifisser li ngħidu le għax-xewqat tagħna u għal affarijiet li jistgħu jbegħduna minn Ġeħova. (Mt. 16:24) Allura meta tiġi ttantat jew tkun għaddej minn sitwazzjoni diffiċli, int tkun taf minn qabel x’għandek tagħmel. Int tkun diġà ddeċidejt li ħa tibqaʼ leali lejn Ġeħova u li se togħġbu. Int ħa tkun bħal Ġob li avolja kellu problemi kbar ħafna qal: “Jien se nibqaʼ leali lejn Alla.”—Ġob 27:5. w24.03 9 ¶6-7

Il-Ħamis, 28 t’Awwissu

“Ġeħova hu qrib dawk kollha li jgħajtulu għall-għajnuna, dawk kollha li jgħajtulu b’mod sinċier.”—Salm 145:18.

Ġeħova, “l-Alla taʼ l-imħabba,” hu magħna! (2 Kor. 13:11) Hu interessat f’kull wieħed u waħda minna. Aħna ċerti li ‘protetti bl-imħabba u l-lealtà tiegħu.’ (Salm 32:10) Iktar ma naħsbu dwar kif uriena li jħobbna, iktar se nersqu qrib tiegħu. Aħna m’għandniex niddejqu nitolbuh u ngħidulu kemm għandna bżonn l-imħabba tiegħu. Aħna nistgħu ngħidulu kull ħaġa li tinkwetana għax ċerti li hu jifhimna u jixtieq jgħinna. (Salm 145:19) Bħalma n-nar isaħħanna fix-xitwa, l-imħabba li Ġeħova jurina tistaʼ tgħinna meta jkollna l-problemi. Mela kun ferħan, għax Ġeħova jħobbok. Imbagħad urih kif tħossok billi tgħid: “Jien inħobbu lil Ġeħova”!—Salm 116:1. w24.01 31 ¶19-20

Il-Ġimgħa, 29 t’Awwissu

“Jien għallimthom dwar ismek.”—Ġw. 17:26.

Ġesù għamel iktar milli sempliċement qal lin-nies li l-isem t’Alla hu Ġeħova. Il-Lhud fi żmien Ġesù diġà kienu jafu x’kien l-isem t’Alla, imma Ġesù kien minn taʼ quddiem f’li ‘jispjega min hu.’ (Ġw. 1:​17, 18) Pereżempju, l-Iskrittura Ebrajka tgħid li Ġeħova hu Alla ħanin u qalbu tajba. (Eżo. 34:​5-7) Ġesù għamel din il-verità iżjed ċara meta ġab l-eżempju tal-iben il-ħali u missieru. Dan l-eżempju jurina li meta l-missier ra lil ibnu ġej lura ddispjaċut, “waqt li kien għadu ’l bogħod,” hu telaq jiġri lejh, għannqu, u biesu b’tenerezza u ħafirlu mill-qalb. (Lq. 15:​11-32) B’dan l-eżempju, Ġesù għen lil oħrajn jifhmu aħjar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. w24.02 10 ¶8-9

Is-Sibt, 30 t’Awwissu

“Bl-inkuraġġiment li nirċievu mingħand Alla, aħna nkunu nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn.”—2 Kor. 1:4.

Ġeħova jsaħħaħ u jinkuraġġixxi lil dawk li jkunu mdejqin. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom? Mod wieħed hu billi naħdmu biex ikollna kwalitajiet li jgħinuna nħossu għal oħrajn u ninkuraġġuhom. X’inhuma ftit minn dawn il-kwalitajiet? X’ħa jgħinna biex inkomplu nħobbu u ninkuraġġixxu lil xulxin kuljum? (1 Tess. 4:18) Aħna rridu naħdmu biex inħossu għal xulxin, nuru affezzjoni, u qalb tajba lejn xulxin. (Kol. 3:12; 1 Pt. 3:8) Dan kif se jgħinna? Meta nħossu għal ħutna u veru jkun jinteressana minnhom, se nkunu nixtiequ ħafna ninkuraġġuhom meta jkollhom problemi kbar. Bħalma qal Ġesù: “In-nies jitkellmu dwar dak li hemm f’qalbhom. Raġel tajjeb jgħid affarijiet tajbin għax affarijiet tajbin għandu f’qalbu.” (Mt. 12:​34, 35) Li ninkuraġġixxu lil ħutna hu mod importanti kif nuru li aħna nħobbuhom. w23.11 10 ¶10-11

Il-Ħadd, 31 t’Awwissu

“Dawk li għandhom id-dehen jifhmu.”—Dan. 12:10.

Biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna bżonn l-għajnuna. Aħseb dwar dan l-eżempju. Immaġinak mort f’post ġdid, imma ħabib tiegħek li qiegħed miegħek jafu sew il-post. Hu jaf eżatt fejn qegħdin u minn fejn għandkom tgħaddu. Int żgur tkun ferħan li l-ħabib ġie miegħek! Ġeħova hu bħal dak il-ħabib. Hu jaf x’se jiġri fil-futur tagħna. Għalhekk, biex nifhmu l-profeziji tal-Bibbja għandna nkunu umli u nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna. (Dan. 2:28; 2 Pt. 1:​19, 20) Bħal kull ġenitur tajjeb, Ġeħova jixtieq li t-tfal tiegħu jkollhom futur sabiħ. (Ġer. 29:11) Imma Ġeħova hu aħjar minn ġenitur uman, għax hu jistaʼ jgħidilna x’se jiġri fil-futur, u dak li jgħid dejjem jiġri. Ġeħova uża rġiel biex jiktbu l-profeziji fil-Kelma tiegħu ħalli nkunu nafu affarijiet importanti qabel jiġru.—Is. 46:10. w23.08 8 ¶3-4

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja